|
24.4.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 109/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/634
tad-9 ta' April 2019
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punti (b) u (d) tal-Artikoli 77(2) u l-punt (c) tal- Artikolu 79(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), f'każijiet fejn ikun previst li jintbagħtu timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta f'pajjiż terz biex iwettqu azzjonijiet li għalihom il-membri tat-tim ikollhom poteri eżekuttivi, jew fejn meħtieġ minn azzjonijiet oħra f'pajjiżi terzi, għandu jintlaħaq ftehim dwar l-istatus, bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Dak il-ftehim dwar l-istatus jenħtieġ li jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet. |
|
(2) |
Fis-16 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Bożnija-Ħerzegovina għal ftehim dwar l-istatus dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina (il-“Ftehim”). |
|
(3) |
In-negozjati ġew finalizzati b'suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim f'Jannar 2019. |
|
(4) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (2); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(5) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(6) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew marbuta bl-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha. |
|
(7) |
Għaldaqstant, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat u d-dikjarazzjoni konġunta annessa jeħtieġ li jiġu approvati, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (4).
Artikolu 2
Id-dikjarazzjoni konġunta annessa ma' din id-Deċiżjoni għandha tiġi approvata f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa sabiex jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' April 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(4) It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.
ANNESS
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, TAN-NORVEĠJA, TAL-IŻVIZZERA U TAL-LIECHTENSTEIN
Il-Partijiet għall-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.
F'tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tal-Bożnija-Ħerzegovina f'termini simili għal dawk tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina.