26.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/5


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/326

tal-25 ta' Frar 2019

li tistipula miżuri biex tiddaħħal id-data fis-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (1), u b'mod partikulari l-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 stabbilixxa s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (Entry/Exit System, EES) bħala sistema li tirreġistra elettronikament il-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jittħallew jidħlu għal soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri u li tikkalkula t-tul ta' żmien tas-soġġorn awtorizzat tagħhom.

(2)

L-EES għandha l-għan li ttejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, twaqqaf l-immigrazzjoni irregolari u tiffaċilita l-ġestjoni tal-flussi migratorji. Jenħtieġ li l-EES, b'mod partikulari, tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' kwalunkwe persuna li ma tissodisfax jew li ma tkunx għadha tissodisfa l-kondizzjonijiet tat-tul tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-EES tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 jispeċifika l-objettivi tal-EES, il-kategoriji ta' data li għandhom jiddaħħlu fl-EES, ir-raġunijiet li għalihom għandha tintuża d-data, il-kriterji għad-dħul tagħhom, l-awtoritajiet awtorizzati li jaċċessaw id-data, regoli oħra dwar l-ipproċessar tad-data u l-protezzjoni tad-data personali kif ukoll l-arkitettura teknika tal-EES, ir-regoli dwar it-tħaddim u l-użu tagħha u l-interoperabbiltà ma' sistemi ta' informazzjoni oħra. Jiddefinixxi wkoll ir-responsabbiltajiet tal-EES.

(4)

Qabel jiġi żviluppat l-EES huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni teknika tal-EES.

(5)

Abbażi ta' dawn il-miżuri, jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-informazzjoni fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja imbagħad tkun kapaċi tiddefinixxi d-disinn tal-arkitettura fiżika tal-EES inkluż l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni tagħha, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema u tiżviluppa l-EES.

(6)

Jenħtieġ li l-miżuri stabbiliti minn din id-Deċiżjoni għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni teknika tal-EES jiġu kompletati mid-Dokument tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi u ta' Kontroll tal-Interface tal-EES.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(8)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, billi r-Regolament (UE) 2017/2226 jimxi fuq il-passi tal-acquis ta' Schengen, id-Danimarka, skont l-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, fit-30 ta' Mejju 2018 innotifikat id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2017/2226 fid-dritt nazzjonali tagħha. Għaldaqstant, id-Danimarka hija marbuta bid-dritt internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(11)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(12)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (7), li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(13)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(14)

Fir-rigward ta' Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, it-tħaddim tal-EES jitlob l-għoti ta' aċċess passiv għall-VIS u li jitpoġġew fis-seħħ id-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta' Schengen relatati mas-SIS skont id-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill. Dawk il-kondizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfati biss ladarba l-verifika skont il-proċedura ta' evalwazzjoni applikabbli ta' Schengen tkun tlestiet b'suċċess. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-EES titħaddem biss minn dawk l-Istati Membri li jissodisfaw dawk il-kondizzjonijiet sa ma jibdew l-operazzjonijiet tal-EES. Jenħtieġ li l-Istati Membri li ma jkunux qed joperaw l-EES mill-bidu nett tal-operazzjonijiet ikunu kollegati mal-EES skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) 2017/2226 ladarba jiġu ssodisfati dawk il-kondizzjonijiet kollha.

(15)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fl-20 ta' Lulju 2018.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni teknika tal-EES fir-rigward tal-proċeduri għad-dħul tad-data skont l-Artikoli 16 sa 20 tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandhom ikunu kif stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20.

(2)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


ANNESS

Id-data li għandha tiddaħħal fl-EES kif previst fl-Artikoli 16 sa 20 tar-Regolament (UE) 2017/2226 huma miġbura f'żewġ kategoriji: fajl individwali u r-rekords tad-dħul/ħruġ/rifjut. Il-fajl individwali jikkonsisti kemm f'data alfanumerika kif ukoll f'data bijometrika.

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandhom jiddefinixxu n-negozju u r-regoli ta' validazzjoni li għandhom jiġu applikati għad-data li għandha tiddaħħal fl-EES.

1.1.    Data alfanumerika

Il-biċċa l-kbira tal-kontenut maħżun fl-EES għandha tittieħed jew mill-Parti li Tinqara minn Magna tad-dokument tal-ivvjaġġar jew, fejn ikun teknikament possibbli, estratta elettronikament mid-Dokument tal-Ivvjaġġar li Jinqara minn Magna elettroniku (electronic Machine Readable Travel Document - e-MRTD). Għalhekk huwa importanti li l-informazzjoni trażmessa lill-EES tkun konformi mal-istandards użati għal dan, speċjalment fil-każijiet fejn ma tkunx tista' tiġi aċċessata elettronikament u/jew għandha tiġi kodifikata manwalment minn gwardja tal-fruntiera abbażi tad-data disponibbli fiż-Żona ta' Spezzjoni Viżiva. Dan japplika biss għal informazzjoni alfanumerika li tista' tinkiseb mill-paġna tad-data tad-dokument tal-ivvjaġġar.

L-oqsma li ġejjin għandhom ikunu konformi mal-istandard ICAO DOC9303:

Artikolu

Attribut

Standard

16(1)(a)

Kunjom (isem tal-familja) l-ewwel isem/ismijiet (isem/ismijiet mogħtija)

ICAO DOC9303

16(1)(b)

Il-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż emittenti tad-dokument jew dokumenti tal-ivvjaġġar;

Skont: ISO/IEC 3166-1 alpha-3 (1)

16(2)(d)

Il-kodiċi bi tliet ittri tal-Istat Membru emittenti ta' numru tal-istiker tal-viża għal soġġorn qasir

Skont: ISO/IEC 3166-1 alpha-3

19(1)(d)

Il-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż emittenti ta' stiker tal-viża

Skont: ISO/IEC 3166-1 alpha-3

Barra minn hekk, ir-regoli li ġejjin għandhom jiġu rispettati:

(a)

L-Artikolu 16(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/2226 - il-punt tal-qsim tal-fruntiera u l-awtorità li awtorizzat id-dħul: il-punt tal-qsim tal-fruntiera huwa awtorità tat-tip fil-Punt ta' Qsim tal-Fruntiera. Il-lista tal-awtoritajiet li għandhom ikunu miżmuma b'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/2226.

(b)

Artikolu 16(2)(c) - Sinjal li jidentifika li d-dħul ikun sar minn ċittadin ta' pajjiż terz li:

huwa membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew ta' ċittadin ta' pajjiż terz li jgawdi d-dritt ta' moviment liberu ekwivalenti għal dak ta' ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa u pajjiż terz min-naħa l-oħra; kif ukoll

ma jkollux karta ta' residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE jew permess ta' residenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 (2);

(c)

L-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament (UE) 2017/2226 — in-numru tal-istiker tal-viża għal soġġorn qasir: l-informazzjoni għandha tinkiseb mill-VIS. Fil-każ li n-numru tal-istiker tal-viża għal soġġorn qasir ma jkunx inbidel mill-aħħar dħul jew ħruġ, l-informazzjoni li tkun diġà maħżuna fl-EES tkun tista' terġa' tintuża għad-dħul jew ħruġ ġdid.

(d)

L-Artikolu 16(6) tar-Regolament (UE) 2017/2226 - Sinjal li jidentifika jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jibbenefikax minn programm nazzjonali ta' faċilitazzjoni.

1.1.1.   Kwalità tad-Data

Sabiex tittejjeb il-kwalità tad-data fi stadju bikri, il-funzjonalità tas-Sistema Ċentrali tal-EES (Central System - CS) għandha tinkludi l-verifika ta' sett ta' regoli dwar il-kwalità tad-data. Barra minn hekk se jkun hemm regoli dwar il-kwalità tad-data fil-livell fl-infrastruttura tal-fruntiera nazzjonali. Ir-riżultat tal-verifika ta' dawn ir-regoli mad-data li tkun ġiet imdaħħla tista' titqies bħala status ta' kwalità tad-data rreġistrata.

L-ordni ta' prijorità li ġejja għandha tiġi applikata għall-konformità ma' standards ta' kwalità:

(a)

L-imblukkar tar-regoli fil-livell fl-infrastruttura tal-fruntiera nazzjonali ta' kull Stat Membru. Hekk kif tiddaħħal id-data, ir-regoli tal-kwalità jiġġeneraw żball lill-utent, li jimpedixxih milli jibgħat id-data lill-EES. Tali regola ta' mblukkar tista' sserraħ fuq verifiki kumplessi bħal dipendenzi bejn settijiet tad-data tal-EES.

(b)

Imblukkar ta' messaġġi b'ifformattjar żbaljat fil-livell ta' Interfaċċa Nazzjonali Uniformi (National Uniform Interface - NUI). Teknikament dan jinkiseb permezz ta' definizzjonijiet XSD. Il-ksur ta' tali verifika jirriżulta f'li s-sistema tagħti kodiċi ta' żball li ma tippermettix li d-data tinħażen fl-EES. Il-kapaċitajiet tekniċi ta' tali kontrolli huma limitati fil-kumplessità rigward il-kontroll tat-tipi u l-iskemi tad-data (bħal kontrolli tat-tip ta' valur jew it-tul tiegħu).

(c)

Regoli mhux stretti. Malli tiddaħħal id-data, regoli mhux stretti jiġġeneraw twissija lill-utent jekk ma jkunx hemm konformità magħhom. Dawn ma jżommux lill-utenti milli jissejvja d-data u jattivaw proċessi sussegwenti, iżda f'każijiet bħal dawn jiġġeneraw ukoll twissija. Ir-regoli mhux stretti għandhom jiġu vvalutati mis-Sistema Ċentrali fil-mument meta tinħażen id-data.

L-informazzjoni miġbura dwar il-kwalità għandha tiġi mgħoddija lill-utent responsabbli kif ukoll kull utent ieħor li jaċċessa din id-data. Din l-informazzjoni għandha tintwera lill-utent finali sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa. Id-dettalji tekniċi relatati se jiġu ddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

1.2.    Data bijometrika

Id-data bijometrika tkopri d-data relatata mal-marki tas-swaba' u immaġni tal-wiċċ. Din it-taqsima tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu applikati meta tiddaħħal din id-data. L-ispeċifikazzjonijiet tar-rekwiżiti tal-istandard, il-kwalità u r-riżoluzzjoni għad-data bijometrika huma stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet dwar il-kwalità, ir-riżoluzzjoni u l-użu tal-marki tas-swaba' u tal-immaġni tal-wiċċ għall-verifika u l-identifikazzjoni bijometrika fis-Sistema ta' Dħul u Ħruġ (EES) (3).

1.2.1.   Immaġnijiet tal-Wiċċ

L-immaġni tal-wiċċ hija obbligatorja skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u għandha tittieħed dirett f'ċirkustanzi fejn tintuża l-immaġni tal-wiċċ e-MRTD (l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226), għandu jintuża sinjal biex jinforma lill-utent finali li l-immaġni tal-wiċċ ġejja mill-e-MRTD u, għalhekk, fejn possibbli dan għandu jiġi sostitwit fil-qsim tal-fruntiera suċċessiv permezz tat-teħid dirett ta' immaġni ġdida.

1.2.2.   Marki tas-Swaba'

F'każ ta' ċittadin ta' pajjiż terz eżentat mill-obbligu tal-viża, il-marki tas-swaba' għandhom jinġabru b'konformità mal-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

F'każ li l-marki tas-swaba' ma jkunux meħtieġa jew ma jistgħux jiġu pprovduti, b'konformità mal-Artikolu 17(3) u (4) u l-Artikolu 18(5) tar-Regolament (UE) 2017/2226, għandu jiġu implimentat fl-EES attribut li jipprovdi r-raġuni għaliex il-marki tas-swaba' mhumiex ipprovduti.

Raġuni

Dettall

Valur

Artikolu 17(3)

Tfal taħt it-12-il sena

Mhux applikabbli

[Attribut ta' deskrizzjoni: “Art. 17(3)”]

Artikolu 17(4)

Fiżikament impossibbli indikat għal kull saba'

Mhux applikabbli

[Attribut ta' deskrizzjoni: “Art. 17(4)”]

Artikolu 17(4)

Impossibilità temporanja indikata għal kull saba'

Impossibilità temporanja

[Attribut ta' deskrizzjoni: “Art 17(4)”]

Artikolu 18(5)

Ċittadin ta' pajjiż terz jiġi miċħud id-dħul fuq il-bażi ta' raġuni li tikkorrispondi mal-ittra J tal-Anness V, il-Parti B tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4)

Ċaħda tad-dħul

[Attribut ta' deskrizzjoni: “Art. 18(5)”]


(1)  Jistgħu jeżistu xi eċċezzjonijiet meta mqabbla mal-ISO/IEC 3166-1 alpha-3 u jiġu dokumentati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Kull evoluzzjoni tal-istandard ISO/IEC 3166-1 alpha-3 se jkollha tiġu riflessa fil-futur.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).

(3)  C(2019)1280.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).