15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 44/31


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/266

tal-14 ta' Frar 2019

li ttemm il-proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ħġieġ solari li joriġina mill-Malasja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fit-23 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ħġieġ solari li joriġina mill-Malasja billi ppubblikat notifika ta' bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

L-investigazzjoni nfetħet wara lment imressaq minn EU ProSun Glass (“l-ilmentatur”) f'isem iż-żewġ produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw iktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-ħġieġ solari fl-Unjoni. L-ilment kien fih evidenza ta' dumping u ta' dannu materjali riżultanti, u dan tqies biżżejjed biex il-bidu tal-investigazzjoni jkun iġġustifikat.

(3)

Fin-notifika ta' bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-ilmentatur, lil produtturi magħrufa oħrajn tal-Unjoni, lill-produttur esportatur magħruf u lