|
16.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 190/1 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1205
tat-12 ta' Lulju 2019
li tagħti deroga mitluba mill-Belġju fir-rigward tar-reġjun tal-Fjandri skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli
(notifikata bid-dokument C(2019) 5180)
(Il-verżjonijiet bl-Olandiż u bil-Franċiż biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-punt 2 tal-Anness III tagħha,
Billi:
|
(1) |
Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1499 (2) il-Belġju ngħata deroga li tippermettilu jawtorizza fir-reġjun tal-Fjandri, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-użu fl-art ta' massimu ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem fuq irqajja' kkultivati bil-bur u l-qamħirrum miżrugħ flimkien mal-bur, bil-bur tal-qtugħ segwit mill-qamħirrum u bis-segala tal-qtugħ segwita mill-qamħirrum u sa 200 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem fuq irqajja' kkultivati bil-qamħ tax-xitwa u bit-tritikal segwit minn għelejjel tat-titwiq u bil-pitravi zokkrija jew għall-għalf. |
|
(2) |
Id-deroga mogħtija permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1499 kienet tikkonċerna madwar 2 870 bidwi u 94 280 ettaru ta' art u skadiet fil-31 ta' Diċembru 2018. |
|
(3) |
Fil-21 ta' Diċembru 2018, il-Belġju ressaq talba quddiem il-Kummissjoni biex jingħata deroga ġdida skont it-tielet subparagrafu tal-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE fir-rigward tar-reġjun tal-Fjandri. |
|
(4) |
Id-deroga mitluba tikkonċerna l-intenzjoni tal-Belġju li jippermetti l-applikazzjoni fir-raba f'azjendi agrikoli speċifiċi fil-Fjandri, ta' massimu ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem li jirgħu u minn demel ittrattat fuq irqajja' kkultivati bil-bur, bur imħallat bix-xnien, qamħirrum miżrugħ flimkien mal-bur u bur tal-qtugħ jew segala tal-qtugħ segwiti mill-qamħirrum u sa 200 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem u minn demel ittrattat fuq irqajja' kkultivati bil-qamħ tax-xitwa jew bit-tritikal segwit minn għelejjel tat-titwiq u bil-pitravi. |
|
(5) |
L-informazzjoni pprovduta mill-Belġju fil-kuntest tad-deroga mogħtija permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1499, tindika li d-deroga ma wasslitx għal deterjorament tal-kwalità tal-ilma. Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE għall-perjodu bejn l-2012 u l-2015 (3) juri li fir-reġjun tal-Fjandri, madwar 81 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ tal-ilma ta' taħt l-art irrapportaw konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l u 63 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ tal-ilma ta' taħt l-art irrapportaw konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. Id-data tal-monitoraġġ uriet it-tendenza li l-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma ta' taħt l-art qiegħda tonqos meta mqabbla ma' dik tal-perjodu preċedenti tar-rapportar (mill-2008 sal-2011). Għall-ilma tal-wiċċ, 95 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ irrapportaw konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l u 75 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ irrapportaw konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. Il-maġġoranza tal-punti ta' monitoraġġ fl-ilmijiet tal-wiċċ urew tendenza fejn il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati qed jonqsu. Fil-perjodu ta' rapportar mill-2012 sal-2015, madwar 76 % tax-xmajjar kienu kklassifikati bħala jew ewtrofiċi jew ipertrofiċi, li huwa simili għall-perjodu ta' rapportar preċedenti (mill-2008 sal-2011). |
|
(6) |
Data aktar reċenti pprovduta mill-Belġju għar-reġjun tal-Fjandri turi li l-kwalità tal-ilma ta' taħt l-art u tal-wiċċ fil-Fjandri fir-rigward tal-kontaminazzjoni min-nitrati ma marritx għall-aħjar mill-2015. |
|
(7) |
Il-Fjandri beħsiebhom jilħqu l-għanijiet li ġejjin relatati mal-kwalità tal-ilma matul il-programm ta' azzjoni għall-perjodu bejn l-2019 u l-2022 fir-rigward taż-żoni ta' qbid kollha. Għall-ilma tal-wiċċ, tnaqqis fid-distanza medja fil-mira b'4 mg ta' nitrati għal kull litru b'konċentrazzjoni medja ogħla mid-distanza fil-mira ta' 20 mg ta' nitrati għal kull litru; għall-ilma ta' taħt l-art fil-baxx, li għandu rata ta' rkupru aktar bil-mod, għandha tinkiseb tendenza 'l isfel globali ta' mill-anqas 3 mg ta' nitrati għal kull litru fiż-żoni ta' qbid kollha li għandhom konċentrazzjoni medja ogħla minn 50 mg ta' nitrati għal kull litru jew bejn 40 u 50 mg ta' nitrati għal kull litru b'tendenza ta' żieda. |
