8.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/27


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/709

tas-6 ta' Mejju 2019

dwar il-ħatra tal-maniġer tan-netwerk għall-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) tal-ajru uniku Ewropew

(notifikata bid-dokument C(2019) 3228)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-ispazju tal-arja) (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004, l-Istati Membri inkarigaw lill-Eurocontrol bit-twettiq tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru, permezz tal-implimentazzjoni tal-Unità Ċentrali tal-Ġestjoni tal-Fluss (CFMU).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni C(2011) 4130 final tas-7 ta' Lulju 2011, il-Kummissjoni ħatret lill-Eurocontrol bħala l-Maniġer tan-Netwerk biex twettaq il-kompiti meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ATM tal-ajru uniku Ewropew bejn Lulju 2011 u Diċembru 2019.

(3)

Il-Kummissjoni rrieżaminat regolarment l-effettività tal-mod li bih l-Eurocontrol wettqet dawk il-kompiti fil-perjodu bejn l-2011 u l-2016. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Eurocontrol kienet wettqithom b'mod sodisfaċenti minn perspettiva operazzjonali.

(4)

Fl-2017, il-Kummissjoni rrieżaminat il-governanza, l-arranġamenti finanzjarji, u l-aspetti tal-bażi-tal-kostijiet u tal-kosteffiċjenza tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ATM u kkonkludiet li l-Maniġer tan-Netwerk jenħtieġ li jibbenefika minn awtonomija akbar fil-ġestjoni. Permezz tad-Deċiżjoni Nru XI/91 (2017) tal-1 ta' Novembru 2017, id-Direttur Ġenerali tal-Eurocontrol ta din l-awtonomija lid-Direttur Maniġer tan-Netwerk, li jwettaq il-kompiti tal-Maniġer tan-Netwerk fil-Eurocontrol (2).

(5)

Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-funzjonijiet tan-netwerk tal-ATM jenħtieġ li jitwettqu b'mod imtejjeb u iktar kosteffiċjenti milli fil-perjodu 2011-2016, b'mod partikolari billi tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni tal-isforzi, u b'hekk ikunu meħtieġa inqas, jew almenu mhux iktar, riżorsi finanzjarji u umani biex jitwettqu dawk il-funzjonijiet fl-Istati Membri.

(6)

Filwaqt li kkunsidrat il-valutazzjoni pożittiva kumplessiva tat-twettiq b'mod kosteffiċjenti tal-kompiti tal-Maniġer tan-Netwerk mill-Eurocontrol fl-ewwel u fit-tieni perjodi ta' referenza tal-iskema tat-twettiq kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 (3), kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat fit-twettiq tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ATM, fis-17 ta' Lulju 2018 il-Kummissjoni stiednet lill-Eurocontrol tressaq proposta. Il-Kummissjoni talbet lill-Eurocontrol tispeċifika r-rieda u l-ħila tagħha sabiex terġa' tinħatar bħala Maniġer tan-Netwerk, f'konformità mal-kriterji previsti fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004. F'dak ir-rigward, talbet ukoll lill-Eurocontrol tiddeskrivi kif se tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 (4), u tispjega kif, ladarba tinħatar, se tissodisfa r-rekwiżiti kif definiti fl-Artikolu 4(4) ta' dak ir-Regolament.

(7)

Fil-proposta tagħha ppreżentata fis-17 ta' Diċembru 2018, il-Eurocontrol ippreżentat informazzjoni rigward ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4(3) u 4(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123.

(8)

Wara talba sussegwenti tal-Kummissjoni, il-Eurocontrol ipprovdiet kjarifiki addizzjonali.

(9)

Il-Kummissjoni vvalutat l-elementi ppreżentati mill-Eurocontrol u sabet li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123 huma ssodisfati.

