|
12.6.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 154/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/951
tas-17 ta' Mejju 2019
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde (2019-2024)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fid-19 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2027/2006 (1) biex ikkonkluda l-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde (2) (“il-Ftehim”). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fit-30 ta' Marzu 2007, ġie mġedded b'mod taċitu u għadu fis-seħħ. |
|
(2) |
Konsegwentement għar-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill iddeċieda fl-4 ta' Ġunju 2018 li jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mar-Repubblika ta' Cape Verde għall-konklużjoni ta' Protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim. |
|
(3) |
Il-Protokoll preċedenti għall-Ftehim skada fit-22 ta' Diċembru 2018. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat Protokoll ġdid f'isem l-Unjoni. Bħala riżultat ta' dawk in-negozjati l-Protokoll il-ġdid ġie inizjalat fit-12 ta' Ottubru 2018. |
|
(5) |
L-għan tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde (2019-2024) (“il-Protokoll”) huwa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Repubblika ta' Cape Verde jaħdmu aktar mill-qrib bejniethom biex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli, l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta' Cape Verde, u l-isforzi ta' Cape Verde biex jiżviluppa ekonomija blu. |
|
(6) |
Sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni jinbdew malajr, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-iffirmar tiegħu. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat u jiġi applikat fuq bażi provviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde (2019-2024) huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.
It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu (3), sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
E.O. TEODOROVICI
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde (ĠU L 414, 30.12.2006, p. 1).
(2) ĠU L 414, 30.12.2006, p. 3.
(3) Id-data li minnha l-Protokoll se jiġi applikat b'mod provviżorju se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.