|
3.6.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 144/49 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/903
tad-29 ta' Mejju 2019
li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta' referenza li jibda fl-1 ta' Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2024
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta għal kull perjodu ta' referenza miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fl-oqsma ewlenin tal-prestazzjoni li huma s-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza. Fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 (2) ġew stabbiliti regoli ta' implimentazzjoni dwar dawn il-miri. B'mod partikolari, il-paragrafu 4 tal-Artikolu 9 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta, flimkien mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, il-valuri li ġejjin: “valur bażi għal kostijiet iddeterminati” madwar l-Unjoni kollha, “valur bażi għall-kostijiet iddeterminati tal-unità” madwar l-Unjoni kollha, livelli limitu ta' twissija li lil hinn minnhom l-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni tal-miri ta' prestazzjoni li jinsabu fil-pjanijiet ta' prestazzjoni kif ukoll fil-gruppi ta' komparaturi tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru b'ambjent operattiv u ekonomiku simili. L-iffissar ta' kostijiet iddeterminati huwa bbażat fuq l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(2) |
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu ta' referenza (“RP3”), li jkopri s-snin kalendarji mill-2020 sal-2024, it-tnejn inklużi, valuri bażi mal-Unjoni kollha, livelli limitu ta' twissija u l-gruppi ta' komparaturi jenħtieġ li jiġu stabbiliti qabel l-1 ta' Ġunju 2019 biex jippermettu biżżejjed żmien għal tħejjija ta' pjanijiet ta' prestazzjoni, li għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni tagħhom sal-1 ta' Ottubru 2019. |
|
(3) |
Fis-16 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni ħatret Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, f'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2296 (4), biex jassistiha fl-implimentazzjoni tal-iskema ta' prestazzjoni. |
|
(4) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' miri ta' prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3, il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni, f'isem il-Kummissjoni, wettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati bejn l-20 ta' Ġunju 2018 u s-16 ta' Jannar 2019. Huwa inkluda l-partijiet ikkonċernati kollha elenkati fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, inklużi l-utenti tal-ispazju tal-ajru, il-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-korpi rappreżentattivi ta' persunal professjonali, dwar firxiet indikattivi ta' miri ta' prestazzjoni u dwar l-approċċ u l-metodoloġija biex jiġu stabbiliti miri ta' prestazzjoni kif ukoll valuri oħra. |
|
(5) |
Il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni ppreżenta lill-Kummissjoni r-rapport finali tiegħu fit-22 ta' Frar 2019. Dak ir-rapport iqis il-bidliet li ġew introdotti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-kummenti rilevanti mill-partijiet ikkonċernati u l-aħħar statistika u l-previżjoni għall-RP3 magħmula disponibbli mis-Servizz tal-Istatistika u tal-Previżjoni tal-Eurocontrol (“STATFOR”) u l-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti fuq ir-Rotot. Ir-rapport mill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni jistabbilixxi s-suppożizzjonijiet u r-raġunament li fuqu huma bbażati l-miri proposti, il-valuri bażi, il-livelli limitu ta' twissija u l-gruppi ta' komparaturi. |
|
(6) |
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha stabbiliti b'din id-Deċiżjoni jqisu l-kontribut irċevut mill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni, il-Maniġer tan-Netwerk, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“EASA”), u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Il-Kummissjoni organizzat ukoll, matul Jannar u Frar 2019, laqgħat u skambji mal-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, il-Maniġer tan-Netwerk u l-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni, biex taqsam l-aħħar informazzjoni rilevanti għall-iffissar tal-mira ta' prestazzjoni. F'dawk id-diskussjonijiet, l-Istati Membri ġew mistiedna jaġġornaw id-data dwar l-ispiża inizjali u l-informazzjoni dwar il-previżjonijiet tat-traffiku. Il-miri tal-prestazzjoni stabbiliti b'din id-Deċiżjoni jqisu din l-informazzjoni. |
