28.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/859

tal-14 ta' Mejju 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO), u li tħassar id-Deċiżjoni tat-12 ta' Ġunju 2017 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fis-SPRFMO

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/130/UE (1), l-Unjoni kkonkludiet il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Riżorsi tas-Sajd f'Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku (2) (il-“Konvenzjoni tal-SPRFMO”), li stabbilixxiet il-Kummissjoni SPRFMO.

(2)

Il-Kummissjoni SPRFMO hija responsabbli mill-adozzjoni tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Konvenzjoni SPRFMO. Dawn il-miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b'mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-isfruttar ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jirrestawra l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada u jżommhom 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta' ġestjoni u ta' konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġja l-iżvilupp ta' għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista' jkun, ta' qabdiet mhux mixtieqa, u għal sajd b'impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.

(4)

Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea “Il-Governanza Internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni konġunta, il-promozzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw u jtejbu l-effettività tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza tagħhom, hija ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni f'dawn il-fora.

(5)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari” tirreferi għal miżuri speċifiċi sabiex jitnaqqas kemm il-plastik u t-tniġġis tal-baħar, kif ukoll it-telf jew l-abbandun ta' rkaptu tas-sajd fil-baħar.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kummissjoni SPRFMO għall-perijodu 2020-2024, minħabba li l-miżuri ta' konservazzjoni u infurzar tal-SPRFMO ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni u kapaċi li deċiżivament jinfluwenzaw il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (4) u (KE) Nru 1224/2009 (5), u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2017 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fis-SPRFMO ma tipprevedix rieżami tal-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kummissjoni SPRFMO qabel il-laqgħa annwali tal-2022. Madankollu, il-parti l-kbira tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistipulaw il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan l-RFMOs differenti li l-Unjoni hija parti kontraenti tagħhom, għandha ssirilhom reviżjoni qabel il-laqgħat annwali tal-2019 ta' dawk il-RFMOs. Għalhekk, biex tiġi promossa l-koerenza mtejba fil-pożizzjoni tal-Unjoni fl-RFMOs kollha u biex jiġi armonizzat il-proċess tar-reviżjoni, huwa xieraq li tiġi antiċipata r-reviżjoni tad-Deċiżjoni tat-12 ta' Ġunju 2017 u li tiġi mħassra u li tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida li tkun tkopri l-perijodu 2020-2024.

(8)

Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni SPRFMO u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra imressqa qabel jew matul il-laqgħat tal-Kummissjoni tal-SPRFMO, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mnaqqax fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-perijodu 2020-2024,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO) hija stabbilita fl-Anness I.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kummissjoni tal-SPRFMO għandha titwettaq skont l-Anness II.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-Kummissjoni tal-SPRFMO fl-2025.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2017 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO) u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fl-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku, hija b'dan imħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

P. DAEA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/130/UE tat-3 ta' Ottubru 2011 dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Riżorsi tas-Sajd f'Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku (ĠU L 67, 6.3.2012, p. 1).

(2)  ĠU L 67, 6.3.2012, p. 3.

(3)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(6)  Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).


ANNESS I

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fl-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO)

1.   PRINĊIPJI

Fil-qafas tal-SPRFMO, l-Unjoni għandha:

(a)

taġixxi fi qbil mal-objettivi u l-prinċipji segwiti mill-Unjoni fi ħdan il-politika komuni tas-sajd (PKS), b'mod partikolari permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-għanijiet relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, li tiġi promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, li jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista' jkun il-qabdiet mhux mixtieqa, u li gradwalment jiġi eliminat il-qbid skartat, u li jiġi minimizzat l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, li jkun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd u filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;

(b)

taħdem lejn involviment xieraq tal-partijiet interessati fil-fażi tal-preparazzjoni għall-miżuri SPRFMO u tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan l-SPRFMO jkunu fi qbil mal-objettivi tal-Konvenzjoni SPRFMO;

(c)

tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan l-SPRFMO jkunu konsistenti mal-liġi internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982, mal-Ftehim tan-NU relatat mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokkijiet tal-Ħut Transżonali u tal-Ħut li Jpassi Ħafna tal-1995 u mal-Ftehim għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-1993; u mal-Ftehim tal-2009 dwar il-Miżuri tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tal-Istat tal-Port;

(d)

tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiċi għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs, regional fisheries management organisations) fl-istess żona;

