10.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/53


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/720

tat-30 ta' April 2019

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Intemmu l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni fl-Ewropa”

(notifikata bid-dokument C(2019) 3250)

(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Ntemmu l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni fl-Ewropa” tirreferi għal li ġej: “Aħna nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi lill-Istati Membri l-introduzzjoni ta' taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni (il-kerosin). Is-settur tal-avjazzjoni jgawdi minn vantaġġi fiskali minkejja li huwa wieħed mis-sorsi ta' emissjonijiet ta' gass serra li qed jikber b'rata mgħaġġla.”

(2)

L-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jirreferu għal dan li ġej: “Filwaqt li alternattivi aktar ekoloġiċi għall-avjazzjoni huma soġġetti għal taxxi għoljin, l-industrija tal-avjazzjoni tibbenefika minn ħafna eżenzjonijiet mit-taxxa li ma humiex ġusti. Il-fjuwil tal-avjazzjoni għadu mhux intaxxat fl-Ewropa u l-Istati Membri ma jimponux VAT fuq il-biljetti tal-ajru, u dan jagħmel l-avjazzjoni mezz tat-trasport aktar u aktar attraenti filwaqt li għandu l-ogħla intensità ta' karbonju. It-taxxa fuq il-kerosin tippermetti lill-UE biex iżżid b'mod drastiku l-finanzjament tagħha għal mobbiltà aktar ekoloġika peress li t-trasport huwa s-settur b'emissjonijiet ta' gass serra li qed jikber bl-aktar rata mgħaġġla.”

(3)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi iktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(4)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini, sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

(5)

L-atti legali tal-Unjoni, għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, jistgħu jiġu adottati għal dispożizzjonijiet sabiex tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni dwar taxxi fuq il-fatturat, dazji tas-sisa u forom oħra ta' tassazzjoni indiretta sal-punt li tali armonizzazzjoni, tkun meħtieġa biex ikunu żgurati l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, u biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(6)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, f'konformità mal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(7)

Barra minn hekk, il-kumitat taċ-ċittadini ġie ffurmat u l-persuni ta' kuntatt inħatru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, u l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta la tidher li hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja, u lanqas ma tidher li tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-TUE.

(8)

Għaldaqstant jenħtieġ li tiġi rreġistrata l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Ntemmu l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni fl-Ewropa”.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Ntemmu l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni fl-Ewropa” hija b'dan irreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-10 ta' Mejju 2019.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Ntemmu l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni fl-Ewropa”, irrappreżentati mis-Sur Timothée Niels Pierre Jacques GALVAIRE u mis-Sur Anastasios PAPACHRISTOU li jaġixxu bħala l-persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

Viċi President


(1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.