|
27.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 85/66 |
DEĊIŻJONI (UE) 2019/504 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-19 ta' Marzu 2019
dwar Direttiva li temenda 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u r-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 192(1) u 194(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu. |
|
(2) |
Il-ftehim dwar il-ħruġ kif miftiehem bejn in-negozjaturi fih arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih, lil hinn mid-data li fuqha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih. Jekk dak il-ftehim jidħol fis-seħħ, id-Direttiva (UE) 2018/2002 (3), li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), japplikaw għar-Renju Unit u fih matul il-perjodu ta' tranżizzjoni skont dak il-ftehim u ma jibqgħux japplikaw fi tmiem dak il-perjodu. |
|
(3) |
L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2012/27/UE, li ġiet introdotta mid-Direttiva (UE) 2018/2002, teħtieġ lill-Istati Membri jistabbilixxu kontribuzzjonijiet nazzjonali indikattivi tal-effiċjenza fl-enerġija għall-ilħuq tal-miri tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni ta' mill-inqas 32,5 % għall-2030. Meta stabbilixxew dawk il-kontribuzzjonijiet, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 f'termini ta' enerġija primarja u/jew finali. |
|
(4) |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2018/1999 jirrikjedi lilll-Istati Membri jqisu l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 f'termini ta' enerġija primarja u/jew enerġija finali fil-kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tagħhom għall-effiċjenza fl-enerġija għall-ilħuq tal-miri tal-Unjoni. Skont l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 29(3) ta' dak ir-Regolament, il-konsum tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni huwa rilevanti wkoll għall-valutazzjoni tal-progress tal-Kummissjoni lejn l-ilħuq kollettiv tal-miri tal-Unjoni. |
|
(5) |
Minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu emendati ċ-ċifri mbassra tal-konsum ta' enerġija għall-Unjoni fl-2030 jiġu adattati teknikament sabiex jirriflettu l-Unjoni ta' 27 Stat Membru minbarra r-Renju Unit (“EU 27”). It-tbassir magħmul għall-miri ewlenin tal-Unjoni ta' mill-inqas 32,5 % juri li l-konsum ta' enerġija primarja huwa mistenni li jkun ugwali għal 1 273 miljun tunnellata ta' ekwivalenti taż-żejt (Mtoe) u l-konsum ta' enerġija finali jenħtieġ li jkun ugwali għal 956 Mtoe fl-2030 għall-Unjoni ta' 28 Stat Membru. It-tbassir ekwivalenti għall-EU 27 juri li l-konsum ta' enerġija primarja għandu ikun ugwali għal 1 128 Mtoe u l-konsum ta' enerġija finali għandu ikunu ugwali għal 846 Mtoe fl-2030. Dan jeħtieġ l-emendar taċ-ċifri għal-livelli ta' konsum tal-enerġija fl-2030. |
|
(6) |
L-istess tbassir għall-konsum tal-enerġija fl-2030 huma rilevanti għall-Artikoli 6 u 29 u r-Regolament (UE) 2018/1999. |
|
(7) |
B'konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (6), il-waqfien tal-applikazzjoni tal-atti ffissat f'data partikolari għandu jseħħ mat-tmiem tal-aħħar siegħa tal-jum li jaħbat f'dik id-data. Din id-Deċiżjoni għalhekk jenħtieġ li tapplika mill-jum wara dak li fih id-Direttiva 2012/27/UE u r-Regolament (UE) 2018/1999 ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit. |
|
(8) |
Id-Direttiva 2012/27/UE u r-Regolament (UE) 2018/1999 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan, |
|
(9) |
Sabiex tipprepara mingħajr dewmien għall-ħruġ tar-Renju Unit, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emenda għad-Direttiva 2012/27/UE
Fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/27/UE, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“5. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija lejn il-miri tal-Unjoni għall-2030 kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) ta' din id-Direttiva skont l-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). Meta jistabbilixxu dawk il-kontribuzzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu li l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 ma għandux ikun aktar minn 1 128 Mtoe tal-enerġija primarja u/jew mhux aktar minn 846 Mtoe tal-enerġija finali. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn il-kontribuzzjonijiet lill-Kummissjoni bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima kif imsemmi fi, u b'konformità mal-proċedura skont l-Artikoli 3 u 7 sa 12 tar-Regolament (UE) 2018/1999.
Artikolu 2
Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1999
Ir-Regolament (UE) 2018/1999 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej: “1. Fil-kontribuzzjoni nazzjonali indikattiv tiegħu għall-effiċjenza enerġetika għall-2030 u għall-aħħar sena tal-perijodu kopert għall-pjanijiet nazzjonali sussegwenti skont il-punt (b)(1) tal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jqis li, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/27/UE l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni fl-2020 għandu jkun mhux aktar minn 1 483 Mtoe tal-enerġija primarja jew mhux aktar minn 1 086 Mtoe tal-enerġija finali u l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030 għandu jkun mhux aktar minn 1 128 Mtoe tal-enerġija primarja u/jew mhux aktar minn 846 Mtoe tal-enerġija finali.”; |
|
(2) |
fl-Artikolu 29(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej: “3. Fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija, bħala parti mill-valutazzjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-progress lejn il-kisba kollettiva ta' konsum tal-enerġija massimu fil-livell tal-Unjoni ta' 1 128 Mtoe ta' enerġija primarja u 846 Mtoe ta' enerġija finali fl-2030 b'konformità mal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2012/27/UE.”. |
Artikolu 3
Limiti ta' żmien
L-Artikoli 1 u 2 ta' din id-Deċiżjoni huma mingħajr preġudizzju għal-limiti ta' żmien previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018//2002 u fl-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2018/1999.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. L-Artikoli 1 u 2 għandhom japplikaw mill-jum wara dak li fih id-Direttiva 2012/27/UE u r-Regolament (UE) 2018/1999 ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih.
Artikolu 5
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) L-Opinjoni tat-23 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2019.
(3) Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).
(4) Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).
(6) Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).