12.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/35


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/600

tal-11 ta’ April 2019

li temenda d-Deċiżjoni 2011/163/UE dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet sottomessi mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u mid-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE

(notifikata bid-dokument C(2019) 2831)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta' April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta' ċerti sustanzi u residwi tagħhom f'annimali ħajjin u prodotti tal-annimali u li tħassar id-Direttivi 85/358/KEE u 86/469/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/187/KEE u 91/664/KEE (1), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Fit-22 ta' Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/476 (2) li testendi l-perjodu taħt l-Artikolu 50(3) tat-TUE bi qbil mar-Renju Unit. F'konformità ma' dik id-Deċiżjoni, f'każ li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix approvat mill-House of Commons sad-29 ta' Marzu 2019 l-aktar tard, il-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE jiġi estiż sat-12 ta' April 2019. Billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ ma ġiex approvat sad-29 ta' Marzu 2019, id-dritt tal-Unjoni mhux se jibqa' japplika għar-Renju Unit u fih mit-13 ta' April 2019 (“id-data ta' ħruġ”).

(2)

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 96/23/KE jeħtieġ li l-pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri huma awtorizzati li jimportaw annimali u prodotti tal-annimali koperti minn dik id-Direttiva jissottomettu l-pjanijiet ta' monitoraġġ tar-residwi li jipprovdu l-garanziji meħtieġa (“il-pjanijiet”). Il-pjanijiet jenħtieġ li jkopru mill-inqas il-gruppi ta' residwi u sustanzi elenkati fl-Anness I ta' dik id-Direttiva.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE (3) tapprova l-pjanijiet sottomessi minn ċerti pajjiżi terzi dwar annimali u prodotti tal-annimali speċifiċi elenkati fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni.

(4)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq issottometta lill-Kummissjoni l-pjanijiet tal-pajjiż u tad-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu dwar l-annimali bovini, l-annimali ovini/kaprini, l-annimali porċini, l-annimali ekwini, it-tjur, l-akkwakultura, il-ħalib, il-bajd, il-fniek, it-tjur tal-kaċċa, it-tjur tal-kaċċa mrobbija fl-irziezet u l-għasel. Dawk il-pjanijiet jipprovdu biżżejjed garanziji u jenħtieġ li jiġu approvati.

(5)

Għalhekk, sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn tal-kummerċ wara d-data tal-ħruġ, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u d-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista ta' pajjiżi terzi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/163/UE li għalihom il-pjanijiet ġew approvati. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni 2011/163/UE jiġi emendat skont dan.

(6)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mit-13 ta' April 2019, sakemm f'dik id-data d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u fih.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2011/163/UE huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-13 ta' April 2019.

Madankollu, m'għandhiex tapplika jekk, f'dik id-data, id-dritt tal-Unjoni jibqa' japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u fih.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2019.

Għall-Kummissjoni

Jyrki KATAINEN

Viċi President


(1)   ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tat-22 ta' Marzu 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 80 I, 22.3.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE tas-16 ta' Marzu 2011 dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet sottomessi mill-pajjiżi terzi skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE (ĠU L 70, 17.3.2011, p. 40).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni 2011/163/UE huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata li ġejja tiddaħħal bejn il-Gżejjer Faeroe u l-Georgia:

“GB

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X”

(2)

l-entrata li ġejja tiddaħħal bejn il-Georgia u l-Ghana:

“GG

Guernsey

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X”

(3)

l-entrata li ġejja tiddaħħal bejn Iżrael u l-Indja:

“IM

Isle of Man

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X”

(4)

l-entrata li ġejja tiddaħħal bejn l-Iran u l-Ġamajka:

“JE

Jersey

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X”