(10)

Fil-proposta tagħha, li tirreferi b'mod partikolari għar-riżultati li kienet kisbet fil-kapaċità tagħha bħala Maniġer tan-Netwerk matul l-ewwel u t-tieni perjodi ta' referenza, il-Eurocontrol tindirizza l-kwistjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123. Il-proposta turi l-kompetenza u l-ħila tagħha biex twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament.

(11)

F'konformità mal-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123, il-Eurocontrol iddeskriviet fil-proposta tagħha b'mod kwalitattiv u kwantitattiv l-objettivi ewlenin li qed tippjana li tikseb fir-rigward tal-ġestjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk u kif se tiżgura kwalità tajba tas-servizzi li tipprovdi lill-partijiet ikkonċernati operazzjonali.

(12)

F'konformità mal-Artikolu 4(3)(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123, filwaqt li tirreferi fost affarijiet oħra għat-tagħlimiet miksuba mill-ewwel u mit-tieni perjodi ta' referenza, il-Eurocontrol iddeskriviet l-approċċ u l-mezzi li qed tippjana li tuża biex taġixxi bħala Maniġer tan-Netwerk.

(13)

Fejn il-Maniġer tan-Netwerk iwettaq ukoll attivitajiet għajr dawk li huma rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk, l-Artikolu 4(3)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123 jeżiġi li huwa juri li dawk l-attivitajiet l-oħra jkunu se jitwettqu b'mod indipendenti mill-kompiti tal-Maniġer tan-Netwerk stabbiliti fl-Artikolu 7. Fil-proposta tagħha, il-Eurocontrol indikat li l-kompiti tal-Maniġer tan-Netwerk li huma rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk jitwettqu mid-Direttorat tal-Maniġer tan-Netwerk tagħha u li l-attivitajiet ta' dik il-parti tal-organizzazzjoni tagħha jkunu separati b'mod adegwat mill-attivitajiet l-oħra.

(14)

Minbarra li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(3), il-Eurocontrol ipproponiet li tkompli ttejjeb il-kosteffiċjenza fit-twettiq tal-kompiti tal-Maniġer tan-Netwerk matul il-perjodu tal-ħatra tagħha.

(15)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Eurocontrol tinħatar bħala l-Maniġer tan-Netwerk.

(16)

Dik il-ħatra jenħtieġ li tkopri kemm it-tielet kif ukoll ir-raba' perjodi ta' referenza, speċifikati fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 (5), minħabba l-investimenti meħtieġa għall-iskjerament ta' sistema mill-aqwa biex jiġi appoġġat it-twettiq tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ATM, u l-ħtieġa li jiġu żgurati l-istabbiltà u l-kontinwità tal-operazzjonijiet tan-netwerk.

(17)

F'konformità mal-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123, jenħtieġ li l-Maniġer tan-Netwerk jiġi ċċertifikat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni qabel ma jibda t-tielet perjodu ta' referenza.

(18)

Sabiex tiġi żgurata l-awtonomija tal-Maniġer tan-Netwerk, huwa importanti li jkun hemm separazzjoni adegwata tal-attivitajiet fl-organizzazzjoni maħtura bħala l-Maniġer tan-Netwerk. Għalhekk, f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123, jenħtieġ li l-Eurocontrol twettaq l-attivitajiet tagħha bħala Maniġer tan-Netwerk indipendentement minn kwalunkwe attività oħra, inkluż fir-rigward ta' attivitajiet relatati mal-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali.

(19)

Sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja fir-rigward tal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li l-Maniġer tan-Netwerk jipprovdilhom is-servizzi tiegħu, jenħtieġ li l-Maniġer tan-Netwerk ikollu arranġamenti xierqa ta' finanzjament u ta' nfiq kif ukoll jirrispetta r-regoli ddedikati għall-ġestjoni tal-kontijiet.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ħatra tal-Maniġer tan-Netwerk

1.   Il-Eurocontrol hija maħtura bħala l-Maniġer tan-Netwerk.

2.   Il-ħatra msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkopri t-tielet u r-raba' perjodi ta' referenza speċifikati fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

Artikolu 2

Kompiti tal-Maniġer tan-Netwerk

1.   Il-Eurocontrol, li taġixxi bħala l-Maniġer tan-Netwerk, għandha twettaq il-kompiti meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ATM imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123.

