22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/40


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/468

tal-21 ta' Marzu 2019

li temenda d-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-21 ta' Marzu 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/172/PESK (1) dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu.

(2)

Fuq il-bażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni 2011/172/PESK, jenħtieġ li dawk il-miżuri restrittivi jiġġeddu sat-22 ta' Marzu 2020 u jenħtieġ li l-Anness jiġi supplimentat b'informazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/172/PESK tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/172/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 5, it-tieni paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-22 ta' Marzu 2020.”;

(2)

l-Anness huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Marzu 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU L 76, 22.3.2011, p.63)


ANNESS

L-Anness għad-Deċiżjoni 2011/172/PESK jinbidel b'dan li ġej:

“ANNESS

A.   Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 1

 

Isem

(u kwalunkwe psewdonimu)

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għall-indikazzjoni

1.

Mohamed Hosni Elsayed Mubarak

Ex-President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu

Data tat-twelid: 4.5.1928

Raġel

Persuna soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji jew proċess ta' rkupru tal-assi mill-awtoritajiet Eġizzjani wara sentenza finali tal-qorti fir-rigward tal-miżapproprjazzjoni ta' Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni.

2.

Suzanne Saleh Thabet

Mart is-Sur Mohamed Hosni Elsayed Mubarak, ex-President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu

Data tat-twelid: 28.2.1941

Mara

Assoċjata ma' Mohamed Hosni Elsayed Mubarak, li huwa soġġett għal proċedimenti ġudizzjarji jew għal proċess ta' rkupru ta' assi mill-awtoritajiet Eġizzjani wara sentenza finali tal-qorti fir-rigward tal-miżapproprijazzjoni ta' Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni.

3.

Alaa Mohamed Hosni Elsayed Mubarak

Bin is-Sur Mohamed Hosni Elsayed Mubarak, ex-President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu

Data tat-twelid: 26.11.1960

Raġel

Persuna soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji jew proċess ta' rkupru tal-assi mill-awtoritajiet Eġizzjani wara sentenza finali tal-qorti fir-rigward tal-miżapproprjazzjoni ta' Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni.

4.

Heidy Mahmoud Magdy Hussein Rasekh

Mart is-Sur Alaa Mohamed Hosni Elsayed Mubarak, bin l-ex President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu

Data tat-twelid: 5.10.1971

Mara

Persuna soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji jew għal proċess ta' rkupru ta' assi mill-awtoritajiet Eġizzjani wara sentenza finali tal-qorti fir-rigward tal-miżapproprijazzjoni ta' Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni, u assoċjata ma' Alaa Mohamed Hosni Elsayed Mubarak.

5.

Gamal Mohamed Hosni Elsayed Mubarak

Bin is-Sur Mohamed Hosni Elsayed Mubarak, ex-President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu

Data tat-twelid: 28.12.1963

Raġel

Persuna soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji jew proċess ta' rkupru tal-assi mill-awtoritajiet Eġizzjani wara sentenza finali tal-qorti fir-rigward tal-miżapproprjazzjoni ta' Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni.

6.

Khadiga Mahmoud El Gammal

Mart is-Sur Gamal Mahamed Hosni Elsayed Mubarak, bin l-ex President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu

Data tat-twelid: 13.10.1982

Mara

Persuna soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji jew għal proċess ta' rkupru ta' assi mill-awtoritajiet Eġizzjani wara sentenza finali tal-qorti fir-rigward tal-miżapproprijazzjoni ta' Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni, u assoċjata ma' Gamal Mohamed Hosni Elsayed Mubarak.

15.

Mohamed Zohir Mohamed Wahed Garrana

Ex-Ministru tat-Turiżmu

Data tat-twelid: 20.02.1959

Raġel

Persuna soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji mill-awtoritajiet Eġizzjani fir-rigward tal-miżapproprjazzjoni ta' Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni.

18.

Habib Ibrahim Habib Eladli

Ex-Ministru tal-Intern

Data tat-twelid: 01.03.1938

Raġel

Persuna soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji mill-awtoritajiet Eġizzjani fir-rigward tal-miżapproprjazzjoni ta' Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni.

19.

Elham Sayed Salem Sharshar

Mart is-Sur Habib Ibrahim Eladli

Data tat-twelid: 23.1.1963

Mara

Persuna soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-miżapproprijazzjoni ta' Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni, u assoċjata ma' Habib Ibrahim Eladli.

B.   Drittijiet tad-difiża u dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt il-liġi Eġizzjana:

Id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Jirriżulta mill-Artikoli 54, 97 u 98 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu, l-Artikoli 77, 78, 124, 199, 214, 271, 272 u 277 tal-Att dwar il-Proċeduri Kriminali tal-Eġittu u l-Artikoli 93 u 94 tal-Att dwar l-Avukatura tal-Eġittu (il-Liġi Nru 17 tal-1983) li d-drittijiet li ġejjin huma garantiti taħt il-liġi Eġizzjana:

lil kull individwu ssuspettat jew akkużat b'reat kriminali:

1.

id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju ta' kull att jew deċiżjoni amministrattiva;

2.

id-dritt li jiddefendu ruħhom personalment jew permezz ta' assistenza legali magħżula minnhom stess jew, jekk ma jkollhomx mezzi biżżejjed biex iħallsu għall-assistenza legali, din għandha tingħatalhom b'xejn meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk;

lil kull individwu akkużat b'reat kriminali:

1.

id-dritt li jiġu infurmati minnufih, b'lingwa li jifhmu u fid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tagħhom;

2.

id-dritt għal biżżejjed żmien u l-faċilitajiet xierqa għat-tħejjija tad-difiża tagħhom;

3.

id-dritt li jeżaminaw jew li jaraw li jiġu eżaminati xhieda kontra tagħhom u li jiksbu l-attendenza u l-eżami ta' xhieda favur tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tagħhom;

4.

id-dritt li jkollhom assistenza b'xejn ta' interpretu jekk ma jkunux jifhmu jew jitkellmu l-lingwa użata fil-qorti.

Applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

1.   Mohamed Hosni Elsayed Mubarak

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Mubarak ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li fuq il-bażi tagħhom iddeċieda l-Kunsill. Dan jidher b'mod partikolari kif ġej:

L-ewwel kawża

Fis-27 ta' Ġunju 2013, is-Sur Mubarak ġie akkużat flimkien ma' żewġ individwi oħrajn b'miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi u fis-17 ta' Novembru 2013 inbdew proċedimenti quddiem il-Qorti Kriminali tal-Kajr. Fil-21 ta' Mejju 2014, dik il-Qorti kkundannat lit-tliet intimati. L-intimati kkuntestaw din is-sentenza quddiem il-Qorti ta' Kassazzjoni. Fit-13 ta' Jannar 2015, il-Qorti ta' Kassazzjoni annullat il-verdett u ordnat proċess mill-ġdid. Fil-proċess mill-ġdid, fl-4 u d-29 ta' April 2015, ġew ippreżentati eċċezzjonijiet bil-fomm u bil-miktub tal-partijiet. Fid-9 ta' Mejju 2015, il-Qorti Kriminali tal-Kajr ikkundannat lill-intimati, ordnat l-għoti lura tal-fondi miżapproprjati u ordnat il-ħlas ta' multa. Fl-24 ta' Mejju 2015, tressaq appell quddiem il-Qorti ta' Kassazzjoni. Fid-9 ta' Jannar 2016, il-Qorti ta' Kassazzjoni kkonfermat il-kundanni. Fit-8 ta' Marzu 2016, l-intimati laħqu ftehim fil-Kumitat ta' Esperti mwaqqaf bid-Digriet Nru 2873 tal-2015 tal-Prim Ministru. Dak il-ftehim ġie approvat mill-Kabinett tal-Ministri fid-9 ta' Marzu 2016. Dak il-ftehim ma tressaqx quddiem il-Qorti ta' Kassazzjoni għall-approvazzjoni finali mill-Prosekutur Ġenerali għaliex il-Kumitat ta' Esperti ma kienx il-kumitat kompetenti. Huwa miftuħ għall-intimati li jressqu talba għal ftehim lill-kumitat kompetenti, il-Kumitat Nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi Barra mill-Pajjiż (NCRAA).

It-tieni kawża

L-investigazzjoni relatata mal-fatti tal-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi għadha għaddejja. Il-Kunsill ma sab ebda indikazzjoni li d-drittijiet tad-difiża jew id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Mubarak ma ġewx rispettati.

3.   Alaa Mohamed Hosni Elsayed Mubarak

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Alaa Mubarak ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li fuq il-bażi tagħhom iddeċieda l-Kunsill. Dan jidher b'mod partikolari kif ġej:

Ordni ta' ffriżar

Fit-28 ta' Frar 2011, il-Prosekutur Ġenerali ħareġ ordni li tipprojbixxi lis-Sur Alaa Mubarak u lil individwi oħrajn milli jiddisponu mill-assi u l-fondi tagħhom skont l-Artikolu 208 bis/a tal-Att dwar il-Proċeduri Kriminali tal-Eġittu, li jippermetti li l-Prosekutur Ġenerali jipprojbixxi lill-intimat, lil martu u lit-tfal tiegħu milli jiddisponu mill-assi tagħhom jekk ikun hemm kwalunkwe dubju li tali assi jkunu r-rikavat illegali tad-delitti mwettqa minn dak l-intimat. Fit-8 ta' Marzu 2011, il-Qorti Kriminali kompetenti kkonfermat l-ordni ta' projbizzjoni. Skont il-liġijiet tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, l-intimati għandhom id-dritt jikkuntestaw id-deċiżjoni tal-qorti dwar l-ordni ta' projbizzjoni quddiem l-istess qorti. Is-Sur Alaa Mubarak ma kkuntestax id-deċiżjoni tat-8 ta' Marzu 2011.

L-ewwel kawża

L-intimat ġie riferut flimkien ma' individwu ieħor lill-qorti tal-proċess (il-Qorti Kriminali tal-Kajr) fit-30 ta' Mejju 2012. Fis-6 ta' Ġunju 2013, il-Qorti bagħtet il-kawża lura lill-prosekuzzjoni pubblika għal aktar investigazzjonijiet. Wara l-konklużjoni tal-investigazzjonijiet, il-kawża reġgħet ġiet riferuta lill-qorti. Fil-15 ta' Settembru 2018, il-Qorti Kriminali tal-Kajr tat sentenza li permezz tagħha: (i) talbet lill-kumitat ta' esperti li kienet ħatret jikkumplementa r-rapport espert li kien ippreżenta lill-qorti f'Lulju 2018, (ii) ordnat l-arrest tal-intimati; u (iii) talbet li l-intimati jiġu riferuti lill-Kumitat Nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi Barra mill-Pajjiż (NCRAA) bil-ħsieb ta' rikonċiljazzjoni possibbli. L-intimati kkuntestaw b'suċċess l-ordni ta' arrest u, wara mozzjoni ta' skwalifika tal-bord ġudizzjarju, il-kawża ġiet riferuta lil ċirkwit ieħor tal-Qorti Kriminali biex jiġu riveduti l-merti.

It-tieni kawża

Fis-27 ta' Ġunju 2013, is-Sur Alaa Mubarak ġie akkużat flimkien ma' żewġ individwi oħrajn b'miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi u fis-17 ta' Novembru 2013 inbdew proċedimenti quddiem il-Qorti Kriminali tal-Kajr. Fil-21 ta' Mejju 2014, dik il-Qorti kkundannat lit-tliet intimati. L-intimati kkuntestaw din is-sentenza quddiem il-Qorti ta' Kassazzjoni. Fit-13 ta' Jannar 2015, il-Qorti ta' Kassazzjoni annullat il-verdett u ordnat proċess mill-ġdid. Fil-proċess mill-ġdid, fl-4 u d-29 ta' April 2015, ġew ippreżentati eċċezzjonijiet bil-fomm u bil-miktub tal-partijiet.

Fid-9 ta' Mejju 2015, il-Qorti Kriminali tal-Kajr ikkundannat lill-intimati, ordnat l-għoti lura tal-fondi miżapproprjati u ordnat il-ħlas ta' multa. Fl-24 ta' Mejju 2015, tressaq appell quddiem il-Qorti ta' Kassazzjoni. Fid-9 ta' Jannar 2016, il-Qorti ta' Kassazzjoni kkonfermat il-kundanni. Fit-8 ta' Marzu 2016, l-intimati laħqu ftehim fil-Kumitat ta' Esperti mwaqqaf bid-Digriet Nru 2873 tal-2015 tal-Prim Ministru. Dan il-ftehim ġie approvat mill-Kabinett tal-Ministri fid-9 ta' Marzu 2016. Dan il-ftehim ma tressaqx quddiem il-Qorti ta' Kassazzjoni għall-approvazzjoni finali mill-Prosekutur Ġenerali għaliex il-Kumitat ta' Esperti ma kienx il-kumitat kompetenti. Huwa miftuħ għall-intimati li jressqu talba għal ftehim lill-kumitat kompetenti, il-Kumitat Nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi Barra mill-Pajjiż (NCRAA).

It-tielet kawża

L-investigazzjoni marbuta mal-fatti tal-miżapproprjazzjoni tal-fondi jew assi pubbliċi għadha għaddejja. Il-Kunsill ma sab ebda indikazzjoni li d-drittijiet tad-difiża jew id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Alaa Mubarak ma ġewx rispettati.

4.   Heidy Mahmoud Magdy Hussein Rasekh

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sinjura Rasekh ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li fuq il-bażi tagħhom iddeċieda l-Kunsill. Dan jidher b'mod partikolari kif ġej:

Ordni ta' ffriżar

Fit-28 ta' Frar 2011, il-Prosekutur Ġenerali ħareġ ordni li tipprojbixxi lis-Sinjura Rasekh u lil individwi oħrajn milli jiddisponu mill-assi u l-fondi tagħhom skont l-Artikolu 208 bis/a tal-Att dwar il-Proċeduri Kriminali tal-Eġittu, li jippermetti li l-Prosekutur Ġenerali jipprojbixxi lill-intimat, lil martu u lit-tfal tiegħu milli jiddisponu mill-assi tagħhom jekk ikun hemm kwalunkwe dubju li tali assi jkunu r-rikavat illegali tad-delitti mwettqa minn dak l-intimat. Fit-8 ta' Marzu 2011, il-Qorti Kriminali kompetenti kkonfermat l-ordni ta' projbizzjoni. Skont il-liġijiet tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, l-intimati għandhom id-dritt jikkuntestaw id-deċiżjoni tal-qorti dwar l-ordni ta' projbizzjoni quddiem l-istess qorti. Is-Sinjura Rasekh ma kkuntestatx id-deċiżjoni tat-8 ta' Marzu 2011.

Kawża

L-investigazzjoni marbuta mal-fatti tal-miżapproprjazzjoni tal-fondi jew assi pubbliċi għadha għaddejja. Il-Kunsill ma sab ebda indikazzjoni li d-drittijiet tad-difiża jew id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sinjura Rasekh ma ġewx rispettati.

5.   Gamal Mohamed Hosni Elsayed Mubarak

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Gamal Mubarak ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li fuq il-bażi tagħhom iddeċieda l-Kunsill. Dan jidher b'mod partikolari kif ġej:

Ordni ta' ffriżar

Fit-28 ta' Frar 2011, il-Prosekutur Ġenerali ħareġ ordni li tipprojbixxi lis-Sur Gamal Mubarak u lil individwi oħrajn milli jiddisponu mill-assi u l-fondi tagħhom skont l-Artikolu 208 bis/a tal-Att dwar il-Proċeduri Kriminali tal-Eġittu, li jippermetti li l-Prosekutur Ġenerali jipprojbixxi lill-intimat, lil martu u lit-tfal tiegħu milli jiddisponu mill-assi tagħhom jekk ikun hemm kwalunkwe dubju li tali assi jkunu r-rikavat illegali tad-delitti mwettqa minn dak l-intimat. Fit-8 ta' Marzu 2011, il-Qorti Kriminali kompetenti kkonfermat l-ordni ta' projbizzjoni. Skont il-liġijiet tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, l-intimati għandhom id-dritt jikkuntestaw id-deċiżjoni tal-qorti dwar l-ordni ta' projbizzjoni quddiem l-istess qorti. Is-Sur Gamal Mubarak ma kkuntestax id-deċiżjoni tat-8 ta' Marzu 2011.

L-ewwel kawża

Is-Sur Gamal Mubarak u individwu ieħor ġew riferuti lill-qorti tal-proċess (il-Qorti Kriminali tal-Kajr) fit-30 ta' Mejju 2012. Fis-6 ta' Ġunju 2013, il-Qorti bagħtet il-kawża lura lill-prosekuzzjoni pubblika għal aktar investigazzjonijiet. Wara l-konklużjoni tal-investigazzjonijiet, il-kawża reġgħet ġiet riferuta lill-qorti. Fil-15 ta' Settembru 2018, il-Qorti Kriminali tal-Kajr tat sentenza li permezz tagħha: (i) talbet lill-kumitat ta' esperti li kienet ħatret jikkumplementa r-rapport espert li kien ippreżenta lill-Qorti f'Lulju 2018, (ii) ordnat l-arrest tal-intimati; u (iii) talbet li l-intimati jiġu riferuti lill-Kumitat Nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi Barra mill-Pajjiż (NCRAA) bil-ħsieb ta' rikonċiljazzjoni possibbli. L-intimati kkuntestaw b'suċċess l-ordni ta' arrest u, wara mozzjoni ta' skwalifika tal-bord ġudizzjarju, il-kawża ġiet riferuta lil ċirkwit ieħor tal-Qorti Kriminali biex jiġu riveduti l-merti.

It-tieni kawża

Fis-27 ta' Ġunju 2013, is-Sur Gamal Mubarak ġie akkużat flimkien ma' żewġ individwi oħrajn b'miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi u fis-17 ta' Novembru 2013 inbdew proċedimenti quddiem il-Qorti Kriminali tal-Kajr. Fil-21 ta' Mejju 2014, dik il-Qorti kkundannat lit-tliet intimati. L-intimati kkuntestaw din is-sentenza quddiem il-Qorti ta' Kassazzjoni. Fit-13 ta' Jannar 2015, il-Qorti ta' Kassazzjoni annullat il-verdett u ordnat proċess mill-ġdid. Fil-proċess mill-ġdid, fl-4 u d-29 ta' April 2015, ġew ippreżentati eċċezzjonijiet bil-fomm u bil-miktub tal-partijiet. Fid-9 ta' Mejju 2015, il-Qorti Kriminali tal-Kajr ikkundannat lill-intimati, ordnat l-għoti lura tal-fondi miżapproprjati u ordnat il-ħlas ta' multa. Fl-24 ta' Mejju 2015, tressaq appell quddiem il-Qorti ta' Kassazzjoni. Fid-9 ta' Jannar 2016, il-Qorti ta' Kassazzjoni kkonfermat il-kundanni. Fit-8 ta' Marzu 2016, l-intimati laħqu ftehim fil-Kumitat ta' Esperti mwaqqaf bid-Digriet Nru 2873 tal-2015 tal-Prim Ministru. Dan il-ftehim ġie approvat mill-Kabinett tal-Ministri fid-9 ta' Marzu 2016. Dan il-ftehim ma tressaqx quddiem il-Qorti ta' Kassazzjoni għall-approvazzjoni finali mill-Prosekutur Ġenerali għaliex il-Kumitat ta' Esperti ma kienx il-kumitat kompetenti. Huwa miftuħ għall-intimati li jressqu talba għal ftehim lill-kumitat kompetenti, il-Kumitat Nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi Barra mill-Pajjiż (NCRAA).

It-tielet kawża

L-investigazzjoni marbuta mal-fatti tal-miżapproprjazzjoni tal-fondi jew assi pubbliċi għadha għaddejja. Matul il-proċedimenti ta' investigazzjoni s-Sur Gamal Mubarak ġie interrogat. Il-Kunsill ma sab ebda indikazzjoni li d-drittijiet tad-difiża jew id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Gamal Mubarak ma ġewx rispettati.

6.   Khadiga Mahmoud El Gammal

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sinjura El Gammal ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li fuq il-bażi tagħhom iddeċieda l-Kunsill. Dan jidher b'mod partikolari kif ġej:

Ordni ta' ffriżar

Fit-28 ta' Frar 2011, il-Prosekutur Ġenerali ħareġ ordni li tipprojbixxi lis-Sinjura Khadiga El Gammal u lil individwi oħrajn milli jiddisponu mill-assi u l-fondi tagħhom skont l-Artikolu 208 bis/a tal-Att dwar il-Proċeduri Kriminali tal-Eġittu, li jippermetti li l-Prosekutur Ġenerali jipprojbixxi lill-intimat, lil martu u lit-tfal tiegħu milli jiddisponu mill-assi tagħhom jekk ikun hemm kwalunkwe dubju li tali assi jkunu r-rikavat illegali tad-delitti mwettqa minn dak l-intimat. Fit-8 ta' Marzu 2011, il-Qorti Kriminali kompetenti kkonfermat l-ordni ta' projbizzjoni. Skont il-liġijiet tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, l-intimati għandhom id-dritt jikkuntestaw id-deċiżjoni tal-qorti dwar l-ordni ta' projbizzjoni quddiem l-istess qorti. Is-Sinjura El Gammal ma kkuntestatx id-deċiżjoni tat-8 ta' Marzu 2011.

Kawża

L-investigazzjoni marbuta mal-fatti tal-miżapproprjazzjoni tal-fondi jew assi pubbliċi għadha għaddejja. Il-Kunsill ma sab ebda indikazzjoni li d-drittijiet tad-difiża jew id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sinjura El Gammal ma ġewx rispettati.

15.   Mohamed Zohir Mohamed Wahed Garrana

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Garrana ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li fuq il-bażi tagħhom iddeċieda l-Kunsill. Dan jidher b'mod partikolari kif ġej:

Kawża

L-investigazzjoni marbuta mal-fatti tal-miżapproprjazzjoni tal-fondi jew assi pubbliċi għadha għaddejja. Il-Kunsill ma sab ebda indikazzjoni li d-drittijiet tad-difiża jew id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Garrana ma ġewx rispettati.

18.   Habib Ibrahim Habib Eladli

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Eladli ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li fuq il-bażi tagħhom iddeċieda l-Kunsill. Dan jidher b'mod partikolari kif ġej:

Kawża

Is-Sur Eladli ġie riferut mill-imħallef li mexxa l-investigazzjoni lill-qorti tal-proċess kompetenti fuq akkużi ta' miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi. Fis-7 ta' Frar 2016, il-Qorti ddeċidiet li l-assi tas-Sur Eladli, tal-konjuġi tiegħu u tal-iben minorenni tiegħu għandhom jiġu ffriżati. Skont dik id-deċiżjoni tal-Qorti, il-Prosekutur Ġenerali ħareġ ordni ta' ffriżar fl-10 ta' Frar 2016 f'konformità mal-Artikolu 208 bis/a tal-Att dwar il-Proċeduri Kriminali tal-Eġittu, li jippermetti li l-Prosekutur Ġenerali jipprojbixxi lill-intimat, lil martu u lit-tfal tiegħu milli jiddisponu mill-assi tagħhom jekk ikun hemm kwalunkwe dubju li tali assi jkunu r-rikavat illegali tad-delitti mwettqa minn dak l-intimat. Skont il-liġijiet tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, l-intimati għandhom id-dritt jikkuntestaw id-deċiżjoni tal-qorti dwar l-ordni ta' projbizzjoni quddiem l-istess qorti. Fil-15 ta' April 2017, il-Qorti kkundannat lill-intimat. L-intimat ikkontesta din is-sentenza quddiem il-Qorti ta' Kassazzjoni, li annullat il-verdett fil-11 ta' Jannar 2018 u ordnat proċess mill-ġdid. Il-proċess mill-ġdid għadu għaddej.

19.   Elham Sayed Salem Sharshar

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sinjura Sharshar ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li fuq il-bażi tagħhom iddeċieda l-Kunsill. Dan jidher b'mod partikolari kif ġej:

Ordni ta' ffriżar

Ir-raġel tas-Sinjura Sharshar ġie riferut mill-imħallef li mexxa l-investigazzjoni lill-qorti tal-proċess kompetenti fuq akkużi ta' miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi. Fis-7 ta' Frar 2016, il-Qorti ddeċidiet li l-assi ta' żewġha, tagħha u dawk tal-iben minorenni tagħhom għandhom jiġu ffriżati. Skont dik id-deċiżjoni tal-Qorti, il-Prosekutur Ġenerali ħareġ ordni ta' ffriżar fl-10 ta' Frar 2016 f'konformità mal-Artikolu 208 bis/a tal-Att dwar il-Proċeduri Kriminali tal-Eġittu, li jippermetti li l-Prosekutur Ġenerali jipprojbixxi lill-intimat, lil martu u lit-tfal tiegħu milli jiddisponu mill-assi tagħhom jekk ikun hemm kwalunkwe dubju li tali assi jkunu r-rikavat illegali tad-delitti mwettqa minn dak l-intimat. Skont il-liġijiet tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, l-intimati għandhom id-dritt jikkuntestaw id-deċiżjoni tal-qorti dwar l-ordni ta' projbizzjoni quddiem l-istess qorti. Is-Sinjura Sharshar ma kkuntestatx id-deċiżjoni tal-Qorti.

”.