3.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 116/80


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/691

tat-2 ta' Mejju 2019

li tawtorizza, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574, lill-operaturi ekonomiċi jużaw is-servizzi ta' emittent tal-identifikazzjoni ieħor

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 15 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/40/UE u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/574 (2) jistabbilixxu l-qafas ġuridiku għall-istabbiliment ta' sistema ta' traċċabbiltà għall-Unjoni kollha għall-prodotti tat-tabakk. Fil-livell tal-Unjoni, dawk l-atti jimplimentaw ukoll l-Artikolu 8 tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (3), li ġie ratifikat mill-Unjoni Ewropea (4) u jipprevedi l-istabbiliment ta' reġim globali ta' traċċar u lokalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk.

(2)

Sabiex il-prodotti tat-tabakk kollha jkunu jistgħu jiġu traċċati u rintraċċati fl-Unjoni kollha, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2014/40/UE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-pakketti individwali kollha ta' dawk il-prodotti jkunu mmarkati b'identifikatur uniku. Skont l-Artikolu 15(13), dak ir-rekwiżit se japplika għas-sigaretti u t-tabakk tal-brim mill-20 ta' Mejju 2019.

(3)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574 jobbliga lil kull Stat Membru jaħtar entità (l-“emittent tal-identifikazzjoni”) responsabbli mill-ġenerazzjoni u l-ħruġ tal-identifikaturi uniċi. L-Artikolu 3(6) jeħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-ħatra tal-emittent tal-identifikazzjoni u bil-kodiċi ta' identifikazzjoni tiegħu fi żmien xahar mindu jinħatar.

(4)

L-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574 jistabbilixxi regoli għall-emittenti tal-identifikazzjoni kompetenti biex jiġġeneraw u joħorġu identifikaturi uniċi skont fejn il-prodotti jiġu mmanifatturati, importati jew aggregati. Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1), Stat Membru jista' jeżiġi li l-emittent tal-identifikazzjoni maħtur tiegħu jkun kompetenti biex jiġġenera u joħroġ identifikaturi uniċi għall-prodotti kollha tat-tabakk imqiegħda fis-suq tiegħu.

(5)

L-Artikolu 4(5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574 jipprevedi li, f'każ ta' assenza temporanja tal-emittent tal-identifikazzjoni kompetenti, il-Kummissjoni tista' tawtorizza lill-operaturi ekonomiċi jużaw is-servizzi ta' emittent tal-identifikazzjoni ieħor li jkun diġà nħatar skont l-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament.

(6)

L-Artikoli 9(2) u 13(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574 jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi, li jintroduċu talbiet għal identifikaturi uniċi fil-livell ta' unità u fil-livell aggregat, jipprovdu l-informazzjoni elenkata fil-Punti 2.1 u 2.2 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tal-Anness II ta' dak ir-Regolament. Dik l-informazzjoni hija meħtieġa għall-ġenerazzjoni tal-identifikaturi uniċi u tinkludi l-kodiċijiet ta' identifikazzjoni, li jippermettu r-reġistrazzjoni ta' operaturi ekonomiċi, il-faċilitajiet u l-magni fis-sistema ta' traċċabbiltà. Għalhekk, il-kodiċijiet ta' identifikazzjoni huma essenzjali biex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jitolbu identifikaturi uniċi mingħand l-emittent tal-identifikazzjoni kompetenti. Barra minn hekk, l-identifikaturi uniċi u l-kodiċijiet ta' identifikazzjoni huma meħtieġa b'mod konġunt għar-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar il-movimenti tal-prodotti u l-avvenimenti tranżnazzjonali. Ir-regoli dwar it-talba tal-kodiċijiet ta' identifikazzjoni għall-operaturi ekonomiċi, il-faċilitajiet u l-magni huma stabbiliti fl-Artikoli 14, 16 u 18 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574. Il-kompetenza tal-emittenti tal-identifikazzjoni għall-kodiċijiet ta' identifikazzjoni emittenti hija bbażata fuq il-post operattiv tal-operaturi ekonomiċi.

(7)

Fiż-żmien tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, diversi Stati Membri ma nnotifikawx lill-Kummissjoni dwar il-ħatra tal-emittenti tal-identifikazzjoni rispettivi tagħhom skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574. Fl-assenza ta' emittent tal-identifikazzjoni kompetenti, l-operaturi ekonomiċi ma jkunux jistgħu jitolbu l-kodiċijiet ta' identifikazzjoni u l-identifikaturi uniċi. Minħabba f'hekk, dawk l-operaturi ekonomiċi ma jitħallewx iqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq. Dan jista' jaffettwa l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, b'mod partikolari l-kummerċ intrakomunitarju tal-prodotti tat-tabakk, u jaf jikkomprometti l-iskop proprju tas-sistema ta' traċċabbiltà u l-eliminazzjoni tal-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk.

