3.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/47


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/902

tat-28 ta' Mejju 2019

dwar miżura li ħadet l-Iżvezja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' scissor lift għall-vetturi (il-mudell TL530LF) manifatturat minn TWA Equipment S.r.l.

(notifikata bid-dokument C(2019) 3886)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tagħha,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Lulju 2017, l-Iżvezja infurmat lill-Kummissjoni dwar miżura li ħadet skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/42/KE li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' scissor lift għall-vetturi (il-mudell T530LF) manifatturat minn TWA Equipment S.r.l., Via Inn s.n.c. 65015, Montesilvano (PE), l-Italja (minn hawn 'il quddiem “il-manifattur”) u distribwit minn Lidköpings Carpart AB, Plastagan 12C, 53155 Lidköping, l-Iżvezja (minn hawn 'il quddiem “Carpart”).

(2)

L-Iżvezja ħadet din il-miżura minħabba li qieset li s-scissor lift għall-vetturi ma kienx jissodisfa r-rekwiżit essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbilit fil-punt (c) tat-Taqsima 4.1.2.6 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. Dik id-dispożizzjoni tesiġi li l-makkinarju għandu jkun iddisinjat u mibni b'mod li t-tagħbijiet ma jkunux jistgħu jiżżerżqu b'mod perikoluż jew jaqgħu mingħajr ilqugħ jew b'mod mhux mistenni, saħansitra fil-każ ta' waqfien totali jew parzjali tal-provvista tal-enerġija jew meta l-operatur jieqaf milli jħaddem il-magna. L-Iżvezja ġġustifikat il-miżura li ħadet abbażi li l-valv tal-qsim tal-pajpijiet ma kienx jaħdem kif suppost, u b'hekk affettwa l-funzjonament sikur tal-apparat ta' tagħbija u b'hekk ħoloq perikli potenzjalment serji għas-sikurezza. Barra minn hekk, l-Iżvezja sostniet li ċerti karatteristiċi tas-sikurezza kienu diżattivati (jiġifieri, il-valvijiet ta' detezzjoni tal-pressjoni) meta l-lift tbaxxa bl-użu tal-buttuna “tbaxxija kompleta”, u dan seta' kkawża diżlivell bejn ir-rampi.

(3)

Wara li rċeviet in-notifika dwar il-miżura ta' salvagwardja li ħadet l-Iżvezja, il-Kummissjoni bdiet konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati sabiex tisma' l-opinjonijiet tagħhom. Fit-12 ta' Awwissu 2017, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-manifattur, li l-manifattur ma weġibx għaliha. Abbażi tal-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Żvediżi, Carpart ma għadhiex tipprovdi l-prodott inkwistjoni fis-suq Żvediż. Barra minn hekk, Carpart innotat li kienet fil-proċess li tissostitwixxi l-valvijiet tal-qsim tal-pajpijiet installati fil-fabbrika b'valvijiet tal-qsim tal-pajpijiet ta' kwalità aħjar, fil-lifts għall-vetturi tal-mudell TL530LF tat-TWA li diġà kienu ġew fornuti fl-Iżvezja. L-awtoritajiet Żvediżi kienu sodisfatti bl-azzjonijiet meħuda minn Carpart biex ittejjeb is-sikurezza tal-mudell TL530LF.

(4)

L-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Iżvezja u d-dokumentazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni juru li s-scissor lift għall-vetturi tal-mudell TL530LF ma jissodisfax ir-rekwiżit essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbilit fil-punt (c) tat-Taqsima 4.1.2.6 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE.

(5)

Il-miżura li ħadet l-Iżvezja hija meħtieġa biex ikun żgurat li s-scissor lift għall-vetturi tal-mudell TL530LF ma joħloqx perikli potenzjalment serji għas-sikurezza minħabba l-funzjonament ħażin tal-valv tal-qsim tal-pajpijiet jew id-diżattivazzjoni ta' ċerti karatteristiċi tas-sikurezza. Projbizzjoni biss tista' tiżgura li l-prodott ma jitqegħidx fis-suq sakemm ir-rekwiżit rilevanti tas-saħħa u tas-sikurezza jkun ġie ssodisfat.

(6)

Għalhekk, il-miżura ta' salvagwardja li ħadet l-Iżvezja hija xierqa, meħtieġa u proporzjonata u jenħtieġ li titqies bħala ġustifikata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura li ħadet l-Iżvezja li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' scissor lift għall-vetturi (il-mudell T530LF) manifatturat minn TWA Equipment S.r.l., Via Inn s.n.c. 65015, Montesilvano (PE), l-Italja, u distribwit minn Lidköpings Carpart AB, Plastagan 12C, 53155 Lidköping, l-Iżvezja, hija ġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.