|
21.2.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 50/55 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/300
tad-19 ta' Frar 2019
li tistabbilixxi pjan ġenerali għall-immaniġġjar ta' kriżijiet fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 55 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistipula li l-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) u mal-Istati Membri, għandha tħejji pjan ġenerali għall-immaniġġjar ta' kriżi fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u l-għalf, (“il-pjan ġenerali”). Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/478/KE (2) stabbiliet il-pjan ġenerali. |
|
(2) |
Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/478/KE, għadd ta' inċidenti li ġejjin mill-ikel u mill-għalf għenu sabiex tinkiseb aktar esperjenza fil-koordinazzjoni tal-immaniġġjar ta' kriżijiet fil-livell tal-Unjoni. |
|
(3) |
L-esperjenza li nkisbet mas-snin, kif analizzat fl-evalwazzjoni REFIT tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 (Kontroll tal-Idoneità tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel) (3) uriet li hemm il-ħtieġa li jiġi evalwat mill-ġdid l-immaniġġjar ta' kriżijiet tal-ikel u l-għalf fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni. Is-sejbiet urew il-ħtieġa li jkun hemm enfasi aktar qawwija fuq it-tħejjija għall-kriżijiet, flimkien mal-immaniġġjar ta' kriżijiet, sabiex jiġi evitat jew jiġi minimizzat l-impatt ta' kriżi tal-ikel jew tal-għalf fuq is-saħħa pubblika. Din l-enfasi tista' tnaqqas sostanzjalment l-impatt ekonomiku (bħal restrizzjonijiet kummerċjali) ta' kriżi tal-ikel jew tal-għalf u b'hekk tikkontribwixxi għall-ksib tal-objettiv tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandu jkollha rwol akbar fil-komunikazzjoni u fil-koordinazzjoni ġenerali tal-Istati Membri f'dan il-qasam. Il-Kontroll tal-Idoneità tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel fih għadd ta' rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb l-effiċjenza tal-pjan ġenerali. |
|
(4) |
L-EFSA hija responsabbli biex tipprovdi l-opinjonijiet li jservu bħala l-bażi xjentifika għall-adozzjoni ta' miżuri tal-Unjoni u għandha l-kompitu li tipprovdi assistenza xjentifika u teknika fil-proċeduri ta' mmaniġġjar ta' kriżijiet fil-qasam tal-ikel u tal-għalf. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba, jenħtieġ li r-rwol tal-EFSA fil-pjan ġenerali jiġi rfinat u msaħħaħ. |
|
(5) |
Filwaqt li tirrispetta l-kompetenza ta' kull aġenzija, jenħtieġ li l-EFSA tikkoordina ma' aġenziji xjentifiċi rilevanti oħra tal-Unjoni, bħaċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-grupp ta' esperti maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom (4), meta jkun hemm bżonn ta' kontribuzzjoni jew azzjoni fil-kompetenza rispettiva tagħhom. Barra minn hekk, il-pjan ġenerali jeħtieġ jiżgura koordinazzjoni mas-sistemi ta' tħejjija u ta' reazzjoni għall-kriżijiet tal-ECDC relatati ma' każijiet umani sabiex l-awtoritajiet tas-saħħa u l-partijiet ikkonċernati jingħataw twissija dwar il-possibilità ta' kriżi li ġejja mill-ikel jew mill-għalf, b'impatt potenzjali fuq is-saħħa tal-bniedem. |
|
(6) |
Id-Deċiżjoni 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza epidemjoloġika, il-monitoraġġ, it-twissija bikrija ta', u l-ġlieda kontra theddid transfruntier serju għas-saħħa, inkluż it-tħejjija u l-ippjanar tar-rispons relatat ma' dawk l-attivitajiet, għal theddid ta' oriġini bijoloġika, kimika, ambjentali u mhux magħrufa u l-istabbiliment tas-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni (EWRS). Minħabba r-rabtiet potenzjali bejn it-tħejjija għall-kriżijiet u l-immaniġġjar ta' kriżijiet fil-qasam tal-katina tal-ikel, fil-pjan ġenerali jenħtieġ li jitqiesu wkoll l-arranġamenti rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni 1082/2013/UE. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-pjan ġenerali tal-Unjoni jiġi rivedut biex jinkludi proċeduri li jiffaċilitaw il-koordinazzjoni ma' pjanijiet ta' kontinġenza nazzjonali għall-ikel u għall-għalf li għandhom jiġu mfassla skont l-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) 2017/625 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali. |
|
(8) |
L-objettiv ewlieni ta' din id-Deċiżjoni huwa li tiġi protetta s-saħħa pubblika fl-Unjoni. Għalhekk, il-pjan ġenerali għandu jkun limitat għal sitwazzjonijiet b'riskju dirett jew indirett għas-saħħa pubblika skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Ir-riskji għas-saħħa pubblika jistgħu jkunu ta' natura fiżika, kimika u bijoloġika. Dawn ikopru perikli allerġeniċi u radjuattivi. Madankollu, l-approċċ, il-prinċipji u l-proċeduri prattiċi tal-pjan ġenerali jistgħu jitqiesu wkoll bħala linji gwida għall-immaniġġjar ta' inċidenti oħra li ġejjin mill-ikel li ma għandhomx dan ir-riskju għas-saħħa pubblika. |
|
(9) |
Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet awditjar intern tat-“Tħejjija għall-kriżijiet fis-sikurezza tal-ikel tad-DĠ SANTE”, li identifika ċerti nuqqasijiet fil-pjan ġenerali eżistenti li jeħtieġ li jiġu indirizzati. |
|
(10) |