(8)

Sabiex tillimita sa ċertu punt id-distorsjoni potenzjali tal-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u sabiex tgħin fl-iżgurar li s-sistema ta' traċċabbiltà tibda tiffunzjona f'waqtha, il-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien limitat għandha tawtorizza, f'konformità mal-Artikolu 4(5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574, lill-operaturi ekonomiċi jużaw is-servizzi ta' emittent ta' identifikazzjoni li diġà jkun inħatar.

(9)

Sta għall-emittenti tal-identifikazzjoni li diġà nħatru skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574 li jiddeċiedu jekk jaċċettawx talbiet minn operaturi ekonomiċi biex jiġġeneraw u joħorġu identifikaturi uniċi. Fl-assenza temporanja tal-emittent tal-identifikazzjoni kompetenti, emittenti tal-identifikazzjoni oħrajn maħtura jistgħu jipprovdu wkoll lill-operaturi ekonomiċi bil-kodiċijiet ta' identifikazzjoni meħtieġa biex jiġġeneraw u joħorġu l-identifikaturi uniċi u sabiex jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2014/40/UE u l-Kapitolu VI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574. Il-forniment ta' servizzi addizzjonali ma għandu fl-ebda ċirkostanza jpoġġi f'riskju l-operazzjonijiet l-oħra tal-emittent tal-identifikazzjoni.

(10)

Il-kodiċijiet ta' identifikazzjoni ġġenerati minn emittenti tal-identifikazzjoni fl-assenza temporanja tal-emittent tal-identifikazzjoni kompetenti għandhom jiġu ttrasferiti lill-emittent tal-identifikazzjoni kompetenti, ladarba jinħatar, flimkien mal-informazzjoni rilevanti l-oħra msemmija fl-Artikoli 14(2), 16(2) u 18(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574. It-trasferiment għandu jsir b'mod elettroniku, mingħajr dewmien żejjed, abbażi ta' talba mill-emittent tal-identifikazzjoni kompetenti indirizzata lill-emittenti tal-identifikazzjoni li ddeċidew li jiġġeneraw il-kodiċijiet ta' identifikazzjoni fl-assenza temporanja tal-emittent tal-identifikazzjoni kompetenti.

(11)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex jintużaw is-servizzi ta' emittent tal-identifikazzjoni ieħor skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574 tapplika biss fl-assenza temporanja tal-emittent tal-identifikazzjoni kompetenti.

(12)

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa r-regoli ta' kompetenza stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574 fir-rigward tal-ħruġ u r-reġistrazzjoni ta' kodiċijiet ta' operaturi ekonomiċi u ta' faċilitajiet għall-operaturi tal-ewwel stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut.

(13)

Filwaqt li titqies is-sistema ta' traċċabbiltà kif stabbilita fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/40/UE tapplika għas-sigaretti u t-tabakk tal-brim mill-20 ta' Mejju 2019, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Minħabba n-natura temporanja tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574, il-Kummissjoni tqis li din id-Deċiżjoni hija meħtieġa biex tillimita din id-Deċiżjoni fiż-żmien,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni tawtorizza, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574, lill-operaturi ekonomiċi kif definiti fil-Punt 2 tal-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament jużaw is-servizzi ta' emittent tal-identifikazzjoni ieħor li jkun inħatar skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574.

L-awtorizzazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun valida biss matul l-assenza temporanja tal-emittent tal-identifikazzjoni kompetenti u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2019.

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa r-regoli ta' kompetenza stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574 fir-rigward tal-ħruġ u r-reġistrazzjoni ta' kodiċijiet tal-operaturi ekonomiċi u tal-faċilitajiet għall-operaturi tal-ewwel stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut.

Artikolu 2

Il-kodiċijiet ta' identifikazzjoni tal-operatur ekonomiku, tal-faċilità u tal-magna ġġenerati mill-emittenti tal-identifikazzjoni fl-assenza temporanja tal-emittent tal-identifikazzjoni kompetenti għandhom jiġu ttrasferiti lill-emittent tal-identifikazzjoni kompetenti ladarba jiġi maħtur, fuq talba tiegħu u mingħajr dewmien żejjed. Dawk il-kodiċijiet ta' identifikazzjoni għandhom jiġu ttrasferiti flimkien mal-informazzjoni rilevanti oħra msemmija fl-Artikoli 14(2), 16(2) u 18(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/574.

It-trasferiment għandu jsir b'mod elettroniku.

L-operaturi ekonomiċi għandhom jiġu infurmati dwar it-trasferiment mill-emittent tal-identifikazzjoni kompetenti.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2019 inkluż.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/574 tal-15 ta' Diċembru 2017 dwar l-istandards tekniċi għat-twaqqif u għat-tħaddim ta' sistema ta' traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk (ĠU L 96, 16.4.2018, p. 7).

(3)  Il-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (ĠU L 268, 1.10.2016, p. 10).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1749 tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 268, 1.10.2016, p. 1). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1750 tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u mad-definizzjoni ta' reati kriminali (ĠU L 268, 1.10.2016, p. 6).