|
20.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 77/74 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/448
tat-18 ta' Marzu 2019
dwar is-sottomissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' proposta biex il-methoxychlor jiġi elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fl-14 ta' Ottubru 2004 il-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE (1). |
|
(2) |
Bħala Parti għall-Konvenzjoni, l-Unjoni tista' tippreżenta l-proposti biex jiġu emendati l-Annessi tal-Konvenzjoni. L-Anness A għall-Konvenzjoni jelenka l-kimiċi li jridu jiġu eliminati, l-Anness B jelenka l-kimiċi li jridu jiġu ristretti u l-Anness C l-kimiċi li r-rilaxxi tagħhom minn produzzjoni mhux intenzjonata jridu jitnaqqsu jew jiġu eliminati. |
|
(3) |
Skont it-tagħrif xjentifiku u r-rapporti ta' analiżi disponibbli, u fid-dawl tal-kriterji tal-iskrinjar stipulati fl-Anness D għall-Konvenzjoni, il-methoxychlor juri xi karatteristiċi ta' pollutant organiku persistenti. |
|
(4) |
Il-methoxychlor mhuwiex approvat bħala sustanza attiva skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u għalhekk mhuwiex permess li jitqiegħed fis-suq jew li jintuża fl-Unjoni fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Il-methoxychlor mhuwiex approvat ukoll bħala sustanza attiva skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għalhekk mhuwiex permess li jitqiegħed fis-suq jew li jintuża fl-Unjoni f'prodotti bijoċidali. Barra minn hekk, il-methoxychlor mhuwiex irreġistrat b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u, konsegwentement, mhuwiex permess li jiġi mmanifatturat jew imqiegħed fis-suq fl-Unjoni fi kwantitajiet ta' tunnellata waħda jew aktar fis-sena għal kull manifattur jew importatur. |
|
(5) |
Minkejja li l-methoxychlor ġie eliminat gradwalment fl-Unjoni ħafna snin ilu, xorta waħda jista' jintuża bħala pestiċida u jitferrex fl-ambjent barra l-Unjoni, u din tista' tkun ir-raġuni għaliex qed jiġi identifikat fl-ambjent. Minħabba l-potenzjal għat-trasport fl-ambjent fuq distanzi twal tal-methoxychlor, il-miżuri li ttieħdu fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni mhumiex biżżejjed biex jitħares livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent u ta' saħħet il-bniedem, u hija meħtieġa azzjoni internazzjonali fuq firxa aktar wiesgħa. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tissottometti proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni biex il-methoxychlor jiġi elenkat fl-Anness A għall-Konvenzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Unjoni għandha tissottometti proposta biex il-methoxychlor (CAS Nru: 72-43-5, KE Nru 200-779-9) jiġi elenkat fl-Anness A għall-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (“il-Konvenzjoni”).
Il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, għandha tikkomunika l-proposta msemmija fl-ewwel subparagrafu lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Anness D għall-Konvenzjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Marzu 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
P. DAEA
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE tal-14 ta' Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).