10.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/563

tat-8 ta' April 2019

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/538 (2), l-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea (“Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406”) ġiet iffirmata fit-13 ta' Diċembru 2017, soġġetta għall-konklużjonijiet tagħha f'data aktar tard.

(2)

L-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għall-fażijiet kollha tal-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, inklużi l-attivitajiet ta' mobilizzazzjoni, bl-għan li tiġi żgurata l-interoperabbiltà globali. Hija timmodifika wkoll l-istruttura u l-governanza tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 sabiex tottimizza l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni mwettqa permezz tiegħu.

(3)

Jeħtieġ li jiġu stipulati l-arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-ġestjoni eżekuttiva tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, ir-riċerka u l-iżvilupp fl-avjazzjoni ċivili u l-interoperabbiltà globali (“Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A”), li huwa stipulat fl-addendum għall-Emenda 1 u jissostitwixxi l-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 tiġi approvata f'isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu II.B tal-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bl-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 (4).

Artikolu 3

Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill, għandha tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-ġestjoni eżekuttiva tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A u l-Annessi tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu III tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A, rigward:

(a)

l-adozzjoni ta' annessi addizzjonali għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A u ta' appendiċijiet għall-Annessi għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A; u

(b)

l-adozzjoni ta' emendi għall-Annessi għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A u għall-Appendiċijiet ta' dawk l-Annessi.

Artikolu 4

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' tieħu kwalunkwe azzjoni xierqa skont l-Artikoli III, IV, V, VII u VIII tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni f'konsultazzjonijiet skont l-Artikolu XI tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A kull meta jkun neċessarju u ta' mill-inqas darba fis-sena.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' April 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Approvazzjoni tat-12 ta' Settembru 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/538 tas-7 ta' Diċembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea (ĠU L 90, 6.4.2018, p. 1).

(3)  It-test tal-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea ġie ippubblikat fil-ĠU L 90, 6.4.2018, p. 3 flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar.

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.