22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/49


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/470

tal-20 ta' Marzu 2019

li tħassar id-Deċiżjoni 2005/779/KE dwar miżuri ta' protezzjoni għas-saħħa tal-annimali kontra l-marda vexxikulari tal-ħnieżer fl-Italja

(notifikata bid-dokument C(2019) 2045)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju applikabbli għall-kummerċ intra-Unjoni ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/779/KE (2) ġiet adottata wara t-tifqigħat tal-marda vexxikulari tal-ħnieżer fl-Italja. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli dwar is-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda vexxikulari tal-ħnieżer għar-reġjuni ta' dak l-Istat Membru li huma rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vexxikulari tal-ħnieżer, u wkoll għal dawk ir-reġjuni ta' dak l-Istat Membru li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa minn dik il-marda.

(2)

Għal bosta snin fl-Italja ġie implimentat programm għall-eradikazzjoni u l-monitoraġġ tal-marda vexxikulari tal-ħnieżer bil-għan li r-reġjuni kollha ta' dak l-Istat Membru jiksbu l-istatus tal-ħielsien mill-marda vexxikulari tal-ħnieżer.

(3)

L-Italja ressqet informazzjoni ġdida quddiem il-Kummissjoni fir-rigward tal-istatus tal-ħelsien mill-marda vexxikulari tal-ħnieżer fir-reġjun tal-Calabria, li turi li din il-marda ġiet eradikata minn dak ir-reġjun.

(4)

Wara eżami tal-informazzjoni ppreżentata mill-Italja, u minħabba r-riżultati favorevoli li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-programm ta' eradikazzjoni u monitoraġġ, jenħtieġ li r-reġjun tal-Calabria jiġi rikonoxxut bħala ħieles mill-marda vexxikulari tal-ħnieżer.

(5)

Peress li l-marda vexxikulari tal-ħnieżer issa ġiet eradikata fir-reġjuni kollha tal-Italja, id-Deċiżjoni 2005/779/KE m'għadhiex tgħodd u jenħtieġ li titħassar.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2005/779/KE hija mħassra.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Marzu2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/779/KE tat-8 ta' Novembru 2005 dwar miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa tal-annimali kontra l-marda vexxikulari tal-ħnieżer fl-Italja (ĠU L 293, 9.11.2005, p. 28).