|
1.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 62/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/346
tat-28 ta' Frar 2019
li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-25 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/440/PESK (1) li taħtar lis-Sur Stavros LAMBRINIDIS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-28 ta' Frar 2019. |
|
(2) |
Jenħtieġ li RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem ġdid jinħatar għal perijodu ta' 24 xahar. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Is-Sur Eamon GILMORE hu b'hekk maħtur bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem sat-28 ta' Frar 2021. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u ta' proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).
Artikolu 2
Objettivi ta' politika
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem kif stipulat fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija:
|
(a) |
tisħiħ tal-effettività, il-preżenza u l-viżibbiltà tal-Unjoni fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja u l-promozzjoni ta' narrattiva pożittiva dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari b'żieda fil-kooperazzjoni u d-djalogu politiku tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi, is-sħab rilevanti, in-negozju, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, u permezz ta' azzjoni f'fora internazzjonali rilevanti; |
|
(b) |
tisħiħ tal-kontribut tal-Unjoni għat-tisħiħ tad-demokrazija u l-bini ta' istituzzjonijiet, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali madwar id-dinja; |
|
(c) |
titjib fil-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. |
Artikolu 3
Mandat
Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
|
(a) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Unjoni, sett ta' għodod u pjanijiet ta' azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem inkluż bil-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward; |
|
(b) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni, kif definiti mill-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali; |
|
(c) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni, kif definiti mill-Kunsill, dwar il-promozzjoni tal-appoġġ għall-ġustizzja kriminali internazzjonali, b'mod partikolari għad-Deċiżjoni 2011/168/PESK (2) dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali; |
|
(d) |
jgħin fl-istabbiliment ta' vuċi Ewropea aktar qawwija permezz ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-gvernijiet f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u atturi oħrajn rilevanti sabiex ikunu żgurati l-effettività u l-viżibbiltà tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem; imexxi djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem importanti ma' pajjiżi terzi; |
|
(e) |
jikkontribwixxi għal aktar koerenza u konsistenza tal-politika u l-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari billi jsir kontribut għall-formulazzjoni ta' linji ta' politika rilevanti tal-Unjoni; |
|
(f) |
jikkontribwixxi, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri, għal koerenza u konsistenza aħjar tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni msemmija fil-punti (b) u (c). |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
3. Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza fil-ħidma rispettiva tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Marzu 2019 sat-28 ta' Frar 2021 għandu jkun ta' EUR 2 100 270,50.
2. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.
Artikolu 6
Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim
1. Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għat-twaqqif ta' tim. It-tim għandu jinkludi konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.
2. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu s-sekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru li jibgħat, mill-istituzzjoni li tibgħat tal-Unjoni jew s-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.
3. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jibagħtu, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tibagħtu, jew tas-SEAE, rispettivament u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
4. Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi ko-lokat fid-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.
Artikolu 7
Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3).
Artikolu 8
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u r-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri, kif meħtieġ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku lir-RSUE.
Artikolu 9
Sigurtà
F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u abbażi tas-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:
|
(a) |
jiġi stabbilit pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, inkluż miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta' responsabbiltà, kif ukoll l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà u jiġi pprovdut pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni; |
|
(b) |
jiġi żgurat li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju-għoli, kif ikunu jeħtieġu l-kundizzjonijiet fiż-żona ta' responsabbiltà; |
|
(c) |
jiġi żgurat li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra mill-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona ta' responsabbiltà jew mal-wasla tagħhom, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati għal dik iż-żona mis-SEAE; |
|
(d) |
jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà jiġu implimentati, u li l-Kunsill, ir-RGħ u l-Kummissjoni jingħataw rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' progress u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 10
Rappurtar
Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti bil-fomm u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill b'mod partikolari lill-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, skont il-ħtieġa. Għandhom jiġu ċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jiġi involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.
Artikolu 11
Koordinazzjoni
1. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu impenjati b'mod konsistenti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu koordinati ma' dawk tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, kif ukoll ma' Rappreżentanti Speċjali oħra tal-Unjoni Ewropea, kif adatt. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.
2. Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet rilevanti tal-Missjonijiet tal-Istati Membri, il-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll ma' Kapijiet jew Kmandanti tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni u ma' Rappreżentanti Speċjali oħra tal-Unjoni Ewropea kif adatt. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat.
3. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament u jfittex komplementarjetà u sinerġiji ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fil-livell ta' Kwartieri Ġenerali u fuq il-post. Ir-RSUE għandu jfittex kuntatti regolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm fil-livell ta' Kwartieri Ġenerali kif ukoll fuq il-post.
Artikolu 12
Rieżami
L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni għandhom jinżammu taħt rieżami regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti regolari ta' progress u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta' Novembru 2020.
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tapplika mill-1 ta' Marzu 2019.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Frar 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/440/PESK tal-25 ta' Lulju 2012 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ĠU L 200. 27.7.2012, p. 21).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK ( ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/KE tal-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).