30.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 114/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/678

tad-29 ta' April 2019

li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Myanmar/Burma

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/184/PESK (1) dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Myanmar/Burma.

(2)

Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni 2013/184/PESK, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jiġġeddu sat-30 ta' April 2020.

(3)

Waslet informazzjoni aġġornata għal żewġ inklużjonijiet fil-lista, u jenħtieġ li għall-persuni kollha li jinsabu elenkati jiġi inkluż is-sess tagħhom.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/184/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/184/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 12 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' April 2020. Għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġi mġedda, jew emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”

(2)

L-Anness huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK tat-22 ta' April 2013 dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Mjanmar/Burma u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/232/PESK (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 75).


ANNESS

L-entrati 1 sa 14 fil-lista ta' persuni u entitajiet stabbilita fl-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“1.

Aung Kyaw Zaw

Data tat-twelid: 20 ta' Awwissu 1961

Sess: raġel

Numru tal-passaport: DM000826

Data tal-ħruġ: 22 ta' Novembru 2011

Data tal-iskadenza: 21 ta' Novembru 2021

Numru ta' identifikazzjoni militari: BC 17444

Il-Logutenent Ġeneral Aung Kyaw Zaw kien il-Kmandant tal-Uffiċċju tal-Operazzjonijiet Speċjali Nru 3 tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) minn Awwissu 2015 sa tmiem l-2017. L-Uffiċċju tal-Operazzjonijiet Speċjali Nru 3 kellu f'idejh il-Kmand tal-Punent u, f'dak il-kuntest, il-Logutenent Ġeneral Aung Kyaw Zaw hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-Kmand tal-Punent matul dak il-perijodu. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u l-ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

2.

Maung Maung Soe

Data tat-twelid: Marzu 1964

Sess: raġel

Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali: Tatmadaw Kyee 19571

Il-Maġġur Ġeneral Maung Maung Soe kien il-Kmandant tal-Kmand tal-Punent tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) minn Ottubru 2016 sal-10 ta' Novembru 2017 u kellu f'idejh l-operazzjonijiet militari fl-Istat ta' Rakhine. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-Kmand tal-Punent matul dak il-perijodu. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

3.

Than Oo

Data tat-twelid: 12 ta' Ottubru 1973

Sess: raġel

Numru ta' identifikazzjoni militari: BC 25723

Il-Brigadier Ġeneral Than Oo hu l-Kmandant tad-Diviżjoni 99 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mid-Diviżjoni 99 tal-Infanterija Ħafifa. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u l-ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

4.

Aung Aung

Sess: raġel

Numru ta' identifikazzjoni militari: BC 23750

Il-Brigadier Ġeneral Aung Aung hu l-Kmandant tad-Diviżjoni 33 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mid-Diviżjoni 33 tal-Infanterija Ħafifa. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u l-ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

5.

Khin Maung Soe

Data tat-twelid: 1972

Sess: raġel

Il-Brigadier Ġenerali Khin Maung Soe hu l-Kmandant tal-Kmand Operattiv Militari 15, kultant magħruf ukoll bħala l-15-il Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa, tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), li taħtha hemm il-Battaljun Nru 564 tal-Infanterija. F'dak il-kuntest, huwa responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mill-Kmand Operattiv Militari 15, b'mod partikolari l-Battaljun tal-Infanterija Nru 564. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u l-ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

6.

Thura San Lwin

Data tat-twelid: 17 ta' Marzu 1957

Sess: raġel

Il-Brigadier Ġenerali Thura San Lwin kien il-Kmandant tal-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera minn Ottubru 2016 sa' kmieni f'Ottubru 2017. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera matul dak il-perijodu. Dawn jinkludu qtil illegali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

7.

Thant Zin Oo

Sess: raġel

Thant Zin Oo hu l-Kmandant tat-Tmien Battaljun tal-Pulizija tas-Sigurtà. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mit-Tmien Battaljun tal-Pulizija tas-Sigurtà. Il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jinkludi qtil illegali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya. Dak il-ksur twettaq flimkien ma', u bħala appoġġ dirett għal, id-Diviżjoni 33 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) immexxija mill-Brigadier Ġeneral Aung Aung. Thant Zin Oo hu għaldaqstant assoċjat mal-persuna elenkata, il-Brigadier Ġeneral Aung Aung.

25.6.2018

8.

