28.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1096

tal-25 ta' Ġunju 2019

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-23 ta' April 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim ta' kummerċ ħieles (“FTA”) mal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN). Dik l-awtorizzazzjoni pprevediet il-possibbiltà ta' negozjati bilaterali.

(2)

Fis-22 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex twettaq negozjati bilaterali għal FTA ma' Stati Membri individwali tal-ASEAN. F'Ġunju 2012, il-Kummissjoni nediet negozjati bilaterali dwar FTA mal-Vjetnam li jridu jitwettqu f'konformità mad-direttivi ta' negozjati eżistenti.

(3)

Fil-15 ta' Ottubru 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex testendi n-negozjati bilaterali li kienu għaddejjin mal-pajjiżi tal-ASEAN biex ikopru wkoll il-protezzjoni tal-investimenti.

(4)

In-negozjati dwar Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) ġew konklużi.

(5)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra, (il-“Ftehim”) huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ANTON


(1)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.