2.   Il-Eurocontrol, li taġixxi bħala l-Maniġer tan-Netwerk, għandha twettaq il-kompiti tagħha f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123.

Artikolu 3

Ċertifikazzjoni

Qabel ma twettaq il-kompiti inkarigati lilha, sat-2 ta' Jannar 2020 il-Eurocontrol bħala l-Maniġer tan-Netwerk għandu jkun iċċertifikat mill-Aġenzija f'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 (6).

Artikolu 4

Maniġer tan-Netwerk u Bord tat-Tmexxija tan-Netwerk

1.   Il-maniġer tal-Maniġer tan-Netwerk imsemmi fl-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123 għandu jkun id-Direttur tad-Direttorat tal-Maniġer tan-Netwerk tal-Eurocontrol.

2.   Ir-rappreżentant tal-Eurocontrol imsemmi fl-Artikolu 18(4)(f) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123 għandu jkun id-Direttur Ġenerali tal-Eurocontrol.

3.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jġarrab il-kostijiet relatati mal-appoġġ amministrattiv tal-president tal-Bord tat-Tmexxija tan-Netwerk.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni tal-Istati Membri

Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jipparteċipa fil-konsultazzjoni tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123.

Artikolu 6

Eżerċitar indipendenti tal-kompiti

F'konformità mal-Artikolu 4(3)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123, il-Eurocontrol għandha twettaq l-attivitajiet tagħha bħala Maniġer tan-Netwerk indipendentement minn kwalunkwe attività oħra, inkluż fir-rigward ta' attivitajiet relatati mal-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 7

Arranġamenti ta' finanzjament u ta' nfiq u separazzjoni tal-kontijiet tal-Maniġer tan-Netwerk

1.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jkollu fis-seħħ arranġamenti li jiżguraw li l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 24(1) u (2) ta' dak ir-Regolament, jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja ġusta u proporzjonata għall-kompiti inkarigati lill-Maniġer tan-Netwerk. Fir-rigward tal-ġestjoni tal-kontijiet tiegħu, għandu jirrispetta l-paragrafi 3 u 4.

2.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżgura li l-pagamenti li jsiru mill-Istati Membri tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123 ma jintużawx biex jiffinanzjaw l-infiq għal attivitajiet għajr dawk koperti mill-kompiti msemmija fl-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament jew imġarrba minħabba l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi skont l-Artikolu 24(3) u (4) ta' dak ir-Regolament.

3.   F'konformità mal-Artikolu 25(3)(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123, il-kompiti tal-Eurocontrol bħala Maniġer tan-Netwerk għandhom ikunu koperti minn kont separat fil-baġit tal-Eurocontrol.

4.   Fil-kont imsemmi fil-paragrafu 3, il-Maniġer tan-Netwerk għandu juri separatament il-kostijiet imġarrba u l-pagamenti li jsiru minħabba kwalunkwe arranġament kooperattiv kif imsemmi fl-Artikolu 24(3) u (4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

(2)  Id-Deċiżjoni li tikkonċerna d-delega lid-Direttur Maniġer tan-Netwerk tas-setgħat u/jew tal-awtorità li jiffirma fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw is-servizzi ta' appoġġ minn unitajiet oħra tal-Aġenzija, il-proċess tal-baġit tal-ġestjoni tan-netwerk, il-laqgħat tekniċi ta' djalogu soċjali tal-persunal operazzjonali tal-ġestjoni tan-netwerk, u l-ftehimiet operazzjonali u tekniċi meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tan-netwerk mill-Eurocontrol.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 tal-24 ta' Jannar 2019 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 28, 31.1.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta' Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni u ta' imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta' servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1).