Ba Kyaw

Sess: raġel

Ba Kyaw huwa Surġent tal-Persunal fil-564 Battaljun tal-Infanterija Ħafifa (BIĦ) tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Huwa wettaq atroċitajiet u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom qtil, deportazzjoni u tortura, fuq il-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017. B'mod partikolari, ġie identifikat bħala wieħed mill-awturi ewlenin tal-massakru ta' Maung Nu tas-27 ta' Awwissu 2017.

21.12.2018

9.

Tun Naing

Sess: raġel

Tun Naing huwa l-Uffiċjal Kmandant tal-bażi tal-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera (PGF) f'Taung Bazar. F'dik il-kapaċità, huwa responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine li twettqu mill-PGF F'Taung Bazar qabel, għall-ħabta ta' jew wara l-25 ta' Awwissu 2017, fosthom detenzjoni furzata, trattament ħażin u tortura.

21.12.2018

10.

Khin Hlaing

Data tat-twelid: 2 ta' Mejju 1968

Sess: raġel

Il-Brigadier Ġeneral Khin Hlaing huwa l-eks-Kmandant tad-99 Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa (DIĦ) u l-Kmandant attwali tal-Kmand tal-Grigal tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Bħala l-Kmandant tad-99 DIĦ huwa ssorvelja l-operazzjonijiet militari li twettqu fl-Istat ta' Shan fl-2016 u l-bidu tal-2017. F'dak il-kuntest, huwa responsabbli mill-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu fuq minoranza etnika ta' raħħala fl-Istat ta' Shan fit-tieni nofs tal-2016 mid-99 DIĦ. Dawn jinkludu l-qtil illegali, id-detenzjoni furzata u l-qerda tal-villaġġi.

21.12.2018

11.

Aung Myo Thu

Sess: raġel

Il-Maġġur Aung Myo Thu huwa l-Kmandant tal-Unità Operazzjonali tat-33 Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa (DIĦ) tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Bħala l-Kmandant tal-Unità Operazzjonali tat-33 DIĦ huwa kellu f'idejh l-operazzjonijiet militari li twettqu fl-Istat ta' Rakhine fl-2017. F'dak il-kuntest, hu responsabbli mill-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fuq il-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mit-33 DIĦ. Dawn jinkludu l-qtil illegali, il-vjolenza sesswali u d-detenzjoni furzata.

21.12.2018

12.

Thant Zaw Win

Sess: raġel

Thant Zaw Win huwa Maġġur fil-564 Battaljun tal-Infanterija Ħafifa (BIĦ) tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). F'dik il-kapaċità, huwa kellu f'idejh l-operazzjonijiet militari li twettqu fl-Istat ta' Rakhine u huwa responsabbli mill-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-564 BIĦ, b'mod partikolari fil-villaġġ ta' Maung Nu u madwaru fis-27 ta' Awwissu 2017. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

21.12.2018

13.

Kyaw Chay

Sess: raġel

Kyaw Chay huwa Kapural fil-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera (PGF). Qabel kien ibbażat f'Zay Di Pyin u kien l-Uffiċjal Kmandant tal-bażi tal-PGF f'Zay Di Pyin fil-perijodu għall-ħabta tal-25 ta' Awwissu 2017 meta twettqet sensiela ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-PGF taħt il-kmand tiegħu. F'dak il-kuntest, hu responsabbli mill-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-PGF fuq il-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine f'dak il-perijodu. Huwa ħa sehem ukoll fil-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Dan il-ksur jinkludi t-trattament ħażin tad-detenuti u t-tortura.

21.12.2018

14.

Nyi Nyi Swe

Sess: raġel

Il-Ġeneral Maġġur Nyi Nyi Swe huwa l-eks-Kmandant tal-Kmand tat-Tramuntana tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). F'dik il-kapaċità, huwa responsabbli mill-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu fl-Istat ta' Kachin minn Mejju 2016 sa April 2018 (sal-ħatra tiegħu bħala Kmandant tal-Kmand tal-Lbiċ) mill-Kmand tat-Tramuntana, fosthom it-trattament ħażin tal-persuni ċivili. Huwa responsabbli wkoll mit-tfixkil tal-għoti ta' assistenza umanitarja lill-persuni ċivili fil-bżonn fl-Istat ta' Kachin f'dak il-perijodu, b'mod partikolari l-imblokkar tat-trasporti tal-ikel.

21.12.2018”