28.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/54


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/864

tal-14 ta' Mejju 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO), u li tħassar id-Deċiżjoni tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fin-NASCO

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/886/KEE (1), l-Unjoni kkonkludiet il-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (2) (il-“Konvenzjoni tan-NASCO”), li stabbilixxiet l-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO).

(2)

Il-Kunsill tan-NASCO, li huwa appoġġjat mit-tliet Kummissjonijiet (il-Kummissjoni tal-Amerika tat-Tramuntana, il-Kummissjoni tal-Atlantiku tal-Grigal u l-Kummissjoni ta' Greenland tal-Punent), huwa l-korp stabbilit mill-Konvenzjoni NASCO biex jikkonserva, jirrestawra, jtejjeb u jġestixxi b'mod razzjonali s-salmun tal-Atlantiku permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali. Il-Kunsill tan-NASCO jadotta miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni biex iġestixxi r-riżorsi tas-sajd taħt l-ambitu tiegħu. Dawn il-miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b'mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dan jipprevedi wkoll li l-l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jirrestawra l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada u jżommhom 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta' ġestjoni u ta' konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġja l-iżvilupp ta' għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista' jkun, ta' qabdiet mhux mixtieqa, għal sajd b'impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.

(4)

Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea “Il-Governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni konġunta, il-promozzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw u jtejbu l-effettività tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza tagħhom, hija ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni f'dawn il-fora.

(5)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari” tirreferi għal miżuri speċifiċi sabiex jitnaqqas il-plastik u t-tniġġis tal-baħar, kif ukoll it-telf jew l-abbandun ta' rkaptu tas-sajd fil-baħar.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kunsill tan-NASCO, minħabba li l-miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar tan-NASCO ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni u kapaċi li jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (4) u (KE) Nru 1224/2009 (5), u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(7)

Attwalment, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kunsill tan-NASCO hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fin-NASCO. Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni tiġi mħassra u li tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida li tkun tkopri l-perijodu 2019-2023.

(8)

Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni tan-NASCO u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew matul il-laqgħat tan-NASCO, iridu jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għal sena għall-perijodu 2019-2023,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO) hija stabbilita fl-Anness I.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal oħra tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kunsill tan-NASCO għandha titwettaq skont l-Anness II.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-Kunsill tan-NASCO fl-2024.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tat-Tramuntana tal-Atlantiku (NASCO) hija b'dan imħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

P. DAEA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 82/886/KEE tat-13 Diċembru 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (ĠU L 378, 31.12.1982, p. 24).

(2)  ĠU L 378, 31.12.1982, p. 25.

(3)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Regolament tal-Kunsill Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(6)  Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).


ANNESS I

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO)

1.   PRINĊIPJI

Fil-qafas tan-NASCO, l-Unjoni għandha:

(a)

taġixxi fi qbil mal-objettivi u l-prinċipji segwiti mill-Unjoni fi ħdan il-politika komuni tas-sajd (PKS), b'mod partikolari permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-objettivi relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulati fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, li tiġi promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd u jiġu limitati l-impatti ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd, li jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista' jkun il-qabdiet mhux mixtieqa, u li jiġi minimizzat l-impatt ta' attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd ekonomikalment vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, li jkun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet tas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;

(b)

tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan in-NASCO jkunu skont il-Konvenzjoni NASCO;

(c)

tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan in-NASCO jkunu konsistenti mal-liġi internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Artikolu 66 tagħha, mal-Ftehim għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa; u mal-Ftehim tal-2009 dwar il-Miżuri tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tal-Istat tal-Port;

(d)

tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiċi għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs, regional fisheries management organisations) fl-istess żona;

(e)

tfittex konsistenza u sinerġija mal-politika li qed issegwi l-Unjoni bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha, b'mod partikolari fir-relazzjonijiet esterni, fl-impjiegi, fl-ambjent, fil-kummerċ, fl-iżvilupp, fir-riċerka u fl-innovazzjoni;

(f)

tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Unjoni jiġu rispettati;

(g)

tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (1);

(h)

timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fi ħdan iż-żona tal-Konvenzjoni abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta' dawk il-prinċipji u l-istandards;