|
(8) |
Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Fjandri stabbilew programm ta' azzjoni msaħħaħ għall-perjodu bejn l-2019 u l-2022. Għat-tmiem tal-2020 huwa previst li jsir rieżami tal-għażla tat-tipi taż-żoni fejn ġew implimentati miżuri msaħħa abbażi tar-riżultati ta' monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma tal-wiċċ matul ix-xtiewi tas-snin bejn l-2018 u l-2019 u bejn l-2019 u l-2020 u tal-kwalità tal-ilma ta' taħt l-art matul is-snin bejn l-2018 u l-2019. Il-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 91/676/KEE għar-reġjun tal-Fjandri, jiġifieri d-“Digriet għall-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli” (4) (id-“Digriet dwar id-Demel”), ġiet emendata skont il-programm ta' azzjoni għall-perjodu bejn l-2019 u l-2022 fl-24 ta' Mejju 2019 u tapplika flimkien ma' din id-Deċiżjoni. |
|
(9) |
Id-Digriet dwar id-Demel japplika fit-territorju kollu tar-reġjun tal-Fjandri. |
|
(10) |
Id-Digriet dwar id-Demel jinkludi limiti għall-applikazzjoni fir-raba' kemm tan-nitroġenu kif ukoll tal-fosforu. |
|
(11) |
Il-frazzjonijiet solidi li jirriżultaw mit-trattament tad-demel għandhom jintbagħtu għar-riċiklaġġ f'installazzjonijiet awtorizzati bil-għan li jitnaqqsu l-irwejjaħ u emissjonijiet oħrajn, jittejbu l-proprjetajiet agronomiċi u iġjeniċi, jitħaffef il-maniġġ u jissaħħaħ l-irkupru tan-nitroġenu u tal-fosfat. |
|
(12) |
Id-dokumenti ta' sostenn ippreżentati mill-Belġju dwar ir-reġjun tal-Fjandri juru li l-ammont propost tan-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem ta' 250 u 200 kg rispettivament għal kull ettaru fis-sena huwa ġġustifikat abbażi ta' kriterji oġġettivi bħalma huma staġuni twal tat-tkabbir u għelejjel b'assorbiment għoli ta' nitroġenu. |
|
(13) |
L-aħħar data pprovduta mill-Belġju għall-Fjandri għall-perjodu bejn l-2015 u l-2017 turi tnaqqis ta' 4,7 % fl-għadd tal-ħnieżer. L-għadd ta' tjur juri żieda ta' 14,3 % bejn l-2014 u l-2017. L-għadd ta' bhejjem tal-ifrat baqa' stabbli. Sabiex jiġi evitat li l-applikazzjoni tad-deroga mitluba twassal għal intensifikazzjoni fit-trobbija tal-bhejjem, l-awtoritajiet kompetenti se jillimitaw l-għadd ta' bhejjem li jistgħu jinżammu f'kull farm (drittijiet ta' emissjonijiet min-nutrijenti) fir-reġjun tal-Fjandri skont id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Digriet dwar id-Demel. |
|
(14) |
Id-data rrapportata mill-Belġju dwar ir-reġjun tal-Fjandri għall-perjodu bejn l-2012 u l-2015 uriet tnaqqis ta' 4,9 % fl-użu tan-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu bejn l-2012 u l-2014 meta mqabbel mal-perjodu bejn l-2004 u l-2007. L-aħħar għadd disponibbli għall-2015, l-2016 u l-2017 juri tnaqqis ulterjuri fl-użu tan-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem ta' 4,0 % bejn l-2014 u l-2017, sa valur ta' 90,6 elf tunnellata fl-2017. Matul il-perjodu ta' rapportar bejn l-2012 u l-2015, l-użu tan-nitroġenu minerali kien simili għall-perjodu bejn l-2008 u l-2011. L-aħħar data disponibbli għall-2015, l-2016 u l-2017 turi li l-użu tan-nitroġenu minerali żdied għal 48,6 elf tunnellata fl-2017, li hija żieda ta' 21 % meta mqabbla mal-2014. |
|
(15) |
Fl-irqajja' b'ħamrija b'disponibbiltà baxxa ta' fosforu (klassi I) u ħamrija fiż-żona fil-mira (klassi II), jista' jkun hemm bżonn li jiġi applikat fosfat addizzjonali minn fertilizzant kimiku. Jenħtieġ li tali fertilizzanti ma jintużawx fuq irqajja' b'ħamrija b'disponibbiltà moderata ta' fosforu (klassi III) u ħamrija b'disponibbiltà għolja ta' fosforu (klassi IV). |
|
(16) |
Il-Fjandri għandhom netwerk dens ta' stazzjonijiet ta' monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma. Dak in-netwerk jista' jintuża bħala alternattiva għan-netwerk tal-monitoraġġ tad-deroga attwali u jenħtieġ li jippermetti li tiġi osservata l-prestazzjoni tal-farms li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont id-deroga mitluba mill-Belġju meta mqabbla ma' farms li ma jibbenefikawx minn tali awtorizzazzjoni, u li jiġi mmonitorjat l-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva 91/676/KEE. Jenħtieġ li ssir aktar riċerka sabiex tiġi mifhuma aħjar ir-rabta bejn it-telf tan-nitrati fil-livell tal-irqajja' u l-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta' taħt l-art fil-livell ta' (sub)żona ta' qbid, sabiex jiġi kkalibrat u vvalidat il-mudell tal-emissjonijiet tan-nutrijenti. |