Insiltu għadd ta' konklużjonijiet waqt il-Konferenza Ministerjali tas-26 ta' Settembru 2017 dwar is-segwitu tal-inċident fipronil (7). Għalkemm il-fokus kien fuq dan l-inċident u l-frodi, għadd ta' konklużjonijiet huma rilevanti għall-immaniġġjar ta' kriżijiet fil-qasam tal-ikel u tal-għalf inġenerali, inkluż il-ħolqien ta' punt uniku ta' kuntatt f'kull Stat Membru għall-koordinazzjoni ta' dan l-immaniġġjar ta' kriżijiet fir-rigward ta' kull organizzazzjoni amministrattiva nazzjonali. |
|
(11) |
Għalhekk id-Deċiżjoni 2004/478/KE jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida li tistabbilixxi pjan ġenerali aġġornat sabiex titqies l-esperjenza li nkisbet mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/478/KE u jkun hemm adattamentgħall-iżviluppi l-ġodda. |
|
(12) |
Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tistabbilixxi approċċ gradwali dwar it-tipi ta' sitwazzjonijiet li jenħtieġ li trattati bħala kriżi, inklużi l-kriterji relatati. Mhux kull sitwazzjoni li tista' taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 55 tkun neċessarjament teħtieġ l-istabbiliment ta' unità tal-kriżijiet skont l-Artikolu 56 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, iżda xorta tista' tibbenefika minn koordinazzjoni mtejba tal-Unjoni. Dawn il-kriterji jenħtieġ li jinkludu s-serjetà u l-firxa tal-inċident f'termini tal-impatt fuq is-saħħa pubblika, il-perċezzjoni tal-konsumaturi rilevanti u s-sensittività politika, speċjalment meta s-sors ikun għadu mhuwiex ċert, jekk l-inċident kienx intenzjonat (eż. bijoterroriżmu jew effett sekondarju ta' frodi) bil-għan li tinħoloq kriżi (eż. bijoterroriżmu) u r-ripetizzjoni ta' inċidenti preċedenti attribwiti għall-possibilità ta' nuqqas ta' azzjoni suffiċjenti. |
|
(13) |
Hemm bżonn li jkun hemm koordinazzjoni bejn is-sistemi ta' twissija u ta' informazzjoni u l-laboratorji tal-awtoritajiet differenti fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, sabiex tinqasam l-informazzjoni u jittieħdu miżuri għall-immaniġġjar ta' kriżi. F'dan ir-rigward, rabta bejn is-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni u sistemi ta' twissija u ta' informazzjoni oħrajn fil-livell tal-Unjoni bħas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf għandha ttejjeb l-approċċ “Saħħa Waħda”, pereżempju l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-awtoritajiet responsabbli mis-sikurezza tal-ikel u mis-saħħa pubblika dwar l-istess inċident, billi l-awtoritajiet responsabbli mis-sikurezza tal-ikel jingħataw aċċess għall-informazzjoni mqassma mill-awtoritajiet pubbliċi dwar każijiet umani. |
|
(14) |
L-immaniġġjar effettiv ta' kriżijiet fil-katina tal-ikel u tal-għalf jeħtieġ li l-proċeduri prattiċi għat-tħejjija u għall-koordinazzjoni mtejba fil-livell tal-Unjoni jkunu diġà fis-seħħ qabel iseħħ inċident. |
|
(15) |
Il-proċeduri prattiċi għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jenħtieġ li jkunu definiti b'mod ċar sabiex jiġi żgurat rispons rapidu u bla xkiel għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Għall-istess raġunijiet jenħtieġ li jiġi stabbilit ir-rwol, il-kompożizzjoni u l-operat prattiku tal-unità tal-kriżijiet. |
|
(16) |
Komunikazzjoni f'ħin reali bbażata fuq l-evidenza lill-pubbliku u lis-sħab kummerċjali hija essenzjali sabiex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika billi jiġi evitat tixrid ulterjuri tar-riskji u sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja fis-sikurezza tal-ikel jew tal-għalf li ma jkunx affettwat minn inċident. Għalhekk l-iżvilupp ta' prinċipji ta' trasparenza u ta' strateġija ta' komunikazzjoni huma parti essenzjali mill-immaniġġjar ta' kriżi. |
|
(17) |
Dan il-pjan ġenerali kien is-suġġett ta' konsultazzjonijiet mal-EFSA u ġie diskuss mal-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-pjan ġenerali għall-immaniġġjar ta' kriżijiet fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.
2. Il-pjan ikopri ż-żewġ tipi ta' sitwazzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
Sitwazzjonijiet li jeħtieġu koordinazzjoni mtejba tal-Unjoni; u |
|
(b) |
Sitwazzjonijiet li jeħtieġu l-istabbiliment ta' unità tal-kriżijiet li tiġbor flimkien il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni. |
3. Il-pjan jistabbilixxi wkoll il-proċeduri prattiċi meħtieġa għat-tħejjija aħjar u għall-immaniġġjar ta' inċidenti fil-livell tal-Unjoni, inkluża strateġija ta' komunikazzjoni skont il-prinċipju tat-trasparenza.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
Il-pjan ġenerali għandu japplika għal sitwazzjonijiet li jinvolvu riskji diretti jew indiretti għas-saħħa pubblika li ġejjin mill-ikel u mill-għalf, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwalunkwe periklu fl-ikel u fl-għalf ta' natura fiżika, kimika u bijoloġika, li mhumiex probabbli li jiġu evitati, eliminati jew imnaqqsa għal livell aċċettabbli permezz tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ jew ma jistgħux jiġu mmaniġġjati b'mod adegwat sempliċiment bl-applikazzjoni ta' miżuri ta' emerġenza skont l-Artikolu 53 jew 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.