|
(7) |
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u l-valuri bażi huma bbażati fuq data li tkopri l-ambitu ġeografiku tal-Istati Membri, in-Norveġja u l-Iżvizzera u jużaw previżjoni tat-traffiku en route espressa f'termini tal-movimenti tar-Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti (“IFR”) u f'unitajiet ta' servizz ibbażati fuq il-previżjoni bażi STATFOR tal-Eurocontrol, datata t-18 ta' Frar 2019. Din il-previżjoni tat-traffiku en route tikkorrispondi għal 10 534 000 moviment IFR u 139 141 000 unità tas-servizz għall-2019, 10 824 000 moviment IFR u 143 878 000 unità tas-servizz għall-2020, 10 996 000 moviment IFR u 146 980 000 unità tas-servizz għall-2021, 11 191 000 moviment IFR u 150 398 000 unità tas-servizz għall-2022, 11 355 000 moviment IFR u 153 368 000 unità tas-servizz għall-2023, u 11 523 000 moviment IFR u 156 359 000 unità tas-servizz għall-2024. |
|
(8) |
L-iffissar ta' miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għandu jqis il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, ta' sikurezza, ambjentali u operattivi. Bilanċ huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li dak li mhux ta' benefiċċju, jew taħlita ta' dak li mhux ta' benefiċċju, ma jegħlibx il-benefiċċji antiċipati. Għalhekk, il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 għandhom iqisu l-interdipendenzi jew il-kompromessi bejn l-oqsma ta' prestazzjoni ewlenin. Tabilħaqq, il-miri tal-prestazzjoni fl-oqsma ta' prestazzjoni ewlenin tal-kosteffiċjenza u l-kapaċità għandhom iqisu r-relazzjoni bejn il-kostijiet biex tkun ipprovduta kapaċità addizzjonali u t-titjib li jista' jissarraf bħala riżultat ta' dawk il-kostijiet. Il-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-ambjent għandhom iqisu li l-miżuri operattivi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (“ATM”) li għandhom l-għan li jimminimizzaw il-konsum tal-fjuwil, u għalhekk inaqqsu l-emissjonijiet, mhux dejjem jistgħu jiġu implimentati fil-prattika. Dan huwa dovut għal restrizzjonijiet operattivi relatati ma', b'mod partikolari, is-separazzjoni sikura ta' inġenji tal-ajru u l-kapaċità tal-ATM disponibbli. Fl-aħħar nett, il-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tas-sikurezza għandhom iqisu l-fatt li l-provvista ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru b'mod sikur huwa għan ewlieni u li s-sikurezza għandha tkun integrata b'mod sħiħ fl-ippjanar tan-negozju tal-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. |
|
(9) |
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha stabbiliti b'din id-Deċiżjoni jirriflettu l-ambizzjoni għall-prestazzjoni tan-netwerk kollu kemm hu. Skont l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tqis iċ-ċirkostanzi lokali meta tivvaluta l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni nazzjonali jew tal-miri tal-prestazzjoni tal-Blokk ta' Spazju tal-Ajru Funzjonali (“FAB”) li jinsabu fl-abbozz tal-pjanijiet ta' prestazzjoni flimkien mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha li jinsabu f'din id-Deċiżjoni. |
|
(10) |
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tas-sikurezza, żviluppati b'kollaborazzjoni mal-EASA, għandhom jitkejlu bħala l-livell minimu tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza li għandu jinkiseb mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ċċertifikati biex jipprovdu servizzi tat-traffiku bl-ajru. Dawn il-miri tal-prestazzjoni għandhom iqisu l-prestazzjoni reali u mmirata fit-tieni perjodu ta' referenza u għandhom imorru lil hinn mill-konformità minima mar-rekwiżiti għall-elementi tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fdat lill-EASA b'kompitu li taġġorna l-konformità u l-materjal ta' gwida biex tissorvelja u tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-indikaturi tas-sigurtà stabbiliti fil-punt 1 tat-Taqsima 