|
(17) |
Wara l-eżami tat-talba jista' jitqies li l-ammonti proposti ta' 250 kg u 200 kg rispettivament għal kull ettaru fis-sena ta' nitroġenu minn demel ta' bhejjem li jirgħu u minn demel ittrattat, mhumiex se jippreġudikaw l-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva 91/676/KEE, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet stretti li jenħtieġ li japplikaw flimkien mal-miżuri msaħħa meħuda fil-programm ta' azzjoni għall-perjodu bejn l-2019 u l-2022. |
|
(18) |
Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u l-politiki jew l-attivitajiet li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent. Fejn applikabbli, l-informazzjoni ġeografika miġbura fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dik id-Direttiva. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u tiżdied il-koerenza tad-data, il-Belġju, meta jiġbor id-data meħtieġa skont din id-Deċiżjoni jenħtieġ li, fejn xieraq, juża l-informazzjoni ġġenerata skont is-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
|
(19) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati mwaqqaf skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Deroga
Id-deroga mitluba mill-Belġju, f'isem ir-reġjun tal-Fjandri, bil-għan li tkun permessa l-applikazzjoni fir-raba ta' ammont ogħla ta' nitroġenu mid-demel tal-bhejjem minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE hija mogħtija soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 12 ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
Id-deroga mogħtija skont l-Artikolu 1 għandha tapplika għal irqajja' speċifikati ta' farm li fuqhom jiġu kkultivati għelejjel li jirrikjedu ħafna nitroġenu u bi staġun twil ta' tkabbir u li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni skont l-Artikoli 4 sa 7.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“farms” tfisser azjendi agrikoli kemm jekk irabbu l-bhejjem kif ukoll jekk ma jrabbux; |
|
(b) |
“roqgħa” tfisser għalqa individwali jew grupp ta' għelieqi, li huma omoġenji fir-rigward tal-għelejjel, it-tip ta' ħamrija u l-prattiki ta' fertilizzazzjoni; |
|
(c) |
“bur” tfisser bur permanenti jew temporanju (temporanju ġeneralment tfisser perjodu ta' anqas minn erba' snin); |
|
(d) |
“għelejjel li jirrikjedu ħafna nitroġenu u bi staġun twil ta' tkabbir” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
|
|
(e) |
“bhejjem li jirgħu” tfisser bhejjem tal-ifrat (għajr għall-għoġġiela tal-vitella), nagħaġ, mogħoż u żwiemel; |
|
(f) |
“trattament tad-demel” tfisser l-ipproċessar tad-demel f'żewġ frazzjonijiet, frazzjoni solida u l-oħra likwida, imwettaq sabiex tittejjeb l-applikazzjoni fir-raba u jiżdied l-irkupru tan-nitroġenu u tal-fosforu; |
|
(g) |
“demel ittrattat” tfisser il-frazzjoni likwida li tirriżulta mit-trattament tad-demel; |
|
(h) |
“effluwent b'kontenut baxx ta' nitroġenu u fosfat” tfisser demel ittrattat b'kontenut massimu ta' nitroġenu ta' 1 kg għal kull tunnellata ta' effluwent u kontenut massimu ta' fosfat ta' 1 kg għal kull tunnellata ta' effluwent; |
|
(i) |
“profil tal-ħamrija” tfisser is-saff tal-ħamrija li jinsab taħt il-wiċċ tal-art sa fond ta' 0,90 m, sakemm il-medja tal-ogħla livell ta' ilma ta' taħt l-art ma tkunx aktar fil-baxx; f'dan il-każ il-fond għandu jkun il-medja tal-ogħla livell ta' ilma ta' taħt l-art. |
|
(j) |
“pjan ta' fertilizzazzjoni” tfisser kalkolu minn qabel dwar l-użu maħsub u d-disponibbiltà tan-nutrijenti; |
|
(k) |
“kont tal-fertilizzazzjoni” tfisser il-bilanċ tan-nutrijenti abbażi tal-użu reali u l-assorbiment tan-nutrijenti. |
Artikolu 4
Applikazzjoni u impenn annwali
1. Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga skont din id-Deċiżjoni għandhom ta' kull sena jissottomettu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti sal-15 ta' Frar. Għas-sena 2019, l-applikazzjoni annwali għandha tiġi sottomessa sal-31 ta' Lulju.
