15.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 73/110


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/415

tal-14 ta' Marzu 2019

li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (1).

(2)

Fit-12 ta' Settembru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1237 (2), u b'hekk ġedded il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK għal sitt xhur oħra.

(3)

Fid-dawl tal-imminar jew it-theddid kontinwu tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK jenħtieġ li tiġi mġedda għal sitt xhur oħra.

(4)

Il-Kunsill irreveda d-deżinjazzjonijiet individwali li jinsabu fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK u ddeċieda li jemenda l-informazzjoni dwar ċerti individwi u entitajiet.

(5)

L-entrata għal persuna waħda mejta jenħtieġ li titħassar mil-lista ta' persuni u entitajiet deżinjati.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/145/PESK tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-15 ta' Settembru 2019.”.

Artikolu 2

L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1237 tat-12 ta' Settembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 231, 14.9.2018, p. 27).


ANNESS

L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata li tikkonċerna lill-persuna li ġejja hija mħassra:

96.

Alexander Vladimirovich ZAKHARCHENKO

(2)

l-entrati li jikkonċernaw lill-persuni u l-entitajiet elenkati hawn taħt huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni għall-Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“19.

Aleksandr Viktorovich VITKO

(Александр Викторович ВИТКО)

Data tat-twelid: 13.9.1961

Post tat-Twelid: Vitebsk (SSR tal-Belarussja)

Ex Kmandant tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed, Ammirall. Viċi Kap Kmandant tal-Forza Navali Russa.

Responsabbli mill-kmand tal-forzi Russi li okkupaw it-territorju sovran tal-Ukrajna.

17.3.2014

22.

Dmitry Olegovich ROGOZIN

(Дмитрий Олегович РОГОЗИН)

Data tat-twelid: 21.12.1963

Post tat-Twelid: Moska

Ex Viċi Prim Ministru tal-Federazzjoni Russa. Appella pubblikament għall-annessjoni tal-Krimea.

Mill-2018 jokkupa l-kariga ta' Direttur Ġenerali f'korporazzjoni tal-Istat.

21.3.2014

31.

Valery Kirillovich MEDVEDEV

(Валерий Кириллович МЕДВЕДЕВ)

Valeriy Kyrylovych MEDVEDIEV

(Валерiй Кирилович МЕДВЕДЄВ)

Data tat-twelid: 21.8.1946

Post tat-Twelid: Shmakovka, reġjun ta' Primorsky

Ex President tal-Kummissjoni Elettorali ta' Sevastopol (sas-26 ta' Mejju 2017). Responsabbli għall-amministrazzjoni tar-referendum tal-Krimea. Responsabbli taħt is-sistema Russa għall-iffirmar tar-riżultati tar-referendum.

Għadu attiv fl-appoġġ ta' azzjonijiet jew politiki separatisti.

21.3.2014

35.

Oleg Yevgenyvich BELAVENTSEV

(Олег Евгеньевич БЕЛАВЕНЦЕВ)

Data tat-twelid: 15.9.1949

Post tat-Twelid: Moska

Ex Rappreżentant Plenipotenzjarju tal-President tal-Federazzjoni Russa fl-hekk imsejjaħ ‘Distrett Federali tal-Krimea’, responsabbli mill-implimentazzjoni tal-prerogattivi kostituzzjonali tal-Kap tal-Istat Russu fit-territorju tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea li ġiet annessa. Ex membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà Russu.

Ex Rappreżentant Plenipotenzjarju tal-President tal-Federazzjoni Russa fid-Distrett Federali tal-Kawkasu tat-Tramuntana (sa Ġunju 2018).

Għadu attiv fl-appoġġ ta' azzjonijiet jew politiki separatisti.

29.4.2014

36.

Oleg Genrikhovich SAVELYEV

(Олег Генрихович САВЕЛЬЕВ)

Data tat-twelid: 27.10.1965

Post tat-Twelid: Leningrad

Ex Ministru għall-Affarijiet Krimeani. Responsabbli mill-integrazzjoni tar-Repubblika Awtonoma annessa tal-Krimea fil-Federazzjoni Russa.

Ex Viċi Kap tal-Persunal tal-Gvern Russu, responsabbli mill-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Kummissjoni Governattiva dwar l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-hekk imsejħa ‘Repubblika tal-Krimea’.

Kap tal-Persunal tal-Kamra tal-Awditjar tal-Federazzjoni Russa.

29.4.2014

46.

Denys Volodymyrovych PUSHYLIN (Денис Володимирович ПУШИЛIН)

Denis Vladimirovich PUSHILIN (Денис Владимирович ПУШИЛИН)

Data tat-twelid: 9.5.1981 jew 9.5.1982

Post tat-Twelid: Makiivka (Donetsk oblast)

Wieħed mill-mexxejja tar-‘Repubblika tal-Poplu ta' Donetsk’. Ħa sehem fil-ħtif u l-okkupazzjoni tal-amministrazzjoni reġjonali f'Donetsk fl-2014. Sal-4 ta' Settembru 2015 kien l-hekk imsejjaħ Viċi President tal-‘Kunsill tal-Poplu’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika tal-Poplu ta' Donetsk’. Mill-4 ta' Settembru 2015 kien ‘President’ tal-‘Kunsill tal-Poplu tar-Repubblika tal-Poplu ta' Donetsk’. Jaġixxi bħala ‘l-hekk imsejjaħ Kap tar-Repubblika Popolari ta' Donetsk’ wara s-7 ta' Settembru 2018. L-hekk imsejjaħ ‘Kap tar-Repubblika tal-Poplu ta' Donetsk’ wara l-hekk imsejħa elezzjonijiet tat-11 ta' Novembru 2018

29.4.2014

55.

Igor Nikolaevich BEZLER (magħruf ukoll bħala Bes (devil))

(Игорь Николаевич БЕЗЛЕР)

Ihor Mykolayovych BEZLER

(Iгор Миколайович БЕЗЛЕР)

Data tat-twelid: 30.12.1965

Post tat-Twelid: Simferopol, il-Krimea

Wieħed mill-ex mexxejja tal-milizzja awtoproklamata ta' Horlivka. Ħa l-kontroll tal-bini tal-Uffiċċju tal-Ukrajna għas-Servizz tas-Sigurtà fir-reġjun ta' Donetsk u wara ħataf l-istazzjon distrettwali tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni fil-belt ta' Horlivka. Għandu rabtiet ma' Igor Strelkov/Girkin li taħt il-kmand tiegħu kien involut fil-qtil ta' Volodymyr Rybak, id-Deputat Popolari tal-Kunsill Muniċipali ta' Horlivka.

Għadu attiv fl-appoġġ ta' azzjonijiet jew politiki separatisti.

12.5.2014

83.

Ekaterina Yurievna GUBAREVA

(Екатерина Юрьевна ГУБАРЕВА),

Kateryna Yuriyivna GUBARIEVA (HUBARIEVA)

(Катерина Юрiївна ГУБАРЄВА)

Data tat-twelid: 5.7.1983 jew 10.3.1983

Post tat-Twelid: Kakhovka (Kherson oblast)

Fil-kapaċità tagħha tal-hekk imsejjaħ ex‘Ministru għall-Affarijiet Barranin’ hija kienet responsabbli għad-difiża tal-hekk imsejħa ‘Repubblika tal-Poplu ta' Donetsk’, u għaldaqstant dgħajfet l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Billi assumiet u aġixxiet f'din il-kapaċità għalhekk hija appoġġat azzjonijiet u politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Għadu attiv fl-appoġġ ta' azzjonijiet u politiki separatisti.

Membru tal-hekk imsejjaħ ‘Kunsill tal-Poplu’ tar-‘Repubblika tal-Poplu ta' Donetsk’ (sa Novembru 2018).

25.7.2014

89.

Oksana TCHIGRINA,

Oksana Aleksandrovna CHIGRINA (CHYHRYNA)

(Оксана Александровна ЧИГРИНА)

Data tat-twelid: possibbilment 23.7.1981

Ex kelliema tal-hekk imsejjaħ ‘gvern’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Lugansk’ li għamlet dikjarazzjonijiet li jiġġustifikaw fost oħrajn it-twaqqigħ ta' ajruplan militari Ukren, it-teħid ta' ostaġġi, attivitajiet ta' ġlied mill-gruppi armati illegali, li bħala konsegwenza pperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tal-Ukrajna.