1 u l-punt 1 tat-Taqsima 2 tal-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Bħala riżultat, il-qafas użat biex jitkejlu l-livelli tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza huwa aktar strett milli fit-tieni perjodu ta' referenza, u dan huwa rifless fl-approċċ meħud biex jiġu stabbiliti l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tas-sikurezza għal RP3. Dawn il-miri għandhom iqisu wkoll l-implikazzjonijiet tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-bidliet fl-ATM promossi mill-implimentazzjoni tal-proġetti SESAR imsemmija fl-Artikolu 15a(3) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004, billi jiffokaw fuq l-assigurazzjoni tas-sikurezza u l-għanijiet tal-immaniġġjar tar-riskju tas-sikurezza. |
|
(11) |
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-ambjent, imkejla bħala l-medja tal-effiċjenza orizzontali tat-titjiriet en route tat-trajettorja reali, jenħtieġ li jqisu l-livell ta' prestazzjoni miksub fit-tieni perjodu ta' referenza, il-miżuri implimentati biex itejbu kemm jista' jkun l-operat tal-ATM u l-kontributi rilevanti mill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni, mill-Maniġer tan-Netwerk u mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. |
|
(12) |
L-impatt ambjentali tal-avjazzjoni qed jiżdied iżda b'rata aktar baxxa milli mistenni meta jitqies it-tkabbir fin-numru tat-titjiriet matul it-tieni perjodu ta' referenza. L-emissjonijiet ta' CO2 gate-to-gate żejda kkawżati minn ineffiċjenza fin-netwerk tal-ATM, ikkalkulati billi jitqabblu t-trajettorji reali u t-trajettorji bla xkiel tat-titjiriet Ewropej kollha, baqgħu stabbli għal madwar 6 % matul l-aħħar sitt snin minkejja t-tkabbir fin-numru ta' titjiriet, bis-saħħa tal-ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet tal-ATM relatati mat-tfassil, l-ippjanar u l-fluss u l-ġestjoni tal-kapaċità tan-netwerk Ewropew tal-ATM. L-ineffiċjenza orizzontali ta' titjira en route kienet qed tonqos b'mod ġenerali u l-mira tal-prestazzjoni stabbilita għat-tieni perjodu ta' referenza hija mistennija li tintlaħaq. |
|
(13) |
It-titjib fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-ambjent huwa xprunat prinċipalment mill-implimentazzjoni tal-Ispazju tal-Ajru b'Rotot Liberi (“FRA”), li jippermetti rotot iqsar u użu aktar effiċjenti tal-ispazju tal-ajru Ewropew. Huwa mistenni li l-FRA se jiġi implimentat fil-parti l-kbira tal-ispazju tal-ajru Ewropew sal-aħħar tal-2019, u fl-intier tiegħu sal-2022. Flimkien mal-implimentazzjoni gradwali ta' attivitajiet ta' rotot liberi transfruntiera, dan jista' jwassal għal rotta aktar diretta u jista' jnaqqas in-numru ta' mili nawtiċi ta' tajran, u emissjonijiet ikkawżati mit-traffiku tal-ajru, u b'hekk jappoġġa tnaqqis sostenibbli tal-intensità tal-karbonju tal-avjazzjoni. Għalhekk din l-implimentazzjoni gradwali tiġġustifika titjib fl-effiċjenza orizzontali ta' titjira en route sal-2022. Wara l-2022, l-effiċjenza orizzontali ta' titjira en route għandha tibqa' stabbli. Mill-miżuri previsti fil-preżent u meta wieħed iqis li l-inġenji tal-ajru jeħtieġu jevitaw temp ħażin u żoni ta' perikolu dejjem aktar frekwenti, u filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-operazzjonijiet tal-ATM għandhom jiżguraw separazzjoni minima bejn l-inġenji tal-ajru, mhux mistenni li l-effiċjenza orizzontali ta' titjira en route se titjieb aktar fl-2023 u fl-2024. |
|
(14) |
Il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kapaċità, imkejla bħala d-dewmien medju tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira attribwit għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, għandha tqis il-livell ta' prestazzjoni miksub fit-tieni perjodu ta' referenza, u tal-kontribut rilevanti mill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni, mill-Maniġer tan-Netwerk u mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. |
|
(15) |
