27.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 85/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/510

tal-25 ta' Marzu 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal fir-rigward tal-applikazzjoni għall-adeżjoni ma' dik il-Konvenzjoni, ippreżentata mir-Renju Unit

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (1) (“il-Konvenzjoni NEAFC”) ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/608/KEE (2) u daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Marzu 1982.

(2)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni taħt l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perijodu.

(3)

Sal-ħruġ tiegħu mill-Unjoni, ir-Renju Unit jibqa' Stat Membru li jgawdi d-drittijiet kollha u huwa marbut bl-obbligi kollha derivanti mit-Trattati, fost dawn il-konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera.

(4)

Fil-linji gwida konsegwenti għan-notifika tar-Renju Unit taħt l-Artikolu 50 tat-TUE tad-29 ta' April 2017, il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa l-ħtieġa, fil-kuntest internazzjonali, li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tar-Renju Unit bħala Stat Membru li qed joħroġ, sakemm jirrispetta l-obbligi tiegħu u jibqa' leali lejn l-interessi tal-Unjoni waqt li jibqa' Stat Membru.

(5)

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ fih arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fir-Renju Unit wara d-data li fihom it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit (“perjodu ta' tranżizzjoni”). Jekk dak il-Ftehim jidħol fis-seħħ, id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni hija Parti, ikompli japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta' tranżizzjoni skont dak il-Ftehim u jieqaf japplika fit-tmiem ta' dak il-perjodu.

(6)

Il-Konvenzjoni NEAFC bħalissa tapplika għar-Renju Unit bħala riżultat tal-fatt li l-Unjoni hija Parti Kontraenti għal dik il-Konvenzjoni, filwaqt li l-Artikolu 20(4) tal-Konvenzjoni NEAFC jeskludi l-adeżjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni.

(7)

Skont l-Artikolu 20(4) tal-Konvenzjoni NEAFC, kwalunkwe Stat jista' jissieħeb fil-Konvenzjoni tal-NEAFC sakemm applikazzjoni għas-sħubija ta' dak l-Istat ikollha l-approvazzjoni ta' tliet kwarti tal-Partijiet Kontraenti kollha għall-Konvenzjoni fi żmien 90 jum mid-data ta' notifika mid-Depożitarju dwar ir-riċezzjoni tal-applikazzjoni.

(8)

Fit-8 ta' Jannar 2019, ir-Renju Unit ressaq applikazzjoni biex jaderixxi mal-Konvenzjoni NEAFC bħala Parti Kontraenti fid-dawl tal-possibbiltà ta' nuqqas ta' ftehim dwar il-ħruġ sad-data meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għalih.

(9)

Skont l-Artikoli 56, 63 u 116 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) (3), ir-Renju Unit għandu interessi tas-sajd leġittimi fiż-Żona tal-Konvenzjoni NEAFC (ibħra internazzjonali) u bħala Stat kostali, sa fejn l-ilmijiet taħt iż-żona ekonomika esklużiva tar-Renju Unit jaqgħu fi ħdan iż-Żona tal-Konvenzjoni NEAFC.

(10)

Sabiex jiġi evitat sajd mhux sostenibbli, huwa fl-interess tal-Unjoni li r-Renju Unit jikkoopera fil-ġestjoni tal-istokkijiet ta' interess komuni b'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS u mal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 relatati mal-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' stokkijiet ta' ħut transżonali u stokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna tal-4 ta' Awwissu 1995 (UNFSA) (4) jew xi ftehim internazzjonali ieħor jew norma oħra tad-dritt internazzjonali.

(11)

Kif previst fl-Artikolu 63(2) tal-UNCLOS u fl-Artikolu 8 tal-UNFSA, fejn l-istess stokk jew stokkijiet ta' speċijiet assoċjati jseħħu kemm fiż-żona ekonomika esklussiva kif ukoll f'żona lil hinn u maġenb dik iż-żona, l-Istat kostali u l-Istati li jistadu għal tali stokkijiet fiż-żona ta' maġenbu jridu jikkooperaw biex jaqblu dwar il-miżuri meħtieġa għall-konservazzjoni ta' dawk l-istokkijiet fiż-żona ta' maġenbu. Tali kooperazzjoni tista' tiġi stabbilita fil-qafas ta' organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd jew, fejn tali organizzazzjonijiet reġjonali ma jkollhom l-ebda kompetenza għall-istokk inkwistjoni, permezz ta' arranġamenti ad-hoc fost il-pajjiżi li għandhom interess f'dak is-sajd.

(12)

L-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni NEAFC tippermetti lir-Renju Unit jikkoopera dwar il-miżuri meħtieġa għall-ġestjoni tas-sajd filwaqt b'kont meħud kif dovut tad-drittijiet, l-interessi u d-dmirijiet ta' pajjiżi oħra u tal-Unjoni, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd jitwettqu b'mod li jirriżulta fl-isfruttament sostenibbli tal-istokk jew l-istokkijiet ikkonċernati.

(13)

Huwa għalhekk fl-interess tal-Unjoni li tapprova l-applikazzjoni mressqa mir-Renju Unit għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni NEAFC fil-każ li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jseħħ mingħajr ftehim dwar il-ħruġ sal-iskadenza tal-perjodu ta' notifika msemmi fl-Artikolu 20(4) tal-Konvenzjoni NEAFC,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal għandha tkun li tapprova l-applikazzjoni għall-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni NEAFC.

2.   Il-Kummissjoni tkun awtorizzata tinnotifika lid-Depożitarju tal-Konvenzjoni NEAFC bil-pożizzjoni tal-Unjoni biss jekk il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir mingħajr ftehim dwar il-ħruġ sal-iskadenza tal-perjodu ta' notifika msemmi fl-Artikolu 20(4) tal-Konvenzjoni NEAFC.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Marzu 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)   ĠU L 227, 12.8.1981, p. 22.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/608/KEE tat-13 ta' Lulju 1981 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (ĠU L 227, 12.8.1981, p. 21).

(3)   ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3.

(4)   ĠU L 189, 3.7.1998, p. 14.