Artikolu 3
Objettivi
L-objettivi ta' din id-Deċiżjoni huma li jiġu minimizzati l-firxa u l-impatt tal-inċidenti li ġejjin mill-ikel jew mill-għalf fuq is-saħħa pubblika, billi jiġu żgurati t-tħejjija aħjar u l-immaniġġjar effettiv.
Artikolu 4
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
1. |
“Inċident” tfisser id-detezzjoni ta' periklu fiżiku, bijoloġiku jew kimiku fl-ikel, fl-għalf jew fil-bnedmin li jista' jwassal jew jindika riskju possibbli għas-saħħa pubblika bl-esponiment ta' aktar minn persuna waħda għall-istess periklu, jew sitwazzjoni li fiha l-għadd ta' każijiet umani jew id-detezzjoni ta' periklu jaqbżu l-għadd mistenni u fejn il-każijiet huma marbuta jew probabbilment marbuta, mal-istess sors ta' ikel jew ta' għalf. |
|
2. |
“tfaqqigħ minn fuq l-ikel” kif definit fl-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
|
3. |
“koordinatur ta' kriżi” tfisser persuna u s-supplenti tagħha mill-istituti Ewropej u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li taġixxi bħala punt uniku ta' kuntatt sabiex jiġi żgurat l-iskambju effettiv ta' informazzjoni bejn is-sħab kollha involuti fil-koordinazzjoni tal-pjan ġenerali u t-teħid ta' deċiżjonijiet effiċjenti u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet skont il-kompetenza tal-organizzazzjoni tagħha. |
KAPITOLU II
Strutturi u proċeduri ta' tħejjija
Artikolu 5
Koordinaturi ta' kriżi
Kull Stat Membru, l-EFSA u l-Kummissjoni għandhom jaħtru koordinatur ta' kriżi u s-supplenti tiegħu/tagħha biex iwettqu l-kompiti stabbiliti fl-Anness I. Il-Kummissjoni għandha żżomm lista aġġornata bl-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-“koordinaturi ta' kriżi” maħtura u tas-supplenti tagħhom. Il-koordinaturi ta' kriżi għandu jkollhom laqgħat regolari, tal-anqas fuq bażi annwali, organizzati mill-Kummissjoni bil-għan li jippreżentaw inizjattivi fil-livell tal-Unjoni, jaqsmu pjanijiet ta' kontinġenza nazzjonali, jipprovdu segwitu u jivvalutaw l-immaniġġjar ta' kriżijiet riċenti skont l-Artikolu 22.
Artikolu 6
Sistemi ta' Twissija u ta' Informazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tgħaqqad is-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni (EWRS) ma' Sistemi ta' Twissija u ta' Informazzjoni oħrajn fil-livell tal-Unjoni, inkluża s-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF). Is-sottomissjoni tad-data permezz tan-netwerks ta' twissija għandha tkompli tiġi armonizzata aktar.
Artikolu 7
Laboratorji
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw iż-żamma ta' netwerk ta' laboratorji ta' referenza nazzjonali u Ewropej, u laboratorji uffiċjali oħra, skont ir-Regolament (UE) 2017/625, li jkunu lesti jipprovdu appoġġ analitiku rapidu u ta' kwalità għolja skont kif ikun meħtieġ għall-aktar perikli sinifikanti li ġejjin mill-ikel u mill-għalf.
Artikolu 8
Taħriġ, eżerċizzji u għodod tal-ogħla livell
Il-Kummissjoni għandha toffri moduli ta' taħriġ avvanzat dwar it-tħejjija f'każ ta' kriżijiet li ġejjin mill-ikel,, dwar l-investigazzjoni ta' tfaqqigħ minn fuq l-ikel u dwar l-immaniġġjar ta' inċidenti oħra fil-qafas tal-programm tal-Kummissjoni “Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel (BTSF)” (9) u tħeġġeġ approċċ “Saħħa Waħda”.
Il-Kummissjoni għandha torganizza eżerċizzji regolari ta' simulazzjoni ta' inċidenti relatati mal-ikel u mal-għalf mal-Istati Membri, inklużi l-aspetti ta' komunikazzjoni tagħhom b'enfasi fuq it-tħejjija u l-immaniġġjar ta' inċidenti. Għandhom jieħdu sehem aġenziji rilevanti tal-Unjoni u l-Kummissjoni għandha tipparteċipa f'eżerċizzji simili organizzati mill-aġenziji skont il-kompetenza tagħhom. L-okkorrenza ta' inċident reali kbir tista' tissostitwixxi dan l-eżerċizzju ta' simulazzjoni. Wara kull eżerċizzju, il-Kummissjoni għandha tippreżenta konklużjonijiet speċifiċi waqt il-laqgħa li jkun imiss tal-koordinaturi ta' kriżi msemmija fl-Artikolu 5
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi segwitu dwar it-tħejjija xierqa fl-Istati Membri permezz taż-żamma u l-awditjar ta' pjanijiet ta' kontinġenza nazzjonali dwar l-ikel u l-għalf.