Kif iddokumentat mill-Maniġer tan-Netwerk, it-traffiku tal-ajru fl-Ewropa kiber b'mod sinifikanti matul it-tieni perjodu ta' referenza u issa laħaq livell għoli bla preċedent. Il-movimenti IFR żdiedu bi 13 % fl-ewwel erba' snin tat-tieni perjodu ta' referenza u l-medja ta' dewmien tal-ATFM en route żdiedet minn 0,73 minuta għal kull titjira fl-2015 għal 1,73 minuta għal kull titjira fl-2018, li jirrappreżenta żieda ta' 137 % fid-dewmien. F'xi żoni tal-Unjoni, b'mod partikolari f'numru limitat ta' ċentri ta' kontroll taż-żona fil-qalba tal-Ewropa u f'żoni viċini fl-Ewropa Ċentrali, il-kapaċità tal-ATM ma kinitx biżżejjed biex takkomoda dan it-tkabbir fit-traffiku. Ħames ċentri ta' kontroll taż-żona huma responsabbli għal aktar minn nofs id-dewmien tal-ATFM en route totali attribwit lill-kapaċità u l-persunal tal-Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru (ATC) fl-Ewropa, u xi wħud minn dawk iċ-ċentri ma kkonformawx mal-pjanijiet ta' kapaċità miftiehma fil-Pjan Operattiv tan-Netwerk (“NOP”). Dan wassal għal sitwazzjoni fejn il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza ta' medja ta' 0,5 minuta ta' dewmien tal-ATFM għal kull titjira ma ntlaħqitx. In-nuqqas ta' kapaċità huwa mistenni li jmur għall-agħar fis-snin li ġejjin. |
|
(16) |
Meta wieħed iqis il-previżjoni tat-traffiku għall-RP3, skont il-Maniġer tan-Netwerk u l-Korp ta' Reviżjoni tal-Prestazzjoni, ħafna mill-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru huma mistennija li jkunu kapaċi jilħqu r-rekwiżiti tal-kapaċità tagħhom għall-RP3. Madankollu, skont informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, il-kwalità tas-servizz proposta mill-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fin-NOP hija mistennija li tibqa' problematika għal xi ċentri ta' kontroll taż-żona minħabba numru ta' persunal mhux adegwat, b'mod partikolari fl-ewwel tliet snin tal-RP3. Bħala riżultat, il-ksib ta' medja ottimali tas-sistema kollha ta' 0,5 minuta tal-ATFM għal kull titjira jista' jkun mistenni biss fl-aħħar snin tal-RP3. Biex jindirizza n-nuqqas ta' kapaċità u biex jintlaħqu l-miri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, il-Maniġer tan-Netwerk u l-Korp ta' Reviżjoni tal-Prestazzjoni jirrakkomandaw li l-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jieħdu azzjonijiet speċifiċi fil-livell taċ-ċentri ta' kontroll taż-żona kkonċernata. |
|
(17) |
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għal kull sena tal-perjodu ta' referenza għandhom jiġu espressi bħala perċentwal, li jirriflettu l-bidla minn sena għal sena tal-“kost iddeterminat tal-unità” (“DUC”) medju għall-Unjoni kollha għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route. Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għandhom iqisu l-livell ta' prestazzjoni miksub fl-ewwel u t-tieni perjodi ta' referenza u tal-kontribut rilevanti mill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. |
|
(18) |
Fil-livell tal-Unjoni kollha, mill-bidu tal-ewwel perjodu ta' referenza fl-2012, il-kostijiet effettivi en route espressi f'EUR2017 baqgħu kostanti minkejja ż-żieda sinifikanti fit-traffiku. Il-kostijiet effettivi għall-ewwel tliet snin tat-tieni perjodu ta' referenza huma inqas mill-kostijiet iddeterminati korrispondenti. Bħala riżultat, l-eċċess aggregat tal-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fil-livell tal-Unjoni kien ogħla milli kien ippjanat. Dan, flimkien mal-analiżi mwettqa mill-Korp ta' Reviżjoni tal-Prestazzjoni, jagħti indikazzjoni li l-parti l-kbira tal-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jistgħu jiksbu aktar titjib fil-kosteffiċjenza fl-RP3, filwaqt li jindirizzaw ukoll il-ħtiġijiet tal-kapaċità. Fl-istess waqt, id-dewmien fl-ATFM fit-traffiku tal-ajru u en route żdied b'mod sinifikanti fis-snin riċenti, li jista' jindika li ma ġewx investiti biżżejjed riżorsi fin-netwerk fit-tieni perjodu ta' referenza. Il-miri ta' kosteffiċjenza għall-RP3 jenħtieġ li jkollhom l-għan li jwasslu għal titjib fil-kosteffiċjenza, filwaqt li jiżguraw li dan it-titjib ma jkunx għad-detriment tal-provvista ta' kapaċità suffiċjenti. |
|
(19) |
