10.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/57


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/722

tat-30 ta' April 2019

dwar il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadin bit-titolu “Inwaqqfu l-kummerċ ma' insedjamenti Iżraeljani li joperaw fit-Territorju Palestinjan Okkupat”

(notifikata bid-dokument C(2019) 3305)

(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrati it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suġġett tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bit-titolu “Inwaqqfu l-kummerċ ma' insedjamenti Iżraeljani li joperaw fit-Territorju Palestinjan Okkupat” jirreferi għal dan li ġej: “Sabiex ma jingħata la għarfien u lanqas assistenza lill-ksur minn Iżrael tal-liġi internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem, l-UE għandha l-obbligu li twaqqaf il-kummerċ mal-insedjamenti Iżraeljani li qegħdin jikkolonizzaw it-Territorju Palestinjan Okkupat.”

(2)

L-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jirreferu għal dan li ġej: “Il-Kummissjoni Ewropea għandha kompetenza esklussiva fuq il-kummerċ. Bħala tali, u fid-dawl tal-obbligi tagħha skont il-liġi internazzjonali li ma tagħrafx u ma tassistix l-atti illeċti tal-Iżrael fil-Palestina okkupata, il-Kummissjoni jeħtiġilha: 1. Tirrikonoxxi formalment li l-kummerċ mal-insedjamenti Iżraeljani huwa pprojbit kemm għall-UE bħala tali kif ukoll għall-Istati Membri kollha. 2. Teżegwixxi regolament li jiggarantixxi li l-prodotti u s-servizzi li joriġinaw kollha kemm huma, jew parti minnhom, f'tali insedjamenti ma jkunux jistgħu jidħlu aktar fis-suq Ewropew.”

(3)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi iktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(4)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini, sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

(5)

Att legali li jkopri s-suġġett tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini jista' jiġi adottat biss abbażi tal-Artikolu 215 tat-TFUE.

(6)

Madankollu, prerekwiżit biex att legali jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 215 tat-TFUE huwa li jkun hemm deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jipprovdi għall-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjalment jew kompletament, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-pajjiż terz ikkonċernat. Il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tippreżenta proposti għal tali deċiżjoni. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni korrispondenti adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tippreżenta proposta għall-adozzjoni ta' att legali abbażi tal-Artikolu 215 tat-TFUE.

(7)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bit-titolu “Inwaqqfu l-kummerċ ma' insedjamenti Iżraeljani li joperaw fit-Territorju Palestinjan Okkupat” taqa' b'mod manifest 'il barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament, meħud flimkien mal-Artikolu 2, il-punt 1, tiegħu.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-reġistrazzjoni tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadin bit-titolu “Inwaqqfu l-kummerċ ma' insedjamenti Iżraeljani li joperaw fit-Territorju Palestinjan Okkupat” hija b'dan miċħuda.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “Inwaqqfu l-kummerċ ma' insedjamenti Iżraeljani li joperaw fit-Territorju Palestinjan Okkupat”, irrappreżentata minn [Data personali mħassra wara l-konsultazzjoni mal-organizzaturi] li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

Viċi President


(1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.