|
18.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 192/32 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1217
tas-17 ta' Lulju 2019
dwar l-istandards armonizzati għall-apparat personali li jżomm f'wiċċ l-ilma - ġkieket tas-salvataġġ imfassla b'appoġġ għad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 11(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (2), l-Istati Membri għandhom jippreżumu li l-apparat personali protettiv (PPE) imsemmi fl-Artikolu 8(2) jissodisfa l-ħtiġiet bażiċi msemmija fl-Artikolu 3 jekk ikollu l-markatura CE skont liema manifattur hu kapaċi jipproduċi, meta mitlub, mhux biss id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 12 iżda wkoll iċ-ċertifikat maħruġ mill-korp li għalih ingħata notifika skont Artikolu 9 li jivverifika l-konformità tagħhom mal-istandards nazzjonali rilevanti, li jbiddlu l-istandards armonizzati, valutati fuq livell ta' eżami tat-tip KE skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(4)(a) u (b). |
|
(2) |
F'Settembru 2014, l-Iżvezja ressqet oġġezzjoni formali fir-rigward tal-istandards EN ISO 12402-2:2006 “Personal flotation devices - Part 2: Lifejackets, performance level 275 - Safety requirements (ISO 12402-2:2006)” emendat bl-EN ISO 12402-2:2006/A1:2010, EN ISO 12402-3:2006 “Personal flotation devices - Part 3: Lifejackets, performance level 150 - Safety requirements (ISO 12402-3:2006)” emendat bl-EN ISO 12402-3:2006/A1:2010 u EN ISO 12402-4:2006 “Personal flotation devices - Part 4: Lifejackets, performance level 100 - Safety requirements (ISO 12402-4:2006)” emendat bl-EN ISO 12402-4:2006/A1:2010. Fi żmien l-oġġezzjoni, ir-referenzi tal-istandards ġew ippubblikati fil-11 ta' April 2014 f'Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (3). L-istandards ġew ippubblikati l-aħħar fis-27 ta' Marzu 2018 f'Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (4). Skont dik il-Komunikazzjoni, l-istandards armonizzati kkonċernati jkomplu jikkonferixxu preżunzjoni ta' konformità mad-Direttiva 89/686/KEE biss u sal-20 ta' April 2019 biss. Mill-21 ta' April 2019, din il-preżunzjoni ta' konformità skont id-Direttiva 89/686/KEE ma tibqax tapplika. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Istati Membri ma għandhomx ixekklu d-disponibbiltà fis-suq ta' prodotti koperti mid-Direttiva 89/686/KEE li jkunu konformi ma' dik id-Direttiva u li jkunu tqiegħdu fis-suq qabel il-21 ta' April 2019. |
|
(3) |
Ir-raġuni tal-oġġezzjoni formali kienet ibbażata fuq l-allegat nuqqas tal-istandards ta' referenza biex jikkonformaw mar-rekwiżiti bażiċi dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE, b'mod partikolari l-punt 1.1.1 dwar Prinċipji tad-disinn - Ergonomija, il-punt 1.2.1 dwar PPE li ma jagħmilx ħsara - Nuqqas ta' riskji u fatturi oħra “moħbija” li jdejqu u l-punt 3.4 dwar Prevenzjoni mill-għarqa (ġkieket tas-salvataġġ, armbands u lifesaving suits) rigward il-ġkieket tas-salvataġġ. |
|
(4) |
L-oġġezzjoni formali ppreżentata mill-Iżvezja tirreferi għal aċċident fuq il-post tax-xogħol li seħħ meta ġakketta tas-salvataġġ li tintefaħ, mgħammra b'apparat ta' nfiħ awtomatiku u li kienet milbusa minn impjegat li waqa' fl-ilma kiesaħ, ma ntefħitx. L-investigazzjonijiet imwettqa mill-Awtorità Żvediża dwar l-Ambjent tax-Xogħol ikkonkludew li l-ġakketta tas-salvataġġ ma ntefħitx għax l-iskartoċċ tal-gass inqala' parzjalment u ċċaqlaq minħabba l-movimenti tal-ġisem, il-fatturi ambjentali u l-operazzjonijiet li twettqu waqt l-użu. Jekk iċ-ċilindru tal-gass jinqala', il-ġakketta tas-salvataġġ li tintefaħ ma tibqax sikura u titlef il-proprjetajiet protettivi tagħha matul l-użu, b'hekk il-prodott ma jibqax tajjeb biex jipproteġi lin-nies kontra r-riskju ta' għarqa. Ġew irrappurtati aċċidenti jew inċidenti oħra li jinvolvu utenti professjonali u konsumaturi lill-Awtorità Żvediża dwar l-Ambjent tax-Xogħol, u nstabu wkoll ċilindri tal-gass maħlula jew maqlugħa f'diversi ġkieket tas-salvataġġ li jintefħu. Barra minn hekk, instab li minn naħa xi ditti tal-ġkieket tas-salvataġġ li jintefħu ma kellhomx tieqa tal-indikatur, b'hekk waqt l-użu ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni jekk il-prodott huwiex sikur għall-użu jew le, u min-naħa l-oħra nstab li meta l-ġakketta tas-salvataġġ li tintefaħ tkun mgħammra b'tieqa tal-indikatur, waqt l-użu l-utent ma jkunx jista' jara t-tieqa minħabba l-pożizzjoni tagħha fuq il-ġakketta tas-salvataġġ. |
|
(5) |
B'konsegwenza ta' dan, l-Iżvezja identifikat defiċjenza fl-istandards armonizzati msemmija hawn fuq. Id-defiċjenza tinsab fin-nuqqas ta' rekwiżiti li jiżguraw li l-iskartoċċ tal-gass tal-ġakketta tas-salvataġġ li tintefaħ ma jinqalax u ma jiċċaqlaqx waqt l-użu, li jwassal biex il-ġakketta tas-salvataġġ titlef il-funzjoni protettiva tagħha, b'mod partikolari meta l-utent ikun espost għar-riskju ta' għarqa. Fin-nuqqas ta' dawn ir-rekwiżiti, ma jistax jiġi żgurat li l-funzjoni protettiva tal-ġakketta tas-salvataġġ li tintefaħ tinżamm fiċ-ċirkostanzi raġonevoli kollha tal-użu u tal-imġiba prevedibbli tal-utent, irrispettivament minn jekk din tkunx għal użu privat jew professjonali. |
|
(6) |
Il-Kumitat Tekniku 162 tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) (“CEN/TC 162”) irreaġixxa għall-oġġezzjoni formali mressqa mill-Iżvezja u ddikjara li l-aċċident imsemmi ma kienx minħabba nuqqas fl-istandards armonizzati kkonċernati. Skont il-valutazzjoni tiegħu, l-iskartoċċ tal-gass inqala' minħabba d-disinn difettuż tal-ġakketta tas-salvataġġ li tintefaħ li ma ġiex identifikat qabel ma l-prodott tqiegħed fis-suq. Li kieku twettqet valutazzjoni tar-riskji b'sekwenzi ta' taħriġ u ta' manutenzjoni għall-utent, il-ġakketta tas-salvataġġ kienet tkun mgħammra b'apparat ta' nfiħ differenti u mtejjeb biex jipprevjeni l-aċċidenti. |
|
(7) |
L-Iżvezja wieġbet għall-informazzjoni pprovduta mis-CEN/TC 162 u ddikkjarat li l-problema ma kinitx minħabba disinn difettuż tal-ġakketta tas-salvataġġ li tintefaħ, għax din ġiet iddisinjata skont il-klawsoli rilevanti tal-istandards armonizzati msemmija. Din tenniet li l-problema tinħoloq peress li dawk l-istandards ma fihomx rekwiżiti speċifiċi għal funzjoni ta' llokkjar li tipprevjeni li l-iskartoċċ tal-gass jinqala' jew jinħall waqt l-użu, u li ppreveniet li l-ġakketta tas-salvataġġ tintefaħ biex tipprovdi protezzjoni kontra l-għarqa. |
|
(8) |
Wara li eżaminat l-istandards armonizzati EN ISO 12402-2:2006 emendat bl-EN ISO 12402-2:2006/A1:2010, EN ISO 12402-3:2006 emendat bl-EN ISO 12402-3:2006/A1:2010 u EN ISO 12402-4:2006 emendat bl-EN ISO 12402-4:2006/A1:2010, flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati fil-Grupp ta' Ħidma dwar it-Tagħmir Protettiv Personali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-klawsoli ta' dawk l-istandards armonizzati mmirati li jkopru r-rekwiżiti bażiċi dwar is-saħħa u s-sigurtà stabbiliti fil-punt 1.1.1 dwar Prinċipji tad-disinn - Ergonomija, il-punt 1.2.1 dwar PPE li ma jagħmilx ħsara - Nuqqas ta' riskji u fatturi oħra “moħbija” li jdejqu u l-punt 3.4 dwar Prevenzjoni mill-għarqa (ġkieket tas-salvataġġ, armbands u lifesaving suits) tal-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE, ma jindirizzawx b'mod adegwat ir-riskji relatati b'mod partikolari r-riskju tal-għarqa għall-ġkieket tas-salvataġġ li jintefħu. Attwalment l-istandards armonizzati rilevanti ma jinkludux rekwiżiti speċifiċi biex jiżguraw li l-apparat ta' nfiħ jaħdem sew taħt iċ-ċirkostanzi raġonevoli kollha tal-użu u tal-imġiba prevedibbli tal-utent, biex tiġi pprovduta l-protezzjoni adegwata kontra r-riskju ta' għarqa. Konsegwentement, instab li l-prodotti ddisinjati u mmanifatturati skont dawk l-istandards xorta għadhom jikkawżaw aċċidenti u inċidenti li jinvolvu utenti professjonali u konsumaturi. |
|
(9) |
Minkejja dan, il-Kummissjoni tqis li l-klawsoli l-oħra tal-istandards armonizzati rilevanti, li mhumiex is-suġġett tal-oġġezzjoni formali, jibqgħu validi biex jagħtu preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti bażiċi dwar is-saħħa u s-sigurtà tad-Direttiva 89/686/KEE li għandhom l-għan li jkopru. |
|
(10) |
Wara li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, jenħtieġ li r-referenzi tal-istandards armonizzati EN ISO 12402-2:2006 emendat bl-EN ISO 12402-2:2006/A1:2010, EN ISO 12402-3:2006 emendat bl-EN ISO 12402-3:2006/A1:2010 u EN ISO 12402-4:2006 emendat bl-EN ISO 12402-4:2006/A1:2010, ippubblikati fis-27 ta' Marzu 2018 fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv, jinżammu b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li r-restrizzjoni teskludi l-klawsoli speċifiċi ta' dawk l-istandards immirati biex ikopru r-rekwiżiti bażiċi dwar is-saħħa u s-sigurtà stabbiliti fil-punt 1.1.1 dwar Prinċipji tad-disinn - Ergonomija, il-punt 1.2.1 dwar PPE li ma jagħmilx ħsara - Nuqqas ta' riskji u fatturi oħra “moħbija” li jdejqu u l-punt 3.4 dwar Prevenzjoni mill-għarqa (ġkieket tas-salvataġġ, armbands u lifesaving suits) tal-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE. |
|
(11) |
Sabiex jiġi żgurat li r-restrizzjoni tapplika kemm jista' jkun malajr, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Istandards stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għall-apparat personali li jżomm f'wiċċ l-ilma - ġkieket tas-salvataġġ imfassla b'appoġġ għad-Direttiva 89/686/KEE, elenkati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u ppubblikati fis-27 ta' Marzu 2018 fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv, huma b'dan miżmuma b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18).
(3) ĠU C 110, 11.4.2014, p. 77.
(4) ĠU C 113, 27.3.2018, p. 3.
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar tagħmir ta' protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51).
ANNESS
Lista ta' referenzi ta' standards armonizzati miżmuma b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
|
Nru |
Referenza tal-istandard |
|
1. |
EN ISO 12402-2:2006 Apparati personali li jżommu f'wiċċ l-ilma – Parti 2: Ġkieket tas-salvataġġ, livel ta' operat 275 – Rekwiżiti ta' sigurtà (ISO 12402-2:2006) EN ISO 12402-2:2006/A1:2010 |
|
2. |
EN ISO 12402-3:2006 Apparati personali li jżommu f'wiċċ l-ilma – Parti 3: Ġkieket tas-salvataġġ, livel ta' operat 150 – Rekwiżiti ta' sigurtà (ISO 12402-3:2006) EN ISO 12402-3:2006/A1:2010 |
|
3. |
EN ISO 12402-4:2006 Apparati personali li jżommu f'wiċċ l-ilma – Parti 4: Ġkieket tas-salvataġġ, livel ta' operat 100 – Rekwiżiti ta' sigurtà (ISO 12402-4:2006) EN ISO 12402-4:2006/A1:2010 |
Avviż: ir-referenzi tal-istandards armonizzati elenkati fit-Tabella għandhom jinżammu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bir-restrizzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-applikazzjoni tal-klawsoli 5.6.1.1, 5.6.1.2 u 5.6.1.4 ta' kull standard ma tagħtix preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżit bażiku tas-saħħa u s-sigurtà stabbilit fil-punt 1.1.1. tal-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE; |
|
(b) |
l-applikazzjoni tal-klawsoli 5.3.2, 5.3.3, 5.6.1.3, 5.6.1.6 u 5.6.1.7 ta' kull standard ma tagħtix preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżit bażiku tas-saħħa u s-sigurtà stabbilit fil-punt 1.2.1. tal-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE; |
|
(c) |
l-applikazzjoni tal-klawsoli 5.2, 5.3.1, 5.3.3, 5.3.4 u 5.6.2.5 ta' kull standard ma tagħtix preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżit bażiku tas-saħħa u s-sigurtà stabbilit fil-punt 3.4. tal-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE. |