Ex kelliema tas-Servizz tal-Istampa tal-LNR.

Għadha attiva fl-appoġġ ta' azzjonijiet jew politiki separatisti.

30.7.2014

91.

Sergey Vadimovich ABISOV

(Сергей Вадимович АБИСОВ)

Sergiy (Serhiy) Vadymovych ABISOV

(Сергiй Вадимович АБIСОВ)

Data tat-twelid: 27.11.1967

Post tat-Twelid: Simferopol, il-Krimea

Billi aċċetta l-ħatra tiegħu bħala l-hekk imsejjaħ ‘Ministru għall-Intern tar-Repubblika tal-Krimea’ mill-President tar-Russja (digriet Nru 301) fil-5 ta' Mejju 2014 u bl-azzjonijiet tiegħu bħala l-hekk imsejjaħ ‘Ministru għall-Intern’ huwa dgħajjef l-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tal-Ukrajna

Imneħħi bħala l-hekk imsejjaħ ‘Ministru għall-Intern tar-Repubblika tal-Krimea’ f'Ġunju 2018.

30.7.2014

97.

Vladimir Petrovich KONONOV (magħruf ukoll bħala ‘Tsar’)

(Владимир Петровнч КОНОНОВ)

Volodymyr Petrovych KONONOV

(Володимир Петрович КОНОНОВ)

Data tat-twelid: 14.10.1974

Post tat-Twelid: Gorsky, Luhansk Oblast

Mill-14 ta' Awwissu 2014, ħa post Igor Strelkov/Girkin, bħala l-hekk imsejjaħ ‘Ministru għad-Difiża’ tar-‘Repubblika Popolari ta' Donetsk’. Hu maħsub li kkmanda diviżjoni ta' ġellieda separatisti f'Donetsk minn April 2014 'l hawn u wiegħed li jsolvi l-kompitu strateġiku li jwaqqaf l-aggressjoni militari tal-Ukrajna. Kononov b'hekk appoġġa azzjonijiet u politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Imneħħi bħala l-hekk imsejjaħ ‘Ministru għad-Difiża’ f'Settembru 2018.

12.9.2014

102.

Andrei Nikolaevich RODKIN

(Андрей Николаевич РОДКИН)

Data tat-twelid: 23.9.1976

Post tat-Twelid: Moska

Ex Rappreżentant f'Moska tal-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Donetsk’. Fid-dikjarazzjonijiet tiegħu, tkellem fost l-oħrajn dwar kif il-milizzji jinsabu lesti jmorru għal gwerra tal-gwerillieri u s-sekwestru tagħhom ta' sistemi ta' armi mill-forzi armati Ukreni. Huwa b'hekk appoġġa azzjonijiet u politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Wieħed mill-ex mexxejja tal-‘Unjoni ta' Voluntiera ta' Donbas’.

Għadu attiv fl-appoġġ ta' azzjonijiet jew politiki separatisti.

12.9.2014

103.

Aleksandr Akimovich KARAMAN

(Александр Акимович КАРАМАН)

Alexandru CARAMAN

Data tat-twelid: 26.7.1956

Post tat-twelid, Cioburciu, distrett ta' Slobozia, issa r-Repubblika tal-Moldova

L-hekk imsejjaħ ex‘Viċi Prim Ministru għall-Kwistjonijiet Soċjali’ tar-‘Repubblika Popolari ta' Donetsk’. Assoċjat ma' Vladimir Antyufeyev, li kien responsabbli għall-attivitajiet ‘governattivi’ separatisti tal-hekk imsejjaħ ‘Gvern tar-Repubblika Popolari ta' Donetsk’. Huwa b'hekk appoġġa azzjonijiet u politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Protett tal-ex Viċi Prim Ministru tar-Russja Dmitry Rogozin. Ex Kap tal-Amministrazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tar-‘Repubblika Popolari ta' Donetsk’.

Sa Marzu 2017, l-hekk imsejjaħ ‘Rappreżentant Plenipotenzjarju tal-President’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika Pridnestrovjana tal-Moldova’ għall-Federazzjoni Russa.

Għadu attiv fl-appoġġ ta' azzjonijiet jew politiki separatisti.

12.9.2014

120.

