5.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 409/50


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-4 ta’ Diċembru 2019

li taħtar tliet membri u tliet supplenti tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

(2019/C 409/04)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/942 jipprevedi li l-Kunsill jaħtar ħames membri u s-supplenti tagħhom fil-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) (il-“Bord Amministrattiv”).

(2)

Skont ir-Regolament (UE) 2019/942, membru tal-Bord Amministrattiv ma jistax ikun membru tal-Bord tar-Regolaturi tal-ACER, u l-membri tal-Bord Amministrattiv għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u objettiv fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi.

(3)

Minħabba l-iskadenza tal-mandat ta’ tliet membri u żewġ supplenti tal-Bord Amministrattiv maħtur mill-Kunsill, jenħtieġ li jsiru ħatriet ġodda biex jissostitwixxuhom. Barra minn hekk, peress li kandidat li bħalissa jaġixxi bħala supplenti għandu jinħatar mill-ġdid għal perijodu ta’ erba’ snin, jenħtieġ li jinħatar supplenti ieħor biex iwettaq il-mandat attwali ta’ dak il-kandidat għall-bqija tal-mandat tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-persuni li ġejjin għandhom jinħatru bħala membri tal-Bord Amministrattiv għal perijodu ta’ erba’ snin mit-28 ta’ Jannar 2020:

is-Sur Michel THIOLLIÈRE, Franza,

is-Sur Bogdan Marius CHIRIȚOIU, ir-Rumanija,

is-Sinjura Karin LUNNING, l-Iżvezja.

Artikolu 2

Il-persuni li ġejjin għandhom jinħatru bħala membri supplenti tal-Bord Amministrattiv għal perijodu ta’ erba’ snin mit-28 ta’ Jannar 2020:

is-Sur Zhencho Donchev STANKOV, il-Bulgarija,

is-Sur Paweł PIKUS, il-Polonja.

Artikolu 3

Il-persuna li ġejja għandha tinħatar bħala membru supplenti tal-Bord Amministrattiv għal perijodu ta’ sentejn mit-28 ta’ Jannar 2020 biex tissostitwixxi l-membru supplenti attwali, is-Sur Pikus:

is-Sur Václav BARTUŠKA, iċ-Ċekja.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

H. KOSONEN


(1)  ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22.