(e)

tfittex konsistenza u sinerġija mal-politika li qed issegwi l-Unjoni bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha, b'mod partikolari fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, tal-impjiegi, tal-ambjent, tal-kummerċ, tal-iżvilupp, tar-riċerka u tal-innovazzjoni;

(f)

tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Unjoni jiġu rispettati;

(g)

tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (1);

(h)

timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fi ħdan iż-Żona tal-Konvenzjoni SPRFMO abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta' dawk il-prinċipji u ta' dawk l-istandards;

(i)

tkun konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill (2) mal-komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna (3) u tippromwovi miżuri biex jappoġġaw u jtejbu l-effettività tal-SPRFMO u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza u l-prestazzjoni tagħha (b'mod partikolari fir-rigward tax-xjenza, il-konformità, it-trasparenza u t-teħid ta' deċiżjonijiet) bħala kontribut għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani fid-dimensjonijiet kollha tagħha;

(j)

tippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-RFMOs u l-konvenzjonijiet tal-ibħra reġjonali (RSCs) u l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet globali, fejn applikabbli, fi ħdan il-mandati tagħhom, kif xieraq;

(k)

tippromwovi l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni fost l-RFMOs mhux tat-tonn simili għall-hekk imsejjaħ proċess ta' Kobe għall-RFMOs tat-tonn.

2.   ORJENTAZZJONIJIET

Fejn xieraq, l-Unjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mill-SPRFMO tal-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, inkluż il-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) u kwoti jew regolazzjoni tal-isforz għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-SPRFMO, li jistgħu jwasslu għal jew iżommu r-rata tal-isfruttament għar-rendiment sostenibbli massimu sa mhux iktar tard mill-2020. Fejn meħtieġ, dawk il-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għal stokkijiet, li jsofru minn sajd eċċessiv biex iżommu l-isforz tas-sajd f'konformità mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli;

(b)

miżuri għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni ta' attivitajiet tas-sajd illegali, mhux rappurtati u mhux regolati (IUU) fiż-Żona tal-Konvenzjoni, inkluż il-lista tal-bastimenti IUU;

(c)

miżuri li jsaħħu l-ġbir ta' data xjentifika dwar is-sajd u li jippromwovu kooperazzjoni aħjar bejn l-industrija u x-xjentisti;

(d)

miżuri għall-ġestjoni, il-kontroll u s-sorveljanza fiż-żona tal-Konvenzjoni sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u tal-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan l-SPRFMO;

(e)

miżuri biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, inklużi miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-baħar u l-prevenzjoni tar-rimi tal-plastik fil-baħar u t-tnaqqis tal-impatt tal-plastik preżenti fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, miżuri protettivi għal ekosistemi tal-baħar vulnerabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni SPRFMO fi qbil mal-Konvenzjoni SPRFMO u l-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, miżuri biex jiġi evitat u jitnaqqas kemm jista' jkun il-qbid mhux mixtieq, inkluż b'mod partikolari l-ispeċijiet tal-baħar vulnerabbli, u biex gradwalment jiġi eliminat il-qbid skartat;

(f)

miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta' Rkaptu tas-Sajd Abbandunat, Mitluf jew inkella Skartat (ALDFG, Abandoned, Lost or Otherwise Discarded Fishing Gear) fl-oċean u biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni u l-irkupru ta' tali rkaptu;

(g)

miżuri li l-għan tagħhom huwa l-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tal-ġbir ta' xewk tal-klieb il-baħar u li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art b'kull xewka mwaħħla magħhom b'mod naturali;

(h)

rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-punt permess fid-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

(i)

approċċi komuni ma' RFMOs oħrajn, fejn xieraq, b'mod partikolari dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun;

(j)

miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-pariri mill-korpi sussidjarji u mill-gruppi ta' ħidma tal-SPRFMO.


(1)  7087/12 REV 1 ADD 1 COR 1.

(2)  7348/1/17 REV 1 tal-24.3.2017.

(3)  JOIN(2016) 49 final tal-10.11.2016.


ANNESS II

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku

Qabel kull laqgħa tal-Kummissjoni SPRFMO, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tqis l-aktar informazzjoni xjentifika reċenti u informazzjoni rilevanti oħra trażmessa lill-Kummissjoni Ewropea, f'konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tibgħat lill-Kunsill fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-Kummissjoni SPRFMO, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.

Jekk waqt laqgħa tal-Kummissjoni SPRFMO ma jkunx jista' jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.