Il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-użu ta' għodod tal-ogħla livell, fil-livell tal-Unjoni, bħalma huma l-għodod ta' traċċar, l-analiżi ta' tipizzazzjoni molekulari (inkluż Sekwenzar tal-Ġenoma Sħiħa) u l-kondiviżjoni ta' dawn ir-riżultati fil-bażi tad-data tal-EFSA-ECDC dwar it-tipizzazzjoni molekulari ta' aġenti patoġeniċi identifikati fil-bnedmin, fl-annimali, fl-ikel, fl-għalf u fl-ambjent tal-ikel/l-għalf.
Artikolu 9
Ġbir, monitoraġġ u analiżi ta' informazzjoni fuq bażi kontinwa
Il-Kummissjoni għandha tiġbor, timmonitorja u tanalizza fuq bażi kontinwa informazzjoni dwar theddid transfruntier dirett u indirett mis-sorsi elenkati fl-Anness II.
KAPITOLU III
Koordinazzjoni mtejba fil-livell tal-Unjoni
Artikolu 10
Sitwazzjonijiet li jeħtieġu koordinazzjoni mtejba fil-livell tal-Unjoni
1. Fis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha ttejjeb il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni għall-immaniġġjar ta' inċident, abbażi tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 u f'koordinazzjoni mill-qrib mal-korpi ta' valutazzjoni tar-riskju rilevanti tal-Unjoni.
2. Koordinazzjoni mtejba fil-livell tal-Unjoni skont il-paragrafu 1 għandha tkun meħtieġa meta:
|
(a) |
ikun hemm
u, |
|
(b) |
ikun hemm:
|
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-koordinazzjoni tagħha abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.
Artikolu 11
Proċeduri prattiċi għal koordinazzjoni mtejba fil-livell tal-Unjoni
Il-koordinazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-immaniġġjar ta' inċident mis-servizzi rilevanti għandha tikkonsisti mill-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu V.
KAPITOLU IV
Stabbiliment ta' unità tal-kriżijiet
Artikolu 12
Sitwazzjoni li teħtieġ l-istabbiliment ta' unità tal-kriżijiet
1. Fis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi unità tal-kriżijiet skont l-Artikolu 56 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 (“l-unità tal-kriżijiet”)
2. L-istabbiliment ta' unità tal-kriżijiet huwa meħtieġ meta:
|
(a) |
ikun ġie identifikat riskju dirett jew indirett għas-saħħa pubblika f'żewġ Stati Membri jew aktar li jwassal għal sensittività reputazzjonali, perċezzjonali jew politika għolja. u |
|
(b) |
ikun hemm
|
Artikolu 13
Rwol tal-unità tal-kriżijiet
(1) L-unità tal-kriżijiet għandha tkun responsabbli biex b'mod rapidu tiżviluppa, tikkoordina u timplimenta strateġija ta' rispons f'każ ta' kriżi, inklużi l-aspetti ta' komunikazzjoni tagħha. Ladarba jiġi identifikat is-sors ta' kontaminazzjoni, l-unità tal-kriżijiet, bl-assistenza tal-EFSA u ta' esperti oħra fejn meħtieġ, għandha tikkoordina l-investigazzjoni dwar it-traċċabbiltà (b'lura u 'l quddiem), kif ukoll issegwi mill-qrib l-irtirar u s-sejħa lura tal-prodotti jekk l-ikel/għalf affettwat ikun tqassam f'diversi Stati Membri.
(2) Kull Stat Membru involut għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-investigazzjonijiet dwar it-traċċabilità, l-irtirar u s-sejħiet lura fit-territorju tiegħu.
Artikolu 14
Proċeduri prattiċi għall-unità tal-kriżijiet
1. Sabiex twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u li jinsabu f'aktar dettall fl-Artikoli 8 sa 10 ta' din id-Deċiżjoni, il-proċeduri previsti fil-Kapitolu V ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw kif meħtieġ.
2. Il-membri tal-unità tal-kriżijiet għandhom ikunu disponibbli l-ħin kollu matul il-kriżi.
Artikolu 15
Kompożizzjoni u operat tal-unità tal-kriżijiet
1. L-unità tal-kriżijiet għandha tkun magħmula mill-membri tan-netwerk ta' koordinaturi ta' kriżi (jew is-supplenti tagħhom) mill-Kummissjoni, mill-EFSA, tal-anqas mill-Istati Membri direttament ikkonċernati u, jekk meħtieġ, minn rappreżentanti speċjalizzati tal-Kummissjoni, tal-EFSA, tal-ECDC u, fejn rilevanti, ta' aġenziji oħrajn tal-Unjoni u tal-Istati Membri direttament ikkonċernati. Speċjalisti tal-komunikazzjoni tal-korpi rilevanti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni għandhom ikunu parti wkoll mill-unità tal-kriżijiet.
2. L-unità tal-kriżijiet tista' wkoll tqis li tikkonsulta esperti oħra jew in-netwerk sħiħ ta' koordinaturi ta' kriżi, jekk dan ikun meħtieġ għall-immaniġġjar tal-kriżi, u tista' titlob assistenza permanenti jew ad hoc mingħand esperti speċifiċi.
3. Il-koordinatur ta' kriżi tal-Kummissjoni (jew is-supplenti tiegħu/tagħha) għandu jippresjedi l-unità tal-kriżijiet. Għandu jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-unità tal-kriżijiet u t-tqassim tal-kompiti fost il-membri, billi jqis il-kompetenza tagħhom. Malli tiġi stabbilita l-unità tal-kriżijiet, il-President għandu jistieden lill-membri tan-netwerk ta' koordinaturi ta' kriżi għall-ewwel laqgħa.