2. Flimkien mal-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1, il-bdiewa għandhom jintrabtu bil-miktub li se jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6, 7 u 8.
Artikolu 5
L-għoti ta' awtorizzazzjonijiet
L-awtorizzazzjonijiet biex jiġi applikat ammont ogħla ta' nitroġenu mid-demel tal-bhejjem għandhom jingħataw soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6, 7 u 8.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet dwar it-trattament tad-demel
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-frazzjoni solida li tirriżulta mit-trattament tad-demel tintbagħat għar-riċiklaġġ f'installazzjonijiet awtorizzati.
L-installazzjonijiet awtorizzati għandhom ta' kull sena jissottomettu lill-awtoritajiet kompetenti l-ammont tad-demel li jirċievu għat-trattament u d-destinazzjoni tal-frazzjoni solida u tad-demel ittrattat u l-kontenut ta' nitroġenu u fosforu tagħhom.
2. Il-bdiewa li jibbenefikaw mid-deroga li jwettqu t-trattament tad-demel għandhom ta' kull sena jissottomettu lill-awtoritajiet kompetenti d-data relatata mal-ammont ta' demel li jintbagħat għat-trattament, l-ammont tad-demel ittrattat li jirċievu u l-kontenut ta' nitroġenu u fosforu tagħhom.
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw b'mod regolari l-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-kompożizzjoni tad-demel ittrattat, il-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-effiċjenza tat-trattament għal kull farm li jibbenefika minn deroga individwali.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-ammonijaka u emissjonijiet oħra mit-trattament tad-demel jinġabru u jiġu ttrattati sabiex jonqos l-impatt ambjentali u l-inkonvenjent għal dawk l-installazzjonijiet li jikkawżaw emissjonijiet ogħla mis-sitwazzjoni ta' referenza, jiġifieri l-ħażna u l-applikazzjoni fir-raba ta' demel tal-bhejjem mhux ittrattat.
5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jiġi stabbilit u aġġornat b'mod regolari inventarju tal-installazzjonijiet li jirrikjedu trattament tal-emissjonijiet.
Artikolu 7
Kundizzjonijiet rigward l-użu tad-demel u fertilizzanti oħra
1. Soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 11, l-ammont ta' demel tal-bhejjem li jirgħu, demel ittrattat u effluwent b'kontenut baxx ta' nitroġenu u fosfat użat kull sena, inkluż id-demel li jħallu l-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż kwalunkwe wieħed mill-valuri li ġejjin:
|
(a) |
250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena fi rqajja' kkultivati b'dawn li ġejjin:
|
|
(b) |
200 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena fi rqajja' kkultivati b'dawn li ġejjin:
|
2. Id-demel ittrattat jista' jintuża biss jekk ikollu proporzjon ta' nitroġenu mal-fosfat (N/P2O5) ta' mill-anqas 3,3 għal 1, sakemm ma jikkwalifikax bħala effluwent b'kontenut baxx ta' nitroġenu u ta' fosfat.
3. L-applikazzjoni totali fir-raba' ta' nitroġenu u fosfat għandha tikkorrispondi għad-domanda għan-nutrijenti tal-għelejjel ikkunsidrati u tqis il-provvista mill-ħamrija u ż-żieda fid-disponibbiltà ta' nitroġenu fid-demel minħabba t-trattament. Dan ma għandux jaqbeż l-ammonti massimi stabbiliti fid-Digriet dwar id-Demel għall-applikazzjoni fir-raba tal-fosfat u tan-nitroġenu.
4. Il-fosfat mill-fertilizzant kimiku ma għandux jiġi applikat ħlief f'ħamrija b'disponibbiltà baxxa ta' fosforu (klassi I) u ħamrija fiż-żona fil-mira (klassi II).
5. Għandu jitħejja u jinżamm pjan ta' fertilizzazzjoni għal kull farm, li għandu jkopri l-erja kollha tiegħu.
Il-pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:
|
(a) |
l-għadd ta' bhejjem; |
|
(b) |
deskrizzjoni tal-alloġġ u tas-sistema tal-ħażna, inkluż il-volum tal-ħażna tad-demel disponibbli; |
|
(c) |
kalkolu tan-nitroġenu tad-demel (nieqes it-telf fl-alloġġ u l-ħażna) u l-fosforu prodott fil-farm; |
|
(d) |
id-deskrizzjoni tat-trattament tad-demel u l-karatteristiċi mistennija tad-demel ittrattat; |
|
(e) |
l-ammont, it-tip u l-karatteristiċi tad-demel li jintbagħat barra l-farm jew lejn il-farm; |
|
(f) |
in-newba tal-għelejjel u l-erja tal-irqajja' b'għelejjel li jirrikjedu ħafna nitroġenu u bi staġun twil tat-tkabbir u rqajja' b'għelejjel oħra; |
|
(g) |
ir-rekwiżiti prevedibbli għall-għelejjel tan-nitroġenu u l-fosforu għal kull roqgħa; |
|
(h) |
ir-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija b'rabta mal-istatus tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija, jekk ikunu disponibbli; |
|
(i) |
kalkolu tal-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel fuq kull roqgħa; |
|
(j) |
kalkolu tal-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosforu minn fertilizzanti kimiċi u oħra fuq kull roqgħa; |
|
(k) |
kalkoli għall-valutazzjoni tal-konformità mal-istandards għall-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosforu. |
Il-pjanijiet ta' fertilizzazzjoni għandhom ikunu disponibbli f'kull farm għal kull sena kalendarja sal-15 ta' Frar ta' dik is-sena. Dawn għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara li ssir kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli.
6. Il-kontijiet tal-fertilizzazzjoni għandhom jitħejjew minn kull farm. Dawn għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja sal-15 ta' Marzu tas-sena kalendarja sussegwenti.
7. Il-kont tal-fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:
|
(a) |
l-erja tal-għelejjel; |
|
(b) |
l-għadd u t-tip ta' bhejjem; |
|
(c) |
il-produzzjoni tad-demel għal kull annimal; |
|
(d) |
l-ammont ta' fertilizzanti importati mill-farm; |
|
(e) |
l-ammont ta' demel li l-farm jagħti u lil min. |
8. Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli għal kull farm li jibbenefika mid-deroga.
It-teħid ta' kampjuni u l-analiżi għan-nitroġenu u għall-fosforu għandhom jitwettqu mill-anqas darba kull erba' snin sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju għal kull erja omoġenja tal-farm, fir-rigward tan-newba tal-għelejjel u l-karatteristiċi tal-ħamrija.
Għandha ssir tal-anqas analiżi waħda għal kull ħames ettari ta' art agrikola.
9. Il-konċentrazzjoni tan-nitrati fil-profil tal-ħamrija għandha titkejjel kull sena bejn l-1 ta' Ottubru u l-15 ta' Novembru minn laboratorji akkreditati fuq mill-inqas 6 % tal-irqajja' kollha li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 u 1 % tal-irqajja' l-oħra li jintużaw mill-farms li jibbenefikaw minn dik l-awtorizzazzjoni, b'tali mod li jkunu involuti mill-anqas 85 % ta' dawk il-farms. Għal kull 2 ettari ta' art agrikola għandhom ikunu meħtieġa mill-anqas tliet kampjuni li jirrappreżentaw tliet saffi differenti ta' ħamrija mill-profil tal-ħamrija.
10. Bejn l-1 ta' Settembru ta' kull sena u l-15 ta' Frar tas-sena sussegwenti, fl-irqajja' li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 ma għandhomx jintużaw demel, demel ittrattat jew effluwent b'kontenut baxx ta' nitroġenu u fosfat b'kontenut totali ta' nitroġenu ogħla minn 0,60 kg ta' nitroġenu għal kull tunnellata, fertilizzanti kimiċi u oħrajn.
11. Mill-anqas żewġ terzi tal-ammont ta' nitroġenu mid-demel, eskluż in-nitroġenu minn demel tal-bhejjem li jirgħu, għandu jiġi applikat qabel l-1 ta' Ġunju ta' kull sena.
Artikolu 8
Kundizzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-art
1. Il-bdiewa li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 għandhom jaħartu l-bwar bejn il-15 ta' Frar u t-30 ta' April. Il-ħrit tal-bwar għat-tiġdid tal-bwar u l-ħrit tal-bwar fuq ħamrija taflija jista' jsir ukoll bejn il-15 ta' Settembru u t-30 ta' Ottubru.
2. Il-farms li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 għandhom jiżirgħu għelejjel li jirrikjedu ħafna nitroġenu fi żmien ġimagħtejn wara li jinħartu l-bwar, ħlief fuq ħamrija taflija li tkun inħartet bejn il-15 ta' Settembru u t-30 ta' Ottubru.
3. Meta jinħartu l-bwar permanenti, ma għandha tiġi applikata l-ebda fertilizzazzjoni ħlief għaċ-ċereali, il-lift, il-pitravi, il-bwar u l-kaboċċi ta' Brussell wara li ssir analiżi tal-ħamrija billi jitqiesu n-nitroġenu minerali u parametri oħra li jipprovdu referenza biex jiġi stmat ir-rilaxx tan-nitroġenu mill-mineralizzazzjoni tal-materja organika tal-ħamrija.
