15.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/75


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1204

tat-12 ta' Lulju 2019

dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-kuntratti mogħtija għal ċerti attivitajiet relatati mal-provvista ta' ċerti servizzi postali u ta' servizzi oħra għajr is-servizzi postali fil-Kroazja

(notifikata bid-dokument C(2019) 5194)

(It-test bil-Kroat biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 35(3) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku,

Billi:

I.   IL-FATTI

(1)

Fis-7 ta' Diċembru 2018, Hrvatska pošta (“Croatian Post”, minn hawn 'il quddiem “l-Applikant”) ressaq talba permezz tal-email lill-Kummissjoni (2) skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE (minn hawn 'il quddiem “it-Talba”). Skont l-Artikolu 35(2) ta' dik id-Direttiva, il-Kummissjoni għarrfet lill-Kroazja b'dan permezz tal-email tas-7 ta' Frar 2019. Il-Kroazja wieġbet permezz tal-email tas-26 ta' Frar 2019. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali lill-Applikant fis-16 ta' Mejju 2019 u r-risposti tal-Applikant waslu fis-17 ta' Mejju 2019 u fil-21 ta' Mejju 2019. Minbarra dan, fl-24 ta' Mejju 2019 il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Kroati bl-iskadenza għat-tweġiba sal-31 ta' Mejju 2019 u r-risposta tal-awtoritajiet Kroati waslet fil-11 ta' Ġunju 2019.

(2)

It-Talba tikkonċerna ċerti servizzi postali kif ukoll ċerti servizzi li mhumiex postali, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, ipprovduti mill-Applikant fit-territorju tal-Kroazja. Is-servizzi kkonċernati huma deskritti fit-Talba kif ġej:

Servizzi postali:

(a)

servizzi tal-konsenja tal-pakketti express li jikkonsistu mill-ikklirjar, l-issortjar, it-trasport u l-konsenja b'valur miżjud tal-pakketti (eż. ħin għall-konsenja aktar mħaffef mill-ħin għall-konsenja standard; ħin għall-konsenja definit) fis-suq domestiku;

(b)

servizzi tal-konsenja tal-pakketti express li jikkonsistu mill-ikklirjar, l-issortjar, it-trasport u l-konsenja b'valur miżjud tal-pakketti fis-suq internazzjonali;

(c)

konsenja tal-istampa u tal-gazzetti, tar-rivisti u tal-kotba lill-konsumaturi fis-suq domestiku.

L-aħħar kategorija tikkonċerna servizzi oħra għajr is-servizzi postali, jiġifieri d-distribuzzjoni bil-massa tar-reklamar stampat mingħajr indirizz, ta' materjal ta' kummerċjalizzazzjoni jew ta' pubbliċità fis-suq domestiku.

(3)

It-Talba ma kinitx akkumpanjata minn pożizzjoni motivata u sostanzjata adottata minn awtorità nazzjonali indipendenti li hija kompetenti f'dak li jirrigwarda l-attivitajiet ikkonċernati, li tanalizza bir-reqqa l-kundizzjoni għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE għall-attivitajiet ikkonċernati, skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dak l-Artikolu. F'konformità mal-punt 1 tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE, il-Kummissjoni għandha tadotta Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni dwar it-Talba fi żmien 105 jum ta' xogħol. L-iskadenza inizjali tagħlaq fit-23 ta' Mejju 2019 (3). Bil-qbil tal-Applikant, din l-iskadenza kienet estiża mill-Kummissjoni sal-4 ta' Lulju 2019 u mbagħad kienet saħansitra sospiża sat-12 ta' Lulju 2019, f'konformità mat-tieni paragrafu tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE.

(4)

Fit-13 ta' Ġunju 2019, l-Applikant irtira t-Talba sa fejn din kienet tapplika għas-suq fir-rigward tal-konsenja tal-istampa u tal-gazzetti, tar-rivisti u tal-kotba, lill-klijenti fis-suq domestiku. Apparti minn din l-eċċezzjoni, it-Talba nżammet fir-rigward tas-servizzi l-oħra elenkati fil-premessa 2 hawn fuq.

II.   IL-QAFAS LEGALI

(5)

Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta' kuntratti għat-twettiq ta' attivitajiet relatati mas-servizzi postali u ma' servizzi oħra għajr is-servizzi postali, bil-kundizzjoni li s-servizzi tal-aħħar jingħataw minn entità li tipprovdi wkoll servizzi postali fit-tifsira tad-Direttiva 2014/25/UE, sakemm l-attività ma tkunx eżentata skont l-Artikolu 34 ta' dik id-Direttiva.

(6)

Skont id-Direttiva 2014/25/UE, il-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta' waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva mhumiex soġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq din l-attività, tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni huwa vvalutat abbażi ta' kriterji oġġettivi, li jistgħu jinkludu l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, l-eżistenza ta' prodotti jew ta' servizzi alternattivi meqjusa bħala sostitwibbli fuq in-naħa tal-provvista jew fuq in-naħa tad-domanda, il-prezzijiet u l-preżenza reali jew potenzjali ta' aktar minn fornitur jew provditur wieħed tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni.

III.   IL-VALUTAZZJONI

3.1.   Aċċess mhux ristrett għas-suq

(7)

L-aċċess għal suq jitqies mhux ristrett jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu għall-kompetizzjoni. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE, li għas-settur postali, tirreferi għad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(8)

Kif ġie kkonfermat mill-Kroazja (5), u abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-Kroazja implimentat (6) u qed tapplika d-Direttiva 97/67/KE. Konsegwentement, l-aċċess għas-suq rilevanti jitqies li mhuwiex ristrett f'konformità mal-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2014/25/UE.

3.2.   Esponiment dirett għall-kompetizzjoni

(9)

Jenħtieġ li l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jiġi evalwat abbażi ta' diversi indikaturi, li l-ebda wieħed minnhom mhu deċiżiv per se. Fir-rigward tas-swieq milquta minn din id-Deċiżjoni, is-sehem mis-suq tal-atturi ewlenin f'suq partikolari huwa kriterju wieħed li jenħtieġ li jitqies. Billi l-kundizzjonijiet ivarjaw għall-attivitajiet differenti ikkonċernati mit-Talba, meta tiġi eżaminata s-sitwazzjoni jenħtieġ li jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti fis-swieq rilevanti.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. B'mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija li ntużaw biex jiġi vvalutat l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, mhumiex neċessarjament identiċi għal dawk li ntużaw biex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (7). Dan ġie kkonfermat mill-Qorti Ġenerali (8).

(11)

L-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi jekk l-attivitajiet ikkonċernati mit-Talba humiex esposti għal livell ta' kompetizzjoni, fi swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett fit-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, li jiżgura li, anke fl-assenza tad-dixxiplina li ġabu magħhom ir-regoli tal-akkwist dettaljati stipulati fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati se jitwettaq b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi tal-kriterji li jippermettu lix-xerrejja jidentifikaw is-soluzzjoni li b'mod ġenerali tkun l-aktar waħda ekonomikament vantaġġuża.

(12)

F'dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed isemmi li, fis-swieq ikkonċernati, mhux l-atturi kollha tas-suq huma soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku. Għalhekk, il-kumpaniji li mhumiex soġġetti għal dawk ir-regoli, meta jaġixxu f'dawk is-swieq, normalment ikollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq l-atturi tas-suq li jkunu soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku (9).

3.2.1.   Servizzi tal-konsenja tal-pakketti express (servizzi domestiċi tal-konsenja tal-pakketti express u servizzi internazzjonali tal-konsenja tal-pakketti express)

(13)

F'deċiżjonijiet preċedenti l-Kummissjoni sostniet (10) li s-suq tas-servizzi tal-konsenja tal-posta jista' jinqasam f'servizzi tal-konsenja express u servizzi tal-konsenja standard (magħrufa wkoll bħala “diferiti”). Dan it-tqassim iqis li s-servizzi express jieħdu anqas ħin u huma aktar affidabbli minn servizz standard, li kull wieħed minn dawn is-servizzi jirrikjedi infrastruttura differenti u li s-servizzi express għandhom karatteristiċi tas-servizz addizzjonali ta' valur miżjud, bħas-servizzi “track and trace”, u ġeneralment huma anki aktar għaljin.

(14)

F'deċiżjoni preċedenti (11), il-Kummissjoni għamlet ukoll distinzjoni bejn is-servizzi domestiċi u dawk internazzjonali tal-konsenja tal-pakketti. Il-Kummissjoni sostniet li s-servizzi domestiċi tal-konsenja tal-pakketti huma pprovduti minn kumpaniji li joperaw netwerks ta' distribuzzjoni nazzjonali filwaqt li l-konsenja internazzjonali tal-pakketti tikkonsisti fil-ġbir ta' pakketti li għandhom jiġu ttrasportati u mwassla barra mill-pajjiż.