4. Il-President għandu jiżgura l-koordinazzjoni bejn il-ħidma tal-unità tal-kriżijiet u l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Għandu jkun megħjun mill-esperti tekniċi xierqa tal-unitajiet tekniċi kkonċernati fil-Kummissjoni.
5. Il-koordinaturi ta' kriżi mill-Istati Membri affettwati għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-unità tal-kriżijiet fil-laqgħat, fil-konferenzi bl-awdjo u bil-vidjo f'termini ta' disponibbiltà, għarfien espert u livell ta' responsabbiltà. L-EFSA, l-ECDC u l-EURL ikkonċernat għandhom jipprovdu l-assistenza xjentifika u teknika fil-kompetenza tagħhom kif meħtieġ.
6. L-unità tal-kriżijiet għandha tkun responsabbli għaż-żamma ta' kuntatt mill-qrib u għall-iskambju ta' informazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
7. L-unità tal-kriżijiet għandha tkun responsabbli għat-tħejjija tal-istrateġija ta' komunikazzjoni koordinata lejn il-pubbliku u b'mod partikolari dwar l-istabbiliment ta' messaġġi bbażati fuq l-evidenza f'ħin reali.
8. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi biżżejjed appoġġ segretarjali għall-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-unità tal-kriżijiet (eż. l-abbozzar ta' minuti u ħtiġijiet amministrattivi oħra) u t-tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-unità tal-kriżijiet ir-riżorsi umani u materjali meħtieġa għall-operat bla xkiel tagħha (eż. kmamar tal-laqgħat, mezzi ta' komunikazzjoni, eċċ.). L-unità tal-kriżijiet għandha tuża l-arranġamenti tekniċi fis-seħħ għan-netwerks ta' twissija eżistenti biex tikkomunika jew ixxerred informazzjoni, b'mod partikolari biex tqassam talbiet għal informazzjoni u biex tiġbor din l-informazzjoni.
Artikolu 16
Riżoluzzjoni tal-kriżi
Il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 14 u 15 għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm tiġi riżolta l-kriżi.
Wara konsultazzjoni mal-unità tal-kriżijiet, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-kriżi tkunx ġiet kompletament riżolta jew jekk tistax titnaqqas għal inċident li jeħtieġ biss koordinazzjoni mtejba fil-livell tal-Unjoni. F'każ li jiġi deċiż hekk, il-membri kollha tal-unità tal-kriżijiet għandhom jiġu mgħarrfa dwar ir-riżoluzzjoni.
Minbarra l-informazzjoni sottomessa permezz tal-RASFF dwar il-prodotti affettwati u l-miżuri meħuda, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar każijiet umani ġodda biex tivvaluta xejriet u tiddeċiedi dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi.
Artikolu 17
Valutazzjoni wara l-kriżi
Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport tal-anqas wara kull sitwazzjoni li teħtieġ l-istabbiliment ta' unità tal-kriżijiet, li fih tippreżenta valutazzjoni wara l-inċident, inkluża konsultazzjoni ma' dawk involuti u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn.
Fid-dawl tal-valutazzjoni, għandha ssir laqgħa tal-koordinaturi kollha ta' kriżi biex jiġu identifikati l-lezzjonijiet potenzjali mitgħallma u fejn xieraq, jiġi identifikat kwalunkwe titjib neċessarju meħtieġ fir-rigward tal-proċeduri operazzjonali u l-għodod użati fl-immaniġġjar tal-kriżi.
KAPITOLU V
Proċeduri għall-immaniġġjar ta' inċident
Artikolu 18
Proċeduri prattiċi ewlenin
Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-immaniġġjar ta' inċident mis-servizz rilevanti li, skont kif ikun xieraq, għandu jikkonsisti minn:
|
(a) |
l-analiżi tad-data sottomessa permezz tas-sistema ta' twissija bikrija xierqa (RASFF u/jew EWRS) sabiex jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 10 jew 12; |
|
(b) |
meta jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 10 jew 12, l-identifikazzjoni ta' diskrepanzi fid-data u tintbagħat talba lill-Istati Membri jew lill-partijiet ikkonċernati biex jissottomettu informazzjoni addizzjonali permezz tas-sistema ta' twissija bikrija xierqa u t-twettiq ta' traċċar b'lura u 'l quddiem tal-ikel u tal-għalf implikat; |
|
(c) |
l-organizzazzjoni ta' konferenzi bil-vidjo jew bl-awdjo mal-Istati Membri kkonċernati, ma' aġenziji tal-Unjoni kkonċernati (l-EFSA, u fejn rilevanti l-ECDC u korpi oħra ta' valutazzjoni), ma' Laboratorji ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea (EURL) rilevanti, ma' esperti, inkluż man-netwerk ta' koordinaturi ta' kriżi msemmija fl-Artikolu 5, kif ukoll ma' rappreżentanti tas-sikurezza tal-ikel u tas-saħħa pubblika, jekk ikun meħtieġ; |
|
(d) |
il-koordinazzjoni ta' valutazzjoni inizjali tal-impatti fuq is-saħħa pubblika mal-Istati Membri u mal-aġenziji tal-Unjoni; |
|
(e) |
il-koordinazzjoni tal-linji ta' komunikazzjoni u tal-azzjonijiet bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-EFSA u, fejn rilevanti, aġenziji oħra tal-Unjoni, sħab kummerċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn; |
|
(f) |
l-iskjerament ta' missjonijiet tal-esperti fuq il-post fejn ikunu meħtieġa biex jappoġġjaw l-investigazzjonijiet; |
|
(g) |
skont is-sitwazzjoni, l-użu ta' parti jew tan-netwerk kollu ta' koordinaturi ta' kriżi biex tinġabar u titqassam l-informazzjoni u biex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet rilevanti msemmija. |
Artikolu 19
Proċeduri prattiċi supplimentari
Barra minn hekk, il-Kummissjoni flimkien mal-EFSA u, fejn rilevanti, mal-ECDC, għandha tiżviluppa għadd ta' proċeduri u għodod supplimentari biex jgħinu biex l-inċident jiġi riżolt malajr kemm jista' jkun, u jiġi limitat l-impatt tiegħu fuq is-saħħa pubblika. B'mod partikolari, dawk il-proċeduri jistgħu jinkludu:
|
(a) |
karatterizzazzjoni rapida u identifikazzjoni ta' malajr ta' sorsi ta' tifqigħat permezz taż-żamma u l-użu ta' bażi tad-data dwar it-tipizzazzjoni molekulari ta' aġenti patoġeniċi identifikati fil-bnedmin, fl-annimali, fl-ikel u fl-għalf; |
|
(b) |
f'każ ta' riskju bijoloġiku, valutazzjonijiet rapidi konġunti tat-tifqigħa mill-EFSA u mill-ECDC skont proċedura operattiva standard maqbula; |
|
(c) |
qafas għall-valutazzjoni rapida tar-riskju kimiku mill-EFSA; |
|
(d) |
proċeduri għall-monitoraġġ tal-effetti tal-azzjonijiet meħuda. |
KAPITOLU VI
Komunikazzjoni
Artikolu 20
Trasparenza u komunikazzjoni
Ir-regoli speċifiċi dwar il-kunfidenzjalità previsti fl-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 għandhom japplikaw għall-iskambju ta' informazzjoni li jsir fir-RASFF. Meta jinstab riskju, il-komunikazzjoni għandha tindirizza prinċipalment, b'mod proattiv u reattiv, mistoqsijiet li jsiru mill-midja, mill-pubbliku jew mis-sħab kummerċjali dwar il-perikli identifikati, ir-riskju ppreżentat u l-miżuri meħuda.
Artikolu 21
Strateġija ta' komunikazzjoni waqt l-inċidenti kollha
(1) Waqt inċident, il-Kummissjoni għandha, bħala parti mir-rispons, tikkoordina l-komunikazzjoni ta' informazzjoni ċara, immirata u effettiva lill-pubbliku dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskju, inkluż l-inċertezza. L-informazzjoni lill-pubbliku għandha tkun f'waqtha, soda, affidabbli u koerenti bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-Kummissjoni, l-EFSA, l-ECDC u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-komunikazzjoni tagħhom b'mod trasparenti biex jiġu evitati messaġġi diverġenti u informazzjoni konfliġġenti.
(2) Bħala parti mill-koordinazzjoni, il-Kummissjoni, l-EFSA, l-ECDC, f'każijiet li jinvolvu l-kompetenza speċifika ta' dan tal-aħħar, u l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil xulxin bil-quddiem dwar stqarrijiet ippjanati li huma rilevanti għalihom u li huma involuti fit-tifqigħa (pereżempju permezz ta' konferenzi bl-awdjo). Barra minn hekk, meta tkun inġabret evidenza affidabbli dwar is-sors possibbli ta' tifqigħa, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu minnufih lill-operaturi tan-negozji tal-ikel affettwati.
(3) L-Istati Membri għandhom jiġi mgħarrfa permezz tal-koordinaturi ta' kriżi tagħhom sabiex tiġi żgurata konsistenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-komunikazzjoni tar-riskju. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf u l-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa dwar l-immaniġġjar tal-kriżi u dwar l-istrateġija ta' komunikazzjoni tagħha.
(4) Meta l-kummerċ minn jew lejn pajjiżi terzi jiġi affettwat mill-periklu involut għandu jintuża n-Netwerk Internazzjonali tal-Awtoritajiet tas-Sikurezza tal-Ikel (INFOSAN) tad-WHO, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa ta' skambju bilaterali addizzjonali ta' informazzjoni ma' sħab kummerċjali u ma' awtoritajiet kompetenti f'pajjiżi terzi.
(5) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni addizzjonali lill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) kif xieraq.
(6) Il-kompiti dettaljati dwar il-komunikazzjoni ta' kriżi fi ħdan in-netwerk ta' koordinaturi ta' kriżi huma stabbiliti fl-Anness I.
Artikolu 22
Strateġija speċifika ta' komunikazzjoni mill-unità tal-kriżijiet
(1) F'każ ta' sitwazzjoni li teħtieġ l-istabbiliment ta' unità tal-kriżijiet, l-unità tal-kriżijiet għandha tikkoordina l-komunikazzjonijiet u tiżviluppa minnufih strateġija speċifika ta' komunikazzjoni sabiex il-pubbliku jkun mgħarraf dwar ir-riskji u l-miżuri meħuda. Il-Kummissjoni għandha tħejji mudell standard għal din l-istrateġija. L-istrateġija ta' komunikazzjoni għandha tidentifika l-messaġġi ewlenin għall-udjenzi prinċipali fil-mira u l-mezzi ta' komunikazzjoni ewlenin għad-distribuzzjoni tagħhom.