4. In-newba tal-għelejjel ma għandhiex tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jiffissaw in-nitroġenu atmosferiku. Madankollu, in-newba tal-għelejjel tista' tinkludi xnien fi bwar b'anqas minn 50 % ta' xnien.
5. L-għelejjel tat-titwiq għandhom jinżergħu fi żmien ġimagħtejn wara l-ħsad tal-qamħ tax-xitwa jew tat-tritikal u sa mhux aktar tard mill-15 ta' Settembru.
6. L-għelejjel tat-titwiq ma għandhomx jinħartu qabel il-15 ta' Frar.
Artikolu 9
Miżuri għall-produzzjoni u t-trasport tad-demel
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw il-ħarsien tal-limitu fl-għadd ta' bhejjem li jistgħu jinżammu f'kull farm (drittijiet ta' emissjonijiet min-nutrijenti) fir-reġjun tal-Fjandri skont id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Digriet dwar id-Demel.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li t-trasport tad-demel minn trasportaturi akkreditati jiġi rreġistrat permezz ta' sistemi ta' lokalizzazzjoni ġeografika għall-vjaġġi kollha.
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-kompożizzjoni tad-demel fir-rigward tal-konċentrazzjoni tan-nitroġenu u l-fosforu tiġi vvalutata qabel kull vjaġġ. Il-kampjuni tad-demel għandhom jiġu analizzati minn laboratorji akkreditati u r-riżultati tal-analiżi għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-bidwi li jkun se jirċievi d-demel.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li waqt it-trasport ikun disponibbli dokument li jispeċifika l-ammont ta' demel ittrasportat u l-kontentut ta' nitroġenu u fosforu tiegħu.
Artikolu 10
Monitoraġġ
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-mapep li juru l-perċentwal ta' farms, l-għadd tal-irqajja' tal-art, il-perċentwal tal-bhejjem, il-perċentwal tal-art agrikola u l-użu ta' art lokali koperti minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5, jitfasslu għal kull muniċipalità u jiġu aġġornati kull sena.
2. Kull sena għandha tinġabar u tiġi aġġornata mill-awtorita kompetenti data dwar it-tinwib tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli koperti minn derogi individwali.
3. In-netwerk ta' monitoraġġ għat-teħid tal-kampjuni tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta' taħt l-art baxx imsemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/64/KE (7) għandu jinżamm għall-valutazzjoni tal-impatt tad-deroga dwar il-kwalità tal-ilma. In-netwerk ta' monitoraġġ għandu jinkludi monitoraġġ tan-nitrat u l-fosfat tax-xmajjar li jispiċċaw fil-Baħar tal-Tramuntana. L-ammont ta' siti ta' monitoraġġ inizjali ma għandux jitnaqqas u l-lokalizzazzjoni tas-siti ma għandhiex tinbidel matul il-perjodu tal-applikabbiltà ta' din id-Deċiżjoni.
4. Fl-ilqugħ agrikoli b'ħamrija mrammla għandu jitwettaq monitoraġġ imsaħħaħ.
5. Is-siti ta' monitoraġġ, li jikkorrispondu għal mill-anqas 150 farm, stabbiliti skont id-Deċiżjoni 2008/64/KE għandhom jinżammu sakemm mill-2020 'il quddiem jiġu ssostitwiti minn monitoraġġ immirat sabiex tiġi pprovduta data dwar l-użu tal-art lokali, it-tinwib tal-għelejjel u l-prattiki tal-fertilizzazzjoni, it-tira, in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija fil-ħarifa u l-istatus tal-fosforu tal-ħamrija u t-telf tan-nitroġenu korrispondenti li jgħaddi miż-żona tal-għeruq, kemm jekk f'kundizzjonijiet tad-deroga kif ukoll jekk le. Flimkien mal-monitoraġġ speċifiku msemmi fil-paragrafu 8, dawn l-arranġamenti ġodda għandhom jippermettu li tiġi evalwata l-prestazzjoni ambjentali tal-farms li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni meta mqabbla ma' farms li ma jibbenefikawx minn tali awtorizzazzjoni kif ukoll li jiġi mmonitorjat l-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva 91/676/KEE.
Is-siti ta' monitoraġġ għandhom jinkludu t-tipi ewlenin ta' ħamrija (ħamrija taflija, imħallta, imrammla u bi trab fin), il-prattiki ta' fertilizzazzjoni u l-għelejjel.
6. Kull sena għandha tinġabar data dwar l-użu tal-art lokali, it-tinwib tal-għelejjel, il-prattiki agrikoli, l-użu tan-nutrijenti u l-produzzjoni tad-demel fil-farms li jibbenefikaw minn derogi individwali.
7. Id-data msemmija fil-paragrafi 5 u 6 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 7 għandha tintuża biex jiġi kkalkulat, abbażi ta' mudelli, id-daqs tal-lissija ta' nitrati u t-telf tal-fosforu minn għelieqi li jingħataw massimu ta' 250 kg jew 200 kg ta' nitroġenu għall kull ettaru fis-sena ta' demel minn bhejjem li jirgħu u demel ittrattat.
8. In-netwerk ta' monitoraġġ, inkluż l-ilma ta' taħt l-art fil-baxx, l-ilma tal-ħamrija, l-ilma tad-drenaġġ u n-nixxigħat f'farms li jappartjenu għan-netwerk ta' monitoraġġ, għandu jipprovdi data dwar il-konċentrazzjoni tan-nitrati u l-fosforu fl-ilma li jħalli ż-żona tal-għeruq u jidħol fis-sistema tal-ilma ta' taħt l-art u tal-wiċċ.
9. Mill-2020 'il quddiem, l-Awtorità kompetenti għandha timplimenta monitoraġġ speċifiku tal-erja bħala proġett pilota ta' riċerka f'mill-anqas żewġ (sub)żoni ta' qbid biex tiġi mifhuma aħjar ir-rabta bejn it-telf tan-nitrati fil-livell tal-irqajja' u l-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma ta' taħt l-art fil-livell ta' (sub)żona ta' qbid bil-għan li jiġi kkalibrat u vvalidat il-mudell tal-emissjonijiet tan-nutrijenti. Dak il-proġett pilota ta' riċerka għandu jiġi kkombinat ma' proġett pilota dwar il-monitoraġġ kontinwu tan-nitroġenu u l-fosforu fil-mogħdijiet tal-ilma.
Artikolu 11
Kontrolli u spezzjonijiet
1. L-applikazzjonijiet kollha għal deroga għandhom jiġu sottomessi għall-kontroll amministrattiv tal-awtoritajiet kompetenti. Meta l-kontroll juri li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6, 7 u 8 ma ġewx issodisfati, l-applikant għandu jiġi mgħarraf b'dan. F'dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies bħala miċħuda.
2. Għandu jkun stabbilit programm ta' spezzjonijiet fuq il-post mill-awtoritajiet kompetenti abbażi tal-analiżi tar-riskju, ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin preċedenti u r-riżultati ta' kontrolli aleatorji ġenerali tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 91/676/KEE.
3. L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitwettqu f'mill-anqas 7 % tal-farms li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5, sabiex tiġi vvalutata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6, 7 u 8.
4. Meta jiġi stabbilit fi kwalunkwe sena li farm li jibbenefika minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 ma ssodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6, 7 u 8, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiġi ssanzjonat skont ir-regoli nazzjonali u ma għandux ikun eliġibbli għal awtorizzazzjoni s-sena ta' wara.
5. Ir-riżultati tal-kejl imsemmija fl-Artikolu 7(8) għandhom jiġu vverifikati. Meta l-verifika turi nuqqas ta' konformità, inkluż li l-livell limitu bażiku, kif definit fid-Digriet dwar id-Demel, inqabeż, il-bidwi għandu jiġi mgħarraf b'dan u għandha tiġi miċħuda applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għas-sena sussegwenti għar-roqgħa jew l-irqajja'.
6. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jsiru kontrolli fuq il-post ta' mill-anqas 2 % tal-operazzjonijiet ta' trasport tad-demel, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju u r-riżultati tal-kontrolli amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1.
7. Il-kontrolli għandhom jinkludu verifika tat-twettiq tal-obbligi tal-akkreditazzjoni, il-valutazzjoni tad-dokumenti ta' akkumpanjament, il-verifika tal-oriġini u tad-destinazzjoni tad-demel u t-teħid ta' kampjuni tad-demel trasportat.
8. Il-kampjuni tad-demel jistgħu jittieħdu, meta xieraq, permezz ta' makkinarju awtomatizzat installat apposta fuq il-vetturi, li jiġbor il-kampjuni waqt li d-demel ikun qed jitgħabba.
9. Il-kampjuni tad-demel għandhom jiġu analizzati minn laboratorji akkreditati mill-awtoritajiet kompetenti u r-riżultati tal-analiżi għandhom jiġu kkomunikati kemm lill-bidwi li jkun qed jipprovdi d-demel kif ukoll lil dak li jkun se jirċievi d-demel.
10. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni mogħtija skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 12
Rapportar
Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iressqu rapport lill-Kummissjoni li jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
mapep li juru l-perċentwal tal-farms, il-perċentwal tal-bhejjem, il-perċentwal tal-art agrikola u l-użu tal-art lokali, kif ukoll data dwar it-tinwib tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli fil-farms li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1); |
|
(b) |
ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma, inkluża informazzjoni dwar ix-xejriet tal-kwalità tal-ilma għall-ilma ta' taħt l-art u tal-wiċċ, u l-ilma li jmur fil-Baħar tat-Tramuntana, kif ukoll l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma kif imsemmi fl-Artikolu 10(3); |
|
(c) |
evalwazzjoni tar-residwi tan-nitrati fil-profil tal-ħamrija fil-ħarifa għall-irqajja' li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 u tqabbil mad-data dwar ir-residwi tan-nitrati u x-xejriet fl-irqajja' li mhumiex qed jibbenefikaw minn tali awtorizzazzjoni għal tinwib tal-għelejjel simili. L-irqajja' li mhumiex qed jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 jenħtieġ li jinkludu rqajja' f'farms li jibbenefikaw minn tali awtorizzazzjoni u rqajja' f'farms oħra; |
|
(d) |
evalwazzjoni tal-istatus tal-fosforu fil-ħamrija għall-irqajja' li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 u rqajja' li mhumiex qed jibbenefikaw minn tali awtorizzazzjoni; |
|
(e) |
informazzjoni dwar il-konċentrazzjoni tan-nitrati u tal-fosforu fl-ilma li jħalli ż-żona tal-għeruq kif imsemmi fl-Artikolu 10(5); |
|
(f) |
id-data miġbura dwar l-użu tal-art lokali, it-tinwib tal-għelejjel, il-prattiki agrikoli, l-użu tan-nutrijenti u l-produzzjoni tad-demel, u r-riżultati tal-kalkoli bbażati fuq mudelli tad-daqs tat-telf ta' nitrati u fosforu minn farms li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5, kif imsemmi fl-Artikolu 10(6); |
|
(g) |
evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni, abbażi tal-kontrolli fil-livell ta' farms u fil-livell tal-irqajja', kif ukoll tal-kontrolli fuq it-trasport tad-demel, u informazzjoni dwar farms mhux konformi, abbażi tar-riżultati tal-ispezzjonijiet amministrattivi u ta' fuq il-post; |
|
(h) |
informazzjoni dwar it-trattament tad-demel, inkluż aktar ipproċessar u użu tal-frazzjonijiet solidi, u data ddettaljata dwar il-karatteristiċi tas-sistemi ta' trattament, l-effiċjenza tagħhom u l-kompożizzjoni tad-demel ittrattat; |
|
(i) |
informazzjoni dwar l-għadd ta' farms li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 u l-għadd ta' rqajja' fejn intuża demel ittrattat u effluwent b'kontenut baxx ta' nitroġenu u fosfat kif ukoll il-volumi ta' dak id-demel u effluwent; |
|
(j) |
il-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-kompożizzjoni tad-demel ittrattat, il-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-effiċjenza tat-trattament għal kull farm li jibbenefika minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5, kif imsemmi fl-Artikolu 6(3); |
|
(k) |
l-inventarju tal-installazzjoni tat-trattament tad-demel kif imsemmi fl-Artikolu 6(5); |
|
(l) |
sommarju u evalwazzjoni tad-data miksuba mill-monitoraġġ speċifiku tal-erja, kif imsemmi fl-Artikolu 10(5); |
|
(m) |
ix-xejriet fl-għadd ta' bhejjem għal kull kategorija ta' bhejjem fir-reġjun tal-Fjandri u fil-farms li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5. |
Id-data ġeografika li tinsab fir-rapport għandha, fejn japplika, tikkonforma mad-Direttiva 2007/2/KE. Fejn xieraq, fil-ġbir tad-data meħtieġa, il-Belġju għandu jagħmel użu mill-informazzjoni ġġenerata taħt is-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
Artikolu 13
Perjodu ta' applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2022.
Artikolu 14
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2019.
Għall-Kummissjoni
Karmenu VELLA
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1499 tat-3 ta' Settembru 2015 li tagħti deroga mitluba mill-Belġju fir-rigward tar-reġjun tal-Fjandri skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 234, 8.9.2015, p. 10).
(3) Ir-Rapport tal-4 ta' Mejju 2018 tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2012–2015, COM (2018)257 final.
(4) Decreet van 22 December 2006 houdende de bescherming van water tegen de verontreiniging door nitraten uit agrarische bronnen. (Belgisch Staatsblad tad-29 ta' Diċembru 2006, p. 76368).
(5) Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/64/KE tal-21 ta' Diċembru 2007 li tagħti deroga mitluba mill-Belġju fir-rigward tar-reġjun Fjamming skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 16, 19.1.2008, p. 28).