(15)

L-Applikant huwa tal-fehma li s-swieq tal-prodotti rilevanti għas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti express jikkorrispondu għaż-żewġ tipi ta' servizzi postali rigward pakketti li huma koperti mit-Talba u li huma stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-premessa 2. B'mod ġenerali, dan l-approċċ huwa konsistenti mal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni.

(16)

Abbażi tal-premessi 13, 14 u 15, għall-finijiet tal-valutazzjoni skont din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, jista' jitqies li s-swieq tal-prodotti rilevanti għal servizzi tal-konsenja tal-pakketti express huma s-suq għas-servizzi domestiċi tal-konsenja tal-pakketti express u s-suq għas-servizzi internazzjonali tal-konsenja tal-pakketti express.

(17)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku, fil-prassi preċedenti tagħha (12), il-Kummissjoni kienet tal-fehma li s-swieq għall-konsenja tal-pakketti express, irrispettivament mid-distinzjoni bejn is-servizzi domestiċi jew internazzjonali tal-konsenja express, għandhom dimensjoni nazzjonali. Il-fehma tal-Applikant hija konsistenti mal-prassi tal-Kummissjoni.

(18)

L-Applikant jipprovdi servizzi kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali tal-konsenja tal-pakketti fil-Kroazja.

(19)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe indikazzjoni ta' ambitu differenti tas-suq ġeografiku, għall-finijiet tal-valutazzjoni skont din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, l-ambitu ġeografiku tas-servizzi domestiċi u internazzjonali tal-konsenja tal-pakketti express jista' jitqies li jkopri t-territorju tal-Kroazja.

3.2.1.1.   Servizzi domestiċi tal-konsenja tal-pakketti express — analiżi tas-suq

(20)

Rigward il-valutazzjoni dwar jekk l-attività hijiex esposta direttament għall-kompetizzjoni, jista' jiġi stabbilit li hemm aktar minn 20 operatur (13) attiv fis-servizzi domestiċi tal-konsenja tal-pakketti express, inklużi operaturi tas-suq internazzjonali, bħad-DHL u l-GLS. Skont l-informazzjoni disponibbli, is-sehem tas-suq tal-Applikant f'dan is-segment tas-suq kien ta' […] (14) % fl-2015, […]% fl-2016 u […]% fl-2017 f'termini ta' volum (15) u kien ta' […]% fl-2015, […]% fl-2016 u […]% fl-2017 f'termini ta' valur (16).

(21)

L-ishma tas-suq tal-kompetituri tal-Applikant huma komparabbli ma' dawk tal-Applikant. L-ishma tas-suq tal-akbar kompetituri f'termini ta' valur (17) huma rispettivament: id-DHL […] % fl-2015, […] % fl-2016 u […] % fl-2017; l-Overseas […] % fl-2015, […] % fl-2016 u […] % fl-2017; u l-GLS […] % fl-2015 u […] % fl-2016 u fl-2017 (18).

(22)

Fir-rigward tad-dħul fis-suq, matul dawn l-aħħar 5 snin, il-Kummissjoni tinnota d-dħul f'dan is-suq ta' operaturi ġodda fis-suq: Cash on Delivery Express, Gebruder Weiss, Orbis Express u Schenker (19).

(23)

L-awtorità Regolatorja Kroata għall-Industrija tan-Netwerk indikat (20) li s-servizzi postali relatati mal-konsenja tal-pakketti express f'ċirkolazzjoni domestika u internazzjonali huma kompetittivi u li l-Applikant jiffaċċja kompetizzjoni fit-twettiq ta' dawk is-servizzi fit-territorju tal-Kroazja.

(24)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-fatturi elenkati fil-premessi 20, 21, 22 u 23 jenħtieġ li jitqiesu bħala indikazzjoni tal-esponiment għall-kompetizzjoni ta' din l-attività fil-Kroazja. Konsegwentement, minħabba li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jenħtieġ li jiġi stabbilit li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għall-kuntratti intenzjonati biex jippermettu t-twettiq ta' din l-attività fil-Kroazja.

3.2.1.2.   Servizzi internazzjonali tal-konsenja tal-pakketti express — analiżi tas-suq

(25)

Bħalissa hemm aktar minn 20 operatur attiv (21) fis-servizzi internazzjonali tal-konsenja tal-pakketti express, inklużi operaturi tas-suq internazzjonali, bħad-DHL u d-DPD. Skont l-informazzjoni disponibbli, is-sehem tas-suq tal-Applikant f'dan is-segment tas-suq kien ta' […] % fl-2015, […]% fl-2016 u […] % fl-2017 f'termini ta' volum (22) u kien ta' […] % fl-2015, […] % fl-2016 u […] % fl-2017 f'termini ta' valur (23).