(2) Permezz tal-proċeduri prattiċi msemmija fil-Kapitolu V, l-istrateġija ta' komunikazzjoni se jkollha l-għan li tgħarraf lill-pubbliku u lill-atturi ekonomiċi fosthom is-sħab kummerċjali fil-qasam tal-ikel permezz ta':
|
(a) |
messaġġi konsistenti u koordinati; |
|
(b) |
komunikazzjoni effettiva dwar ir-riskji; |
|
(c) |
enfasi fuq l-investigazzjonijiet li għaddejjin u l-miżuri ta' prekawzjoni meta s-sors ma jkunx ċert; |
|
(d) |
l-għoti ta' evidenza affidabbli (riżultati mill-analiżi, evidenza epidemjoloġika, eċċ.) li ssostni l-pożizzjonijiet u l-miżuri meħuda; |
|
(e) |
l-għoti ta' assigurazzjonijiet dwar is-sikurezza ta' prodotti mhux implikati fil-kriżi inkluż permezz ta' informazzjoni ċara dwar it-tipi ta' prodotti affettwati u dwar dawk li mhumiex affettwati; |
|
(f) |
l-għoti ta' messaġġi dwar miżuri ta' suċċess u r-riżultati miksuba abbażi ta' evidenza affidabbli: pereżempju l-identifikazzjoni u l-irtirar ta' lottijiet affettwati bħala riżultat ta' investigazzjoni effettiva. |
(3) L-Istati Membri direttament ikkonċernati mill-inċident, u l-membri tal-unità tal-kriżijiet, għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-azzjonijiet ta' komunikazzjoni tagħhom ikunu konsistenti mal-istrateġija ta' komunikazzjoni adottata mill-unità tal-kriżijiet.
(4) L-istrateġija ta' komunikazzjoni għandha tinkludi l-istabbiliment ta' kuntatti xierqa mal-pajjiżi kkonċernati li mhumiex fl-Unjoni sabiex jingħataw informazzjoni ċara, preċiża u koerenti dwar l-evoluzzjoni tal-immaniġġjar tal-kriżi rilevanti.
KAPITOLU VII
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 23
Pjan pluriennali
Il-Kummissjoni għandha tfassal pjan ta' ħames snin għall-implimentazzjoni tal-pjan ġenerali, li għandu jiġi aġġornat kull ħames snin wara dan abbażi ta' ħtiġijiet identifikati.
Artikolu 24
Tħassir
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/478/KE hija mħassra.
Artikolu 25
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Frar 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/478/KE tad-29 ta' April 2004 li tirrigwarda l-adozzjoni ta' pjan ġenerali għall-gestjoni ta' kriżi fl-ikel/it-tgħam (ĠU L 160, 30.4.2004, p. 98).
(3) Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – L-evalwazzjoni tal-REFIT tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (ir-Regolament (KE) Nru 178/2002) [traduzzjoni mhux uffiċjali], SWD(2018)37, datat il-15.1.2018.
(4) https://ec.europa.eu/energy/en/group-experts
(5) Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).
(6) Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).
(7) https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/rasff_fipronil-incident_conclusions_201709.pdf
(8) Id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi, temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31).
(9) https://ec.europa.eu/food/safety/btsf_en
ANNESS I
Kompiti tal-koordinaturi ta' kriżi skont l-Artikolu 5
Kompiti ġenerali
Il-koordinatur ta' kriżi ta' kull Stat Membru għandu jaġixxi bħala punt uniku ta' kuntatt biex jiġu żgurati:
|
— |
Il-koordinazzjoni, fil-livell nazzjonali, f'każ ta' inċidenti jew kriżijiet li ġejjin mill-ikel jew mill-għalf; |
|
— |
L-użu effiċjenti tan-netwerks ta' twissija waqt inċident jew f'sitwazzjoni ta' kriżi; |
|
— |
Il-preżentazzjoni, fuq talba tal-Kummissjoni, tal-pjan ta' kontinġenza nazzjonali tagħhom fil-laqgħat tal-koordinaturi ta' kriżi; |
|
— |
Il-parteċipazzjoni f'konferenzi bl-awdjo organizzati mill-Kummissjoni waqt koordinazzjoni msaħħa jew sitwazzjoni ta' kriżi, u s-segwitu tagħhom; |
|
— |
L-għoti ta' feedback waqt il-laqgħa wara li tkun għaddiet il-kriżi dwar lakuni potenzjali u oqsma għal titjib; |
|
— |
L-istabbiliment ta' rabtiet b'saħħithom bejn il-koordinaturi ta' kriżi u l-bini ta' fiduċja fost is-sħab permezz ta' skambji ta' esperjenzi; |
|
— |
Il-parteċipazzjoni f'eżerċizzji ta' simulazzjoni nazzjonali u Ewropej, inklużi dawk organizzati mill-EFSA u minn istituti Ewropej oħra. |
Kompiti ta' komunikazzjoni waqt kriżi
Il-koordinaturi ta' kriżi, skont il-kompetenza tagħhom, għandhom ikunu responsabbli wkoll mill-koordinazzjoni tal-komunikazzjoni ta' kriżi fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni pereżempju dwar il-miżuri meħuda, ir-rakkomandazzjonijiet relatati mas-saħħa, eċċ.
