12.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/53


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/606

tal-11 ta’ April 2019

li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/137/UE fir-rigward tal-inklużjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u ta' wħud mid-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu fil-listi ta' pajjiżi terzi jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni tas-semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi porċina

(notifikata bid-dokument C(2019) 2841)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat d-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-bhejjem applikabbli għal kummerċ intra-Komunitarju u għall-importazzjonijiet ta' semen ta' bhejjem domestiċi tal-ispeċi tal-majjali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 9(2) u (3) u l-Artikolu 10(2) tagħha,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Fit-22 ta' Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/476 (2) li testendi l-perjodu taħt l-Artikolu 50(3) tat-TUE bi qbil mar-Renju Unit. F'konformità ma' dik id-Deċiżjoni, f'każ li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix approvat mill-House of Commons sad-29 ta' Marzu 2019 l-aktar tard, il-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE jiġi estiż sat-12 ta' April 2019. Billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ ma ġiex approvat sad-29 ta' Marzu 2019, id-dritt tal-Unjoni mhux se jibqa' japplika għar-Renju Unit u fih mit-13 ta' April 2019 (“id-data ta' ħruġ”).

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/137/UE (3) tistabbilixxi fl-Anness I tagħha lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet minnhom, li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet tas-semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi porċina.

(3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ipprovda l-garanziji neċessarji sabiex dak il-pajjiż u wħud mid-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/137/UE għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni tas-semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi porċina mid-data tal-ħruġ billi jkompli jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal perjodu inizjali ta' mill-inqas disa' xhur.

(4)

Għalhekk, meta jitqiesu dawn il-garanziji speċifiċi pprovduti mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, u sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn tal-kummerċ wara d-data tal-ħruġ, ir-Renju Unit u wħud mid-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu jenħtieġ li jiġu inklużi fil-listi ta' pajjiżi terzi u territorji u partijiet minnhom stabbiliti fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/137/UE li huma awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni tas-semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi porċina.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/137/UE jiġi emendat skont dan.

(6)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mit-13 ta' April 2019, sakemm f'dik id-data d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u fih.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/137/UE huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-13 ta' April 2019.

Madankollu, m'għandhiex tapplika jekk, f'dik id-data, id-dritt tal-Unjoni jibqa' japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u fih.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2019.

Għall-Kummissjoni

Jyrki KATAINEN

Viċi President


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 62.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tat-22 ta' Marzu 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 80 I, 22.3.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/137/UE tal-1 ta' Marzu 2012 dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni tas-semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi porċina (ĠU L 64, 3.3.2012, p. 29).


ANNESS

Fit-tabella fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/137/UE jiddaħħlu l-linji li ġejjin wara l-entrata għall-Iżvizzera:

“GB

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

 

GG

Guernsey

 

JE

Jersey”