L-utenti tal-ispazju tal-ajru esprimew tħassib dwar proġetti ta' investiment biex jipprovdu l-kapaċità meħtieġa li kienu kkanċellati jew li esperjenzaw dewmien. Il-kostijiet li jirriżultaw minn dawn il-proġetti ta' spiss kienu parzjalment jew kompletament inklużi fil-kostijiet iddeterminati tal-perjodi ta' referenza preċedenti u għalhekk ġew inklużi fl-imposti. Fejn il-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ġġeneraw parti mill-eċċess tagħhom minn investimenti meħtieġa li ma kinux implimentati jew minn implimentazzjoni mdewma, dawk l-eċċessi jistgħu jservu biex jiffinanzjaw l-investimenti meħtieġa fl-RP3, jekk ma tħallsux bħala dividendi lill-azzjonisti jew lill-istat. Barra minn hekk, meta jiġu stabbiliti r-rati tal-imgħax għall-iskop tal-kalkolu tal-kostijiet kapitali, il-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom iqisu l-limitazzjonijiet tar-riskji għall-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru skont il-mekkaniżmi ta' qsim tar-riskju tat-traffiku u tal-kostijiet u l-kundizzjonijiet ġeneralment favorevoli tal-finanzjament. |
|
(20) |
It-titjib mistenni fil-kosteffiċjenza għall-RP3 għandu jiġi kkalkulat billi wieħed jitlaq mill-valur bażi għall-Unjoni kollha għall-kost iddeterminat tal-unità, li huwa derivat billi l-valur bażi għall-kostijiet stabbiliti jiġi diviż bil-previżjoni tat-traffiku espressa f'unitajiet ta' servizz għas-sena 2019. Il-valur bażi għall-kostijiet iddeterminati mal-Unjoni kollha huwa stmat billi jintużaw il-kostijiet effettivi għas-snin 2015, 2016 u 2017 permezz ta' analiżi tar-rigressjoni lineari u jiġi aġġustat biex iqis l-aħħar stimi tal-ispejjeż disponibbli, il-varjazzjonijiet tat-traffiku u r-relazzjoni tagħhom mal-kostijiet. |
|
(21) |
Il-kostijiet iddeterminati fil-livell tal-Unjoni kollha għall-RP3 għandhom jiżdiedu biss bi ftit meta mqabbel mal-RP3, 'il fuq mil-livell tal-valur bażi għall-kostijiet iddeterminati. Dan huwa ġġustifikat biex titjieb il-kwalità tas-servizz, b'mod partikolari billi jiġi indirizzat in-nuqqas ta' kapaċità fl-ispazju tal-ajru Ewropew. Matul perjodu ta' żmien li jkopri kemm l-RP3, kif ukoll it-tieni perjodu ta' referenza, il-bidla minn sena għal sena tal-medja tal-kost iddeterminat tal-unità għall-Unjoni kollha għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route għandha tammonta għal – 2,7 % kull sena. |
|
(22) |
Minbarra l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, għandhom jiġu stabbiliti livelli limitu ta' twissija li lil hinn minnhom l-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni inklużi fil-pjanijiet ta' prestazzjoni. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jipprovdi għal tliet tipi differenti ta' livelli limitu, ibbażati fuq il-parametri li ġejjin: devjazzjonijiet tat-traffiku reali minn previżjoni tat-traffiku matul sena kalendarja partikolari espressi f'perċentwali ta' movimenti IFR, devjazzjonijiet tat-traffiku reali minn previżjoni tat-traffiku matul sena kalendarja partikolari espressi bħala perċentwal ta' unitajiet ta' servizz u l-varjazzjoni ta' valuri ta' referenza bħala riżultat ta' aġġornamenti staġjonali tal-NOP. Varjazzjonijiet fil-fatturi sottostanti ta' dawk il-livelli limitu ta' twissija jista' jkollhom impatti sinifikanti fuq il-provvista ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, kemm min-naħa tad-dħul attwali, kif ukoll tal-aspettattivi f'termini tal-provvista ta' kapaċità. |
|
(23) |
Biex jiġu stabbiliti l-livelli limitu ta' twissija, għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-firxiet ta' previżjoni tat-traffiku, f'termini ta' unitajiet ta' servizz en route u movimenti IFR, minn tkabbir baxx sa dak għoli bbażat fuq l-STATFOR tal-Eurocontrol. Il-perjodu twil ta' previżjoni sal-aħħar tal-2024 jinvolvi livell ta' inċertezza, b'mod partikolari relatat mat-tkabbir ekonomiku, l-intenzjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni, riskji ġeopolitiċi li jistgħu jirriżultaw f'għeluq tal-ispazju tal-ajru u varjabilità fil-flussi tat-traffiku kif ġara matul it-tieni perjodu ta' referenza, kif ukoll l-iżvilupp ta' rabtiet ekonomiċi ma' swieq emerġenti. Dawk ir-riskji jitqiesu fil-previżjonijiet, abbażi tal-informazzjoni disponibbli sa Frar 2019. Madankollu, il-prospetti ekonomiċi jibqgħu inċerti u l-piż tar-riskju huwa varjabbli ħafna. |
|
(24) |
Minbarra l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, il-gruppi ta' komparaturi tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru b'ambjent operattiv u ekonomiku simili, għandhom jiġu stabbiliti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-miri ta' prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kosteffiċjenza. Sabiex jiġu stabbiliti dawk il-gruppi, għandhom jitqiesu l-kumplessità tal-ispazju tal-ajru, il-livelli u l-varjabilità tat-traffiku, l-għoli tal-ħajja, u l-kost unitarju tal-impjieg tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru għal kull fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru. |
|
(25) |
Il-valuri tal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u dawk tal-livelli limitu ta' twissija stabbiliti fil-mument tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, m'għandhomx ivarjaw anki jekk jekk id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit f'data aktar tard u l-ebda ftehim dwar il-ħruġ ma jkun daħal fis-seħħ. Tabilħaqq, il-possibbiltà ta' dak l-avveniment mhux se taffettwa b'mod sostanzjali d-determinazzjoni ta' dawk il-valuri. Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tas-sikurezza huma determinati minn fatturi li huma indipendenti min-numru ta' Stati Membri. Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-ambjent jiddependu fuq it-trajettorji, imma jekk dawk it-trajettorji jinvolvux l-ispazju tal-ajru tal-Istati Membri biss jew kif ukoll ta' pajjiżi terzi mhuwiex rilevanti. Għal miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fl-oqsma ewlenin ta' prestazzjoni tal-kapaċità u tal-kosteffiċjenza, il-kalkoli wrew li l-impatt f'każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni jkun negliġibbli u li għalhekk l-ebda bidla għal dawk il-miri ma tkun meħtieġa għal kull wieħed minn dawn ix-xenarji. Madankollu, il-valur bażi għall-kostijiet iddeterminati, il-valur bażi għall-kost iddeterminat tal-unità u l-gruppi ta' komparaturi għandhom jiddependu fuq jekk id-dritt tal-Unjoni jew ftehim dwar il-ħruġ japplikawx għar-Renju Unit fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, jew jekk l-ebda wieħed minn dawk iż-żewġ xenarji ma jkun japplika. |
|
(26) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Kamp ta' Applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni tapplika għat-tielet perjodu ta' referenza msemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317.
Artikolu 2
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tas-sikurezza
Miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tas-sikurezza, kif imsemmi fil-punt 1.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li għandhom jintlaħqu sal-aħħar tal-2024 minn fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ċċertifikati biex jipprovdu servizzi, huma stabbiliti fil-livelli ta'effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza kif ġej:
|
(a) |
tal-inqas Livell C fl-objettivi tal-ġestjoni tas-sikurezza jiġiferi “kultura ta' sikurezza”, “politika u għanijiet tas-sikurezza”, “assigurazzjoni tas-sikurezza”, u “promozzjoni tas-sikurezza”; |
|
(b) |
tal-inqas Livell D fl-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza jiġifieri “ġestjoni tar-riskju tas-sikurezza”. |
Artikolu 3
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-ambjent
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-ambjent, kif definiti fil-punt 2.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317, għandhom jiġu espressi bħala l-medja tal-effiċjenza tat-tajran orizzontali en route tat-trajettorja reali u għandhom jiġu mkejla bħala distanza addizzjonali medja ta' tajran imqabbla mad-distanza ortodromika u ma għandhomx jaqbżu l-perċentwali li ġejjin: 2,53 % fl-2020, 2,47 % fl-2021, 2,40 % fl-2022, 2,40 % fl-2023 u 2,40 % fl-2024.
Artikolu 4
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kapaċità
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kapaċità, skont il-punt 3.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317, għandhom ikunu dewmien tal-ATFM en route medju attribwit għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ta' 0,9 minuta għal kull titjira fl-2020, 0,9 minuta għal kull titjira fl-2021, 0,7 minuta għal kull titjira fl-2022, 0,5 minuta għal kull titjira fl-2023 u 0,5 minuta għal kull titjira fl-2024.
Artikolu 5
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kosteffiċjenza
1. Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, kif definit fil-punt 4.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/317, għandhom ikunu bidla minn sena għal sena tal-medja tal-kost iddeterminat ta' unità għall-Unjoni kollha għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route ta' – 1,9 % għall-2020, – 1,9 % għall-2021, – 1,9 % għall-2022, – 1,9 % għall-2023 u – 1,9 % għall-2024. Il-bidla bidla minn sena għal sena għandha tiġi kkalkulata billi wieħed jitlaq mill-valur bażi għall-kost iddeterminat ta' unità stabbilit fil-paragrafu 3.
2. Il-valur bażi għall-kostijiet iddeterminati għandu jiġi ffissat għal:
|
(a) |
EUR 6 245 065 000 f'EUR2017 fil-każ fejn id-dritt tal-Unjoni jieqaf japplika għar-Renju Unit f'data qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni u l-ebda ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit ma jkun daħal fis-seħħ sa dak id-data; |
|
(b) |
EUR 7 047 092 000 f'EUR2017 fil-każijiet l-oħra kollha. |
3. Il-valur bażi għall-kost iddeterminat ta' unità għandu jkun iffissat għal:
|
(a) |
EUR 49,29 f'EUR2017 fil-każ fejn id-dritt tal-Unjoni jieqaf japplika f'data qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni u l-ebda ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit ma jkun daħal fis-seħħ sa dik id-data. |
|
(b) |
EUR 50,65 f'EUR2017 fil-każijiet l-oħra kollha. |
Artikolu 6
Livelli limitu ta' twissija
1. L-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni ta' mira ta' prestazzjoni waħda jew aktar li jinsabu fil-pjanijiet ta' prestazzjoni, skont il-punt (a)(i) tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fejn:
|
(a) |
it-traffiku reali, irreġistrat mill-Eurocontrol, huwa differenti mill-previżjoni tat-traffiku fil-pjan ta' prestazzjoni adottat skont l-Artikolu 16 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317 matul sena kalendarja partikolari b'tal-inqas 10 % ta' movimenti IFR; |
|
(b) |
it-traffiku reali, irreġistrat mill-Eurocontrol, huwa differenti mill-previżjoni tat-traffiku fil-pjan ta' prestazzjoni adottat skont l-Artikolu 16 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317 matul sena kalendarja partikolari b'tal-inqas 10 % ta' unitajiet ta' servizz. |
2. L-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni ta' mira ta' prestazzjoni waħda jew aktar li jinsabu fil-pjanijiet ta' prestazzjoni, skont il-punt (a)(i) tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fejn il-varjazzjoni tal-valuri ta' referenza bħala riżultat tal-aġġornamenti staġjonali tal-NOP skont il-punt (a) tal-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 9(8) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 (5) meta mqabbla mal-valuri referenzjarji mill-aħħar verżjoni tal-NOP disponibbli fil-ħin tat-tfassil tal-pjan ta' prestazzjoni hija tal-inqas:
|
(a) |
0,05 minuta ta' dewmien tal-ATFM en route jekk il-valur referenzjarju mill-aħħar verżjoni tal-NOP disponibbli fil-ħin tat-tfassil tal-pjan ta' prestazzjoni huwa inqas minn 0,2 minuta ta' dewmien tal-ATFM en route; jew |
|
(b) |
0,04 minuta ta' dewmien tal-ATFM en route żdied b'5 % tal-valur referenzjarju mill-aħħar verżjoni tal-NOP disponibbli fil-ħin tat-tfassil tal-pjan ta' prestazzjoni jekk il-valur referenzjarju huwa akbar minn jew ugwali għal 0,2 minuta ta' dewmien tal-ATFM en route. |
Artikolu 7
Gruppi ta' komparaturi
Il-gruppi ta' komparaturi tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru b'ambjent operattiv u ekonomiku simili, għall-fini tal-valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għandhom jiġu stabbiliti kif ġej:
|
(a) |
fil-każ fejn id-dritt tal-Unjoni jieqaf japplika għar-Renju Unit f'data qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni u l-ebda ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit ma jkun daħal fis-seħħ sa dik id-data:
|
|
(b) |
fil-każijiet l-oħrajn kollha:
|
Artikolu 8
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Mejju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta' Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1)
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.)
(4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2296 tas-16 ta' Diċembru 2016 li twaqqaf il-grupp indipendenti ta' esperti maħtura bħala l-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 92).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 tal-24 ta' Jannar 2019 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 28, 31.1.2019, p. 1).