24.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1255

tat-18 ta' Lulju 2019

li temenda l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talba tal- Bank Ewropew tal-Investiment,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2),

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Fil-laqgħa tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-“Bank”) approva skeda ta' żmien biex jimplimenta l-bidliet fil-governanza li kien stabbilixxa f'laqgħa fis-17 ta' Lulju 2018.

(2)

Wara deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank tat-22 ta' Ġunju 2018, grupp ta' ħidma ta' livell għoli dwar l-azzjonisti ġie mlaqqa' biex janalizza l-possibbiltajiet li ċerti Stati Membri jissottoskrivu kapital addizzjonali fil-Bank.

(3)

Huwa xieraq li jiżdied il-kapital sottoskritt tal-Polonja b'EUR 5 386 000 000 f'konformità mat-talba tagħha.

(4)

Huwa xieraq ukoll li jiżdied il-kapital sottoskritt tar-Rumanija b'EUR 125 452 381 f'konformità mat-talba tagħha.

(5)

Fil-kuntest ta' dawk iż-żidiet, id-dispożizzjonijiet dwar in-nomina ta' membri supplenti fil-Bord tad-Diretturi tal-Bank minn gruppi ta' Stati Membri li jaġixxu bi qbil komuni jenħtieġ li jiġu emendati wkoll.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istatut tal-Bank jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment, anness għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huwa emendat kif ġej:

(1)

l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-kapital tal-Bank għandu jkun ta' EUR 248 795 606 881, sottoskritt mill-Istati Membri kif ġej:”;

(b)

il-linji li jikkonċernaw il-Polonja u r-Rumanija jinbidlu b'dan li ġej:

“Polonja

11 366 679 827 ”

“Rumanija

1 639 379 073 ”;

(2)

it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) jinbidel b'dan li ġej:

“Id-diretturi supplenti għandhom jinħatru mill-Bord tal-Gvernaturi għal ħames snin kif jidher hawn taħt:

żewġ diretturi supplenti nominati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

żewġ diretturi supplenti nominati mir-Repubblika Franċiża,

żewġ diretturi supplenti nominati mir-Repubblika Taljana,

żewġ diretturi supplenti nominati bi qbil komuni bejn ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża,

tliet diretturi supplenti nominati bi qbil komuni bejn ir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tan-Netherlands,

tliet diretturi supplenti nominati bi qbil komuni bejn ir-Repubblika tal-Kroazja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja,

erba' diretturi supplenti nominati bi qbil komuni bejn ir-Renju tad-Danimarka, ir- Repubblika Ellenika, l-Irlanda u r-Rumanija,

sitt diretturi supplenti nominati bi qbil komuni bejn ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja,

sitt diretturi supplenti nominati bi qbil komuni bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' Ċipru, l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka,

direttur supplenti wieħed nominat mill-Kummissjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika xahar wara d-data li fiha tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/654 (3).

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)  Opinjoni tas-17 ta' April 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-15 ta' Mejju 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/654 tal-15 ta' April 2019 li temenda l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (ĠU L 110, 25.4.2019, p. 36).