|
12.4.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 103/41 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/602
tal-11 ta’ April 2019
li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE fir-rigward tal-inklużjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u ta' wħud mid-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu fil-lista ta' pajjiżi terzi awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' embrijuni bovini
(notifikata bid-dokument C(2019) 2833)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat d-Direttiva tal-Kunsill 89/556/KEE tal-25 ta' Settembru 1989 dwar kondizzjonijiet ta' saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju fi u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' embrijuni ta' annimali domestiċi tal-ispeċi tal-ifrat (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 9(1)(b) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Fit-22 ta' Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/476 (2) li testendi l-perjodu taħt l-Artikolu 50(3) tat-TUE bi qbil mar-Renju Unit. F'konformità ma' dik id-Deċiżjoni, f'każ li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix approvat mill-House of Commons sad-29 ta' Marzu 2019 l-aktar tard, il-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE jiġi estiż sat-12 ta' April 2019. Billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ ma ġiex approvat sad-29 ta' Marzu 2019, id-dritt tal-Unjoni mhux se jibqa' japplika għar-Renju Unit u fih mit-13 ta' April 2019 (“id-data ta' ħruġ”). |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2006/168/KE (3) tistabbilixxi fl-Anness I tagħha lista ta' pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta' embrijuni bovini. |
|
(3) |
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ipprovda l-garanziji neċessarji sabiex dak il-pajjiż u wħud mid-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/168/KE għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' embrijuni bovini mid-data tal-ħruġ billi jkompli jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal perjodu inizjali ta' mill-inqas disa' xhur. |
|
(4) |
Għalhekk, meta jitqiesu dawn il-garanziji speċifiċi pprovduti mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, u sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn tal-kummerċ wara d-data tal-ħruġ, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u wħud mid-Dipendenzi tal-Kuruna jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista ta' pajjiżi terzi stabbiliti fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE li huma awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' embrijuni bovini. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE jiġi emendat skont dan. |
|
(6) |
Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mit-13 ta' April 2019, sakemm f'dik id-data d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u fih. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-13 ta' April 2019.
Madankollu, m'għandhiex tapplika jekk, f'dik id-data, id-dritt tal-Unjoni jibqa' japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u fih.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2019.
Għall-Kummissjoni
Jyrki KATAINEN
Viċi President
(1) ĠU L 302, 19.10.1989, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tat-22 ta' Marzu 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 80 I, 22.3.2019, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/168/KE tal-4 ta' Jannar 2006 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjoni fil-Komunità ta' embrijuni bovini u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/217/KE (ĠU L 57, 28.2.2006, p. 19).
ANNESS
It-tabella stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE hija emendata kif ġej:
|
(a) |
il-linji li ġejjin jiddaħħlu wara l-entrata tal-Iżvizzera:
|
|
(b) |
il-linja li ġejja tiddaħħal wara l-entrata ta' Iżrael:
|