Sergey Yurievich KOZYAKOV

(Сергей Юрьевич КОЗЬЯКОВ)

Serhiy Yuriyovych KOZYAKOV

(Сергiй Юрiйович КОЗЬЯКОВ)

Data tat-twelid: 29.9.1982 jew 23.9.1982

Fil-kapaċità li kellu qabel bħala l-hekk imsejjaħ ‘Kap tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali ta' Luhansk’ kien responsabbli mill-organizzazzjoni tal-hekk imsejħa ‘elezzjonijiet’ tat-2 ta' Novembru 2014 fir-‘Repubblika Popolari ta' Luhansk’. Dawn l-‘elezzjonijiet’ kienu ksur tal-liġi Ukrena u għaldaqstant illegali. Bejn Ottubru 2015 u Diċembru 2017 hekk imsejjaħ ‘Ministru għall-Ġustizzja’ tar-‘Repubblika Popolari ta' Luhansk’.

Billi assuma u aġixxa f'dawn il-kapaċitajiet, u billi organizza l-‘elezzjonijiet’ illegali, huwa għaldaqstant b'mod attiv appoġġa azzjonijiet u politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u ddestabilizzaw aktar lill-Ukrajna.

Ikompli jappoġġa u jilleġittimizza politiki separatisti f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet separatisti.

29.11.2014

122.

Larisa Leonidovna AIRAPETYAN (magħrufa wkoll bħala Larysa AYRAPETYAN, Larisa AIRAPETYAN jew Larysa AIRAPETYAN)

(Лариса Леонидовна АЙРАПЕТЯН)

(Лариса Леонiдiвна АЙРАПЕТЯН)

Data tat-twelid: 21.2.1970

L-hekk imsejħa ex‘Ministru għas-Saħħa’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika tal-Poplu ta' Lugansk’. Ħarġet bħala kandidat fl-hekk imsejħa ‘elezzjonijiet’, tat-2 ta' Novembru 2014 għall-kariga ta' ‘Kap’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika tal-Poplu ta' Lugansk’.

Dawn l-‘elezzjonijiet’ huma bi ksur tal-liġi Ukrena u għaldaqstant illegali.

Billi assumiet u aġixxiet f'din il-kapaċità, u billi pparteċipat formalment bħala kandidat fl-‘elezzjonijiet’ illegali, għaldaqstant hija appoġġat b'mod attiv azzjonijiet u politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u jiddestabbilizzaw aktar lill-Ukrajna.

Għadu attiv fl-appoġġ ta' azzjonijiet jew politiki separatisti.

29.11.2014

129.

Yevgeniy Eduardovich MIKHAYLOV (magħruf ukoll bħala Yevhen Eduardovych MYCHAYLOV)

(Евгений Эдуардович МИХАЙЛОВ)

(Євген Едуардович МИХАЙЛОВ)

Data tat-twelid: 17.3.1963

Post tat-Twelid: Arkhangelsk

L-hekk imsejjaħ ex‘Ministru għall-Kunsill tal-Ministri’ (kap tal-amministrazzjoni għall-affarijiet governattivi) tar-‘Repubblika tal-Poplu ta' Donetsk’.

Billi assuma u aġixxa f'din il-kapaċità, huwa għaldaqstant appoġġa b'mod attiv azzjonijiet u politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u li ddestabbilizzaw aktar lill-Ukrajna.

Għadu attiv fl-appoġġ ta' azzjonijiet jew politiki separatisti.

29.11.2014

132.

Vladyslav Mykolayovych DEYNEGO (magħruf ukoll bħala Vladislav Nikolayevich DEYNEGO)

(Владислав Миколайович ДЕЙНЕГО)

(Владислав Николаевич ДЕЙНЕГО)

Data tat-twelid: 12.3.1964

Post tat-Twelid: Romny, Sumy oblast

Ромны, Сумская область

Ex‘Viċi Kap’ tal-‘Kunsill tal-Poplu’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika tal-Poplu ta' Lugansk’.

Billi assuma u aġixxa f'din il-kapaċità, huwa għaldaqstant appoġġa b'mod attiv azzjonijiet u politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u li ddestabbilizzaw aktar lill-Ukrajna.

Bħalissa jaġixxi bħala l-hekk imsejjaħ ‘Ministru għall-Affarijiet Barranin’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Lugansk’.

29.11.2014

138.

Alexandr Vasilievich SHUBIN

(Александр Васильевич ШУБИН)

Data tat-twelid: 20.5.1972 jew 30.5.1972

Post tat-Twelid: Luhansk

L-hekk imsejjaħ ex‘Ministru għall-Ġustizzja’, tal-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Luhansk’ illegali. ‘Viċi President’ tal-‘Kummissjoni Elettorali Ċentrali’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Luhansk’.

Billi assuma u aġixxa f'din il-kapaċità, huwa għaldaqstant appoġġa b'mod attiv azzjonijiet u politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u li ddestabbilizzaw aktar lill-Ukrajna.

Imneħħi minn President tal-‘Kummissjoni Elettorali Ċentrali’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Luhansk’ f'Ġunju 2018.

16.2.2015

142.

Aleksandr Yurievich TIMOFEEV

(Александр Юрьевич ТИМОФЕЕВ)

Oleksandr Yuriyovych TYMOFEYEV

(Олександр Юрiйович ТИМОФЕЄВ)

Data tat-twelid: 15.5.1971

Post tat-Twelid: Nevinnomyssk, Stavropol Krai

Невинномысск, Ставропольский край

L-hekk imsejjaħ ex‘Ministru għall-Finanzi u t-Taxxi’ tar-‘Repubblika Popolari ta' Donetsk’.

Billi assuma u aġixxa f'din il-kapaċità, huwa għaldaqstant appoġġa b'mod attiv azzjonijiet u politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u li ddestabbilizzaw aktar lill-Ukrajna.

Imneħħi bħala l-hekk imsejjaħ ‘Ministru għall-Finanzi u t-Taxxi’ f'Settembru 2018.

16.2.2015

149.

Andrei Valeryevich KARTAPOLOV

(Андрей Валерьевич КАРТAПOЛOВ)

Data tat-twelid: 9.11.1963

Post tat-Twelid: GDR (DDR)

Ex Kmandant tad-Distrett Militari tal-Punent. Id-Direttur ta' qabel tad-Dipartiment tal-Operazzjonijiet Prinċipali u l-viċi kap tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa. Involut b'mod attiv fit-tiswir u l-implimentazzjoni tal-kampanja militari tal-forzi Russi fl-Ukrajna.

Skont l-attivitajiet iddikjarati tal-persunal ġenerali, fl-eżerċizzju tal-kontroll operazzjonali fuq il-forzi armati, huwa kien involut b'mod attiv fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Gvern Russu li thedded l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Viċi Ministru għad-Difiża minn Lulju 2018.

16.2.2015”

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni għall-Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“4.

L-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Donetsk’

‘Донецкая народная республика’

‘Donétskaya naródnaya respúblika’

Informazzjoni uffiċjali:

https://dnr-online.ru/

http://smdnr.ru/

https://dnrsovet.su/

https://denis-pushilin.ru/

L-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Donetsk’ ġiet iddikjarata fis-7 ta' April 2014.

Responsabbli għall-organizzazzjoni tar-referendum illegali fil-11 ta' Mejju 2014. Dikjarazzjoni tal-indipendenza fit-12 ta' Mejju 2014.

Fl-24 ta' Mejju 2014, l-hekk imsejħin ‘Repubbliki Popolari’ ta' Donetsk u Lugansk iffirmaw ftehim dwar il-ħolqien tal-hekk imsejjaħ ‘Stat Federali ta' Novorossiya’.

Dan huwa bi ksur tal-liġi kostituzzjonali Ukrena, u, bħala konsegwenza, tad-dritt internazzjonali, u għaldaqstant jipperikola l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Hija involuta wkoll fir-reklutaġġ tal- gruppi separatisti illegali armati, u għaldaqstant tipperikola l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Ukrajna.

25.7.2014

5.

L-hekk imsejjaħ ‘Stat Federali ta' Novorossiya’

‘Федеративное государство Новороссия’

‘Federativnoye Gosudarstvo Novorossiya’

Stqarrijiet uffiċjali għall-istampa:

http://novopressa.ru/

http://novorossia-tv.ru/

http://novorossia.today/

http://novorossiia.ru/

https://www.novorosinform.org/

Fl-24 ta' Mejju 2014, l-hekk imsejħin ‘Repubbliki Popolari’ ta' Donetsk u Lugansk iffirmaw ftehim dwar il-ħolqien tal-hekk imsejjaħ ‘Stat Federali ta' Novorossiya’ li mhux rikonoxxut.

Dan huwa bi ksur tal-liġi kostituzzjonali Ukrena, u, bħala konsegwenza, tad-dritt internazzjonali, u għaldaqstant jipperikola l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

25.7.2014

24.

Repubblika ta' Donetsk (Organizzazzjoni pubblika)

Донецкая республика

Informazzjoni uffiċjali:

http://oddr.info/

‘Organizzazzjoni’ pubblika li ppreżentat kandidati fl-hekk imsejħa ‘elezzjonijiet’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Donetsk’ fit-2 ta' Novembru 2014 u l-11 ta' Novembru 2018. Dawn l-‘elezzjonijiet’ huma bi ksur tal-liġi Ukrena u għaldaqstant illegali.

Bil-parteċipazzjoni formali fl-‘elezzjonijet’ illegali hija għalhekk appoġġat b'mod attiv azzjonijiet u politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u d-distabbilizzazzjoni ulterjuri tal-Ukrajna. Imwaqqfa minn Andriy PURGIN u kienet immexxija minn Alexander ZAKHARCHENKO. Innominat fl-2018, Denis PUSHYLIN, ser ikun ‘Kap’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Luhansk’.

29.11.2014

25.

Paċi għar-Reġjun ta' Luhansk (Mir Luganschine)

Мир Луганщине

https://mir-lug.info/

‘Organizzazzjoni’ pubblika li ppreżentat kandidati fl-hekk imsejħa ‘elezzjonijiet’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Luhansk’ fit-2 ta' Novembru 2014 u l-11 ta' Novembru 2018. Dawn l-‘elezzjonijiet’ huma bi ksur tal-liġi Ukrena u għaldaqstant illegali.

Bil-parteċipazzjoni formali fl-‘elezzjonijet’ illegali hija għalhekk appoġġat b'mod attiv azzjonijiet u politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u d-distabbilizzazzjoni ulterjuri tal-Ukrajna.

29.11.2014

26.

Free Donbass (magħrufa wkoll bħala ‘Free Donbas’, ‘Svobodny Donbass’)

Свободньιй Донбасс

http://www.odsd.ru/

‘Organizzazzjoni’ pubblika li ppreżentat kandidati fl-hekk imsejħa ‘elezzjonijiet’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika tal-Poplu ta' Donetsk’ fit-2 ta' Novembru 2014 u l-11 ta' Novembru 2018. Dawn l-elezzjonijiet huma fi ksur tal-liġi tal-Ukrajna u għaldaqstant illegali.

Bil-parteċipazzjoni formali fl-‘elezzjonijet’ illegali hija għalhekk appoġġat b'mod attiv azzjonijiet u politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u d-distabbilizzazzjoni ulterjuri tal-Ukrajna.

29.11.2014

28.

L-Unjoni Ekonomika ta' Luhansk (Luganskiy Ekonomicheskiy Soyuz)

Луганский экономический союз

Informazzjoni uffiċjali:

https://nslnr.su/about/obshchestvennye-organizatsii/337/

https://vk.com/public97306393

‘Organizzazzjoni soċjali’ li ppreżentat kandidati fl-hekk imsejħa ‘elezzjonijiet’ illegali tal-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Luhansk’ fit-2 ta' Novembru 2014 u l-11 ta' Novembru 2018. Innominat kandidat, Oleg AKIMOV, ser ikun ‘Kap’ tal-hekk imsejħa ‘Repubblika Popolari ta' Luhansk’ fl-2014 u membru tal-hekk imsejjaħ ‘Kunsill tal-Poplu tar-Repubblika Popolari ta' Luhansk’ fl-2018. Dawn l-‘elezzjonijiet’ huma bi ksur tal-liġi Ukrena u għaldaqstant illegali.

Bil-parteċipazzjoni formali fl-‘elezzjonijet’ illegali hija għalhekk appoġġat b'mod attiv azzjonijiet u politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u d-distabbilizzazzjoni ulterjuri tal-Ukrajna.

29.11.2014”