(i)

tkun konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill (2) dwar il-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna (3) u tippromwovi miżuri biex jappoġġjaw u jtejbu l-effettività tan-NASCO u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza u l-prestazzjoni tagħha (eż. dwar ix-xjenza, il-konformità, it-trasparenza u t-teħid ta' deċiżjonijiet) bħala kontribut għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani fid-dimensjonijiet kollha tagħha;

(j)

tippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-RFMOs u l-konvenzjonijiet tal-ibħra reġjonali (RSCs) u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli, fi ħdan il-mandati tagħhom, u b'mod partikolari tippromwovi l-koordinazzjoni mal-OSPAR, li għalih l-Unjoni hija wkoll parti kontraenti;

(k)

tippromwovi mekkaniżmi ta' kooperazzjoni fost l-RFMOs mhux tat-tonn simili għall-hekk imsejjaħ proċess ta' Kobe għall-RFMOs tat-tonn.

2.   ORJENTAZZJONIJIET

L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni min-NASCO tal-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, inkluż il-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) u kwoti jew regolazzjoni tal-isforz għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tan-NASCO, li jistgħu jwasslu għal jew iżommu r-rata tal-isfruttament għar-rendiment sostenibbli massimu sa mhux iktar tard mill-2020. Fejn meħtieġ, għandhom jitqiesu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet, li jbatu minn sajd żejjed sabiex l-isforz għas-sajd jinżamm f'konformità mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli;

(b)

miżuri għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni ta' attivitajiet tas-sajd illegali, mhux rappurtati u mhux regolati (IUU) fiż-Żona tal-Konvenzjoni, inkluż il-lista tal-bastimenti IUU;

(c)

miżuri li jsaħħu l-ġbir ta' data xjentifika dwar is-sajd u li jippromwovu kooperazzjoni aħjar bejn l-industrija u x-xjentisti;

(d)

miżuri għall-ġestjoni, il-kontroll u s-sorveljanza fiż-żona tal-Konvenzjoni tan-NASCO sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan in-NASCO;

(e)

miżuri biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv ta' attivitajiet ta' sajd u akkwakultura fuq il-bijodiversità marina u l-ekosistemi marini u l-ħabitats tagħhom, inklużi miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis marittimu u l-prevenzjoni tar-rimi tal-plastik fil-baħar u t-tnaqqis tal-impatt tal-plastiks preżenti fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, miżuri protettivi għal ekosistemi marini vulnerabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni NASCO fi qbil mal-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, miżuri biex jiġi evitat u jitnaqqas kemm jista' jkun il-qbid mhux mixtieq, inkluż b'mod partikolari l-ispeċijiet marini vulnerabbli, u biex gradwalment jiġi eliminat il-qbid skartat;

(f)

miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta' Rkaptu tas-Sajd Abbandunat, Mitluf jew inkella Skartat (ALDFG, Abandoned, Lost or Otherwise Discarded Fishing Gear) fl-oċean u biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni u l-irkupru ta' tali rkaptu;

(g)

miżuri li l-għan tagħhom huwa l-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tal-ġbir ta' xewk tal-klieb il-baħar u, li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art b'kull xewka mwaħħla magħhom b'mod naturali;

(h)

approċċi komuni ma' RFMOs oħrajn, fejn xieraq, b'mod partikolari dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun;

(i)

rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-punt permess fid-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

(j)

miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-pariri mill-korpi sussidjarji u l-gruppi ta' ħidma tan-NASCO.


(1)  7087/12 REV 1 ADD 1 COR 1.

(2)  7348/1/17 REV 1 tal-24.3.2017.

(3)  JOIN(2016) 49 final tal-10.11.2016.


ANNESS II

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana

Qabel kull laqgħa tal-Kunsill tan-NASCO, meta dak il-korp jissejjaħ biex jadotta deċiżjonijiet li jista' jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-pożizzjoni li ser tiġi espressa f'isem l-Unjoni tkun tqis l-informazzjoni xjentifika u informazzjoni oħra rilevanti l-aktar reċenti mibgħuta lill-Kummissjoni, skont il-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stipulati fl-Anness I.

Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Kunsill, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-Kunsill tan-NASCO, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.

Jekk, waqt il-bqija tal-laqgħa tal-Kunsill tan-NASCO ma jkunx jista' jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.