Il-kompiti ta' komunikazzjoni jinkludu:
|
— |
L-assigurazzjoni, fil-livell nazzjonali, tal-prinċipji ta' trasparenza u tal-istrateġija ta' komunikazzjoni kif stabbilit fil-Kapitolu VI; |
|
— |
L-għoti ta' għajnuna fid-definizzjoni ta' strateġija ta' komunikazzjoni globali għall-immaniġġjar ta' inċidenti jew ta' kriżijiet li ġejjin mill-ikel jew mill-għalf; |
|
— |
L-għoti ta' għarfien espert u gwida lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-komunikazzjoni ta' kriżi, pereżempju dwar kif għandhom jiġu ppreżentati lill-pubbliku l-miżuri marbuta mas-saħħa; |
|
— |
L-elaborazzjoni ta' messaġġi ewlenin/linji gwida li għandhom jittieħdu (LTT) fost is-sħab waqt inċident jew kriżi permezz tan-netwerks dedikati jew tal-konferenzi bl-awdjo; |
|
— |
It-tixrid ta' messaġġi ewlenin permezz tal-midja soċjali u ta' mezzi oħrajn (pereżempju sit web speċifiku) inkluż, fejn meħtieġ, permezz tan-Netwerk ta' Esperti fil-Komunikazzjoni tal-EFSA; |
|
— |
Il-monitoraġġ tar-reazzjonijiet tal-midja u ta' sorsi tal-opinjoni pubblika (eż. il-midja soċjali) waqt inċident jew kriżi u r-rapportar ta' din l-informazzjoni lin-netwerk; |
|
— |
Il-koordinazzjoni ta' għodod ta' komunikazzjoni skont id-domanda (eż. FAQ, hotlines, eċċ.) |
|
— |
L-iżgurar ta' koerenza mal-valutazzjonijiet tar-riskju tal-EFSA u tal-ECDC, inklużi valutazzjonijiet konġunti rapidi ta' tifqigħat u attivitajiet relatati ta' komunikazzjoni; |
|
— |
Qabel ir-rilaxx, jiġu kkonsultati dwar il-komunikazzjonijiet tal-EFSA u tal-ECDC waqt sitwazzjoni ta' kriżi relatata mal-komunikazzjoni xjentifika dwar ir-riskju. |
ANNESS II
Sorsi għall-ġbir ta' informazzjoni dwar inċidenti msemmija fl-Artikolu 9
Il-Kummissjoni għandha, fuq bażi regolari, timmonitorja u tiġbor informazzjoni mis-sorsi li ġejjin:
|
(1) |
is-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF), kif imsemmi fl-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002; |
|
(2) |
fejn rilevanti, is-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni (EWRS), kif imsemmi fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1); |
|
(3) |
l-EFSA, inkluż min-netwerks xjentifiċi tagħha (2); |
|
(4) |
l-ECDC, inkluż mis-Sistema ta' Informazzjoni dwar l-Epidemiji (EPIS) (3), pjattaforma ta' komunikazzjoni li tippermetti lill-esperti maħtura fil-qasam tas-saħħa pubblika u lill-esperti fil-qasam tas-sikurezza alimentari jiskambjaw informazzjoni teknika sabiex jiġi vvalutat jekk it-theddid attwali u emerġenti għas-saħħa pubblika għandux impatt potenzjali fl-Ewropa; |
|
(5) |
il-ġbir konġunt ta' data dwar it-tipizzazzjoni molekulari mill-EFSA/ECDC; |
|
(6) |
ir-rapport ta' sinteżi annwali tal-Unjoni tal-EFSA/ECDC dwar it-tendenzi u s-sorsi ta' żoonożi, ta' aġenti żoonotiċi u ta' tfaqqigħ minn fuq l-ikel (4); |
|
(7) |
il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (il-kumitat PAFF) (5); |
|
(8) |
in-netwerk ta' laboratorji ta' referenza Ewropej (EURL) u nazzjonali (NRL) (6); |
|
(9) |
il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (HSC) (7); |
|
(10) |
is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC), sistema kompjuterizzata ppjanata li tintegra u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna, is-sistemi ta' informazzjoni eżistenti rilevanti kollha mmaniġġjati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 131 sa 136 tar-Regolament (UE) 2017/625; |
|
(11) |
is-Sistema Komunitarja ta' Skambju ta' Informazzjoni Radjoloġika Urġenti (ECURIE);. |
|
(12) |
kuntatti diretti ma' aġenziji oħrajn tal-Unjoni minbarra l-EFSA (bħall-ECDC, l-ECHA, l-EMA), mal-Istati Membri u ma' partijiet ikkonċernati privati; |
organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) b'mod partikolari permezz tan-Netwerk Internazzjonali tal-Awtoritajiet tas-Sikurezza Alimentari (INFOSAN) (8) u fil-kuntest tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (9) (IHR), u l-Inizjattiva għas-Sigurtà tas-Saħħa fid-Dinja (10).
(1) Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE. ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.
(2) http://efsa.europa.eu/en/science/wgs-and-networks
(3) https://ecdc.europa.eu/en/publications-data/epidemic-intelligence-information-system-epis
(4) L-aħħar verżjoni: http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4634
(5) https://ec.europa.eu/food/committees/paff_en
(6) https://ec.europa.eu/food/safety/official_controls/legislation/ref-labs_en
(7) https://ec.europa.eu/health/preparedness_response/risk_management/hsc_mt
(8) http://www.who.int/foodsafety/areas_work/infosan/en/
(9) http://www.who.int/topics/international_health_regulations/en/
(10) http://www.ghsi.ca/english/index.asp