(26)

L-Applikant mhuwiex fost l-ewwel tliet operaturi tas-suq f'dan is-segment tas-suq. L-ewwel operatur tas-suq, id-DHL, f'termini ta' valur (24), kellu ishma fis-suq ta' […] % fl-2015, […] % fl-2016 u […] % fl-2017. Id-DPD kellu […] % fl-2015, […] % fl-2016 u […] % fl-2017. Barra minn hekk, l-Overseas kellhom sehem mis-suq kostanti ta' […] % fl-2015, fl-2016 u fl-2017 (25).

(27)

Fir-rigward tad-dħul fis-suq, matul dawn l-aħħar 5 snin, il-Kummissjoni tinnota d-dħul f'dan is-suq ta' operaturi ġodda fis-suq: Cash on Delivery Express, Gebruder Weiss, Orbis Express u Schenker (26).

(28)

L-awtorità Regolatorja Kroata għall-Industrija tan-Netwerk indikat (27) li s-servizzi postali relatati mal-konsenja tal-pakketti express f'ċirkolazzjoni domestika u internazzjonali huma kompetittivi u li l-Applikant jiffaċċja kompetizzjoni fit-twettiq ta' dawk is-servizzi fit-territorju tal-Kroazja.

(29)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-fatturi elenkati fil-premessi 25, 26, 27 u 28 jenħtieġ li jitqiesu bħala indikazzjoni tal-esponiment għall-kompetizzjoni ta' din l-attività fil-Kroazja. Konsegwentement, minħabba li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jenħtieġ li jiġi stabbilit li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għall-kuntratti intenzjonati biex jippermettu t-twettiq ta' din l-attività fil-Kroazja.

3.2.2.   Servizzi domestiċi tal-konsenja tal-posta mingħajr indirizz

(30)

Il-posta tar-reklamar mingħajr indirizz hija kkaratterizzata min-nuqqas ta' indirizz ta' destinazzjoni partikolari li jidentifika lid-destinatarju finali individwalment. Hija l-posta tar-reklamar mhux mitluba, li tissodisfa ċerti kriterji bħalma huma: il-piż, il-format, il-kontenut u l-preżentazzjoni għad-distribuzzjoni lil grupp ta' destinatarji.

(31)

F'deċiżjonijiet preċedenti il-Kummissjoni sostniet li s-suq għas-servizzi tal-konsenja tal-posta jista' jinqasam fi swieq tal-posta bl-indirizz u swieq tal-posta mingħajr indirizz (28). L-Applikant iqis li s-suq tal-prodott rilevanti fil-każ inkwistjoni huwa s-suq għall-posta mingħajr indirizz.

(32)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Applikant u filwaqt li titqies il-prassi eżistenti tal-Kummissjoni, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, is-suq tal-prodotti rilevanti huwa ddefinit bħala servizzi relatati mal-konsenja ta' posta mingħajr indirizz.

(33)

Rigward il-valutazzjoni dwar jekk l-attività tal-Applikant hix esposta direttament għall-kompetizzjoni, jista' jiġi osservat li l-akbar operatur tas-suq huwa Weber Escasal, b'aktar minn […] % tal-ishma tas-suq bejn l-2014 u l-2017 f'termini ta' valur (29). L-Applikant kellu sehem mis-suq ta' […] % fl-2015, […] % fl-2016 u […] % fl-2017 (30) f'termini ta' valur, u […]% fl-2015, fl-2016 u fl-2017 f'termini ta' volum (31).

(34)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-fatturi elenkati fil-premessa 33 jenħtieġ li jitqiesu bħala indikazzjoni tal-esponiment tal-Posta Kroata għall-kompetizzjoni ta' dik l-attività fit-territorju tal-Kroazja. Konsegwentement, minħabba li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jenħtieġ li jiġi stabbilit li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għall-kuntratti intenzjonati biex jippermettu t-twettiq ta' din l-attività fil-Kroazja.

IV.   KONKLUŻJONI

(35)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Diċembru 2018 sa Ġunju 2019 kif jidher mill-informazzjoni mressqa mill-Applikant, mill-Awtorità Regolatorja Kroata għall-Industriji tan-Netwerks u mill-Ministeru Kroat għall-Baħar, it-Trasport u l-Infrastruttura. Jekk il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma jibqgħux jiġu ssodisfati, jaf tiġi riveduta, wara bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali u fattwali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2014/25/UE ma għandhiex tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u intenzjonati biex jippermettu t-twettiq tal-attivitajiet li ġejjin fit-territorju tal-Kroazja:

servizzi domestiċi tal-konsenja tal-pakketti express;

servizzi internazzjonali tal-konsenja tal-pakketti express;

servizzi domestiċi tal-konsenja tal-posta mingħajr indirizz.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(2)  It-talba hija konformi mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 tal-10 ta' Ottubru 2016 dwar ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 35 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 275, 12.10.2016, p. 39).

(3)  ĠU C 69, 22.2.2019, p. 6.

(4)  Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14).

(5)  Ara l-email tal-Kroazja tas-26 ta' Frar 2019.

(6)  Att ta' traspożizzjoni nazzjonali: L-Att dwar is-Servizzi Postali (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 144/12, 153/13 u 78/15).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(8)  Is-sentenza tas-27 ta' April 2016, Österreichische Post AG v. il-Kummissjoni, T-463/14, EU:T:2016:243, il-paragrafu 28.

(9)  Fis-swieq soġġetti għal din it-Talba, l-Applikant biss huwa entità kontraenti fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/25/UE u, għalhekk, huwa soġġett għar-regoli tal-akkwist pubbliku.

(10)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/154/UE tat-22 ta' Marzu 2013 li teżenta ċerti servizzi finanzjarji fis-settur postali fl-Ungerija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 86, 26.3.2013, p. 22). Ara wkoll id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 90/456/KEE tal-1 ta' Awwissu 1990 dwar il-provvista fi Spanja ta' servizzi internazzjonali ta' courier express (ĠU L 233, 28.8.1990, p. 19) u COMP/M.5152 tal-21 ta' April 2009 — Posten AB/Post Danmark A/S; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2013 fil-Kawża COMP/M.6570 – UPS/TNT Express.

(11)  Il-Kawża COMP/M.5152 — Posten AB/Post Danmark A/S, 21 ta' April 2009, il-paragrafu 54.

(12)  Il-Kawza COMP/M.5152 — Posten AB/Post Danmark A/S, tal-21 ta' April 2009, il-paragrafi 66 u 74.

(13)  Ara l-email tal-Kroazja tas-26 ta' Frar 2019 u s-sit web tal-Awtorità Regolatorja Kroata għall-Industriji tan-Netwerk https://www.hakom.hr/default.aspx?id=859

(14)  […] informazzjoni kunfidenzjali

(15)  Ara t-Talba, p. 12, l-aħħar paragrafu.

(16)  Ara t-Talba, p. 13, it-tieni ċart.

(17)  Id-data dwar l-ishma tas-suq f'termini ta' volum, tal-kompetituri tal-Applikant, mhijiex disponibbli.

(18)  Ara t-Talba, p. 13, it-tieni ċart.

(19)  Ara t-Talba, p. 15, it-tielet paragrafu.

(20)  Ara l-Ittra tal-Awtorità Regolatorja Kroata għall-Industrija tan-Netwerk lill-Applikant bid-data tad-29 ta' Ottubru 2018 (l-Anness 6 tat-Talba, p. 2, l-ewwel paragrafu).

(21)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 13.

(22)  Ara t-Talba, p. 21, l-aħħar ċart.

(23)  Ara t-Talba, p. 21. l-ewwel ċart.

(24)  Id-data dwar l-ishma tas-suq f'termini ta' volum, tal-kompetituri tal-Applikant, mhijiex disponibbli.

(25)  Ara t-Talba, p. 22, l-ewwel ċart.

(26)  Ara t-Talba, p. 23, it-taqsima 5.3.1.

(27)  Ara l-Ittra tal-Awtorità Regolatorja Kroata għall-Industrija tan-Netwerk lill-Applikant bid-data tad-29 ta' Ottubru 2018 (l-Anness 6 tat-Talba, p. 2, l-ewwel paragrafu).

(28)  Il-Kawża COMP/M.5152 — Posten AB/Post Danmark A/S.

(29)  Ara t-Talba, p. 30, l-ewwel ċart.

(30)  Ara t-Talba, p. 28, l-ewwel ċart.

(31)  Ara t-Talba, p. 29, l-ewwel ċart.