20.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/62


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1002

tal-14 ta' Ġunju 2019

li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2018

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F'Ġunju 2017 u f'Ġunju 2018 il-Kunsill sab f'konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat li fl-2016 u l-2017, rispettivament, li kienet teżisti devjazzjoni sinifikanti osservata mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju tar-Rumanija jew mill-perkors ta' aġġustament lejh. Fid-dawl ta' dawk id-devjazzjonijiet sinifikanti stabbiliti, il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjonijiet fis-16 ta' Ġunju 2017 (2) u t-22 ta' Ġunju 2018 (3), biex jirrakkomanda li r-Rumanija tieħu l-miżuri ta' politika meħtieġa biex tindirizza dawk id-devjazzjonijiet.

(2)

Fl-4 ta' Diċembru 2018 il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2018/2020 (4), ikkonkluda li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-22 ta' Ġunju 2018. Abbażi ta' dan, fl-4 ta' Diċembru 2018 il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni riveduta (5) biex ir-Rumanija tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx l-4,5 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 1 % tal-prodott domestiku gross (PDG). Huwa rrakkomanda wkoll li r-Rumanija tuża kwalunkwe qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit, u ddikjara li l-miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja jenħtieġ li jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir. Il-Kunsill stabbilixxa skadenza tal-15 ta' April 2019 biex ir-Rumanija tirrapporta dwar l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-4 ta' Diċembru 2018.

(3)

Fl-14 u l-15 ta' Marzu 2019 il-Kummissjoni wettqet missjoni ta' sorveljanza msaħħa fir-Rumanija għall-fini ta' monitoraġġ fuq il-post skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Wara li bagħtet is-sejbiet proviżorji tagħha lill-awtoritajiet Rumeni għall-kummenti, fil-5 ta' Ġunju 2019 il-Kummissjoni rrapportat is-sejbiet tagħha lill-Kunsill. Dawk is-sejbiet ġew sussegwentement ippubblikati. Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonstata li l-awtoritajiet Rumeni ma għandhomx l-intenzjoni li jaġixxu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2018. L-awtoritajiet ikkonfermaw lill-Kummissjoni li l-gvern ma għandu l-ebda intenzjoni li jikkonforma mal-aġġustament strutturali rakkomandat. Dawn jibqgħu jiffukaw fuq iż-żamma tad-defiċit nominali taħt it-3 % tal-limitu tat-Trattat tal-PDG, biex b'hekk jimmiraw li jevitaw il-fergħa korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-baġit tal-2019 jinkludi defiċit ibbażat fuq id-dovuti ta' 2,8 % tal-PDG. Skont l-istimi tal-gvern stess matul il-perjodu tal-missjoni, dik l-intestatura tkun tinvolvi aġġustament strutturali ta' madwar 0,1 % meta mqabbel mal-2018, li hi b'mod sinifikanti taħt ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(4)

Fl-20 ta' April 2018, wara l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill, l-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw rapport dwar l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2018. Fir-rapport, l-awtoritajiet tennew li l-miri tagħhom għall-2019 huma defiċit nominali ta' 2,8 % tal-PDG u tnaqqis marġinali biss fid-defiċit strutturali. L-impatt fiskali tal-miżuri rrapportati huwa b'mod sinifikanti inqas mir-rekwiżit iddikjarat fir-Rakkomandazzjoni tal-4 ta' Diċembru 2018.

(5)

Fl-2019, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tan-nefqa pubblika primarja netta huwa mistenni li jammonta għal 11,6 %, ferm ogħla mill-valur referenzjarju tan-nefqa ta' 4,5 %. Il-bilanċ strutturali huwa mistenni li jiddeterjora b'0,7 % tal-PDG fl-2019, u b'hekk jilħaq defiċit ta' 3,6 % tal-PDG. Dan hu l-oppost tat-titjib strutturali rakkomandat ta' 1 % tal-PDG meta mqabbel mal-2018. Għalhekk, iż-żewġ indikaturi jindikaw devjazzjoni mill-aġġustament rakkomandat. Il-valur referenzjarju tan-nefqa jindika devjazzjoni ta' 2,1 % tal-PDG. Il-bilanċ strutturali jikkonferma din l-interpretazzjoni, u jindika devjazzjoni kemxejn iżgħar ta' 1,7 % tal-PDG. Id-daqs tad-devjazzjoni indikata mill-bilanċ strutturali huwa iżgħar minħabba tnaqqis fid-dħul u deflatur ogħla tal-PDG. Meta jitqiesu dawk il-fatturi, il-valutazzjoni kumplessiva tikkonferma devjazzjoni mill-aġġustament rakkomandat.

(6)

Iż-żieda mbassra tad-defiċit meta mqabbla mal-2018 hija xprunata l-aktar, bħal fis-snin ta' qabel, minn żieda fin-nefqa fuq il-kumpens tal-impjegati pubbliċi. Mill-previżjoni tal-ħarifa 2018 tal-Kummissjoni, li kienet il-bażi għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2018, l-awtoritajiet ippromulgaw taxxi ġodda fuq is-setturi tat-telekomunikazzjoni, tal-enerġija u dak bankarju. Madankollu, l-awtoritajiet naqqsu t-taxxa fis-settur tal-kostruzzjoni u żiedu xi benefiċċji soċjali.

(7)

Dan iwassal għall-konklużjoni li r-reazzjoni tar-Rumanija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2018 ma kinitx suffiċjenti. L-isforz fiskali huwa b'mod sinifikanti inqas mill-aġġustament strutturali annwali ta' 1 % tal-PDG għall-2019, li jikkorrispondi għal rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett li ma jaqbiżx l-4,5 % fl-2019,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Rumanija ma ħaditx azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

E.O. TEODOROVICI


(1)   ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-pjan ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 216, 6.7.2017, p. 1).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 223, 27.6.2018, p. 3).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2020 tal-4 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018 (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 16).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2018 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 460, 21.12.2018, p. 1).