23.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1251

tal-15 ta' Lulju 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni, fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fir-rigward tal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor, tal-1992 (1) (“il-Ftehim”) ġie konkluż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE (2), u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1993. Il-Ftehim ġie konkluż għal perjodu ta' tliet snin sal-31 ta' Diċembru 1995, u minn dakinhar 'l hawn ġie estiż regolarment għal perjodi ulterjuri ta' sentejn. Il-Ftehim ġie estiż l-aħħar permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor f'Diċembru 2017 u jibqa' fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2019.

(2)

Skont l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor jista' jestendi l-Ftehim għal perjodi suċċessivi ta' mhux aktar minn sentejn kull darba.

(3)

Il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, matul il-55 sessjoni tiegħu fid-19 ta' Lulju 2019, għandu jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-Ftehim sal-31 ta' Diċembru 2021.

(4)

Qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, matul il-55 sessjoni tiegħu, se jivvota wkoll fuq proposta mressqa mill-Unjoni għall-emenda tal-Ftehim fir-rigward tar-regoli tiegħu dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor. Dik il-proposta hija r-riżultat ta' negozjati mmexxija mill-Kummissjoni f'konformità ma' awtorizzazzjoni mill-Kunsill biex tiftaħ negozjati, f'isem l-Unjoni, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2242 (3).

(5)

Ċaħda possibbli tal-proposta għall-emenda tal-Ftehim tkun tmur kontra l-objettivi tal-Unjoni li l-Ftehim jiġi mmodernizzat u b'hekk tkun tqiegħed fid-dubju l-benefiċċji tal-estensjoni tal-Ftehim.

(6)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni, fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fir-rigward tal-estensjoni tal-Ftehim. Jekk isir qbil ukoll dwar l-emenda tal-Ftehim, l-estensjoni tal-Ftehim tkun fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni, fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor għandha tkun li tivvota favur l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali taz-Zokkor tal-1992 għal perjodu ulterjuri ta' massimu ta' sentejn, sal-31 ta' Diċembru 2021.

Madankollu, jekk il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor ma japprovax il-proposta tal-Unjoni għall-emenda tal-Ftehim fir-rigward tar-regoli tiegħu dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor, il-Kummissjoni għandha topponi l-adozzjoni ta' deċiżjoni b'kunsens rigward l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 u għandha tastjeni minn kull vot sussegwenti fuq dik il-kwistjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Lulju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

J. LEPPÄ


(1)   ĠU L 379, 23.12.1992, p. 16.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta' Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor 1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2242 tat-30 ta' Novembru 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 322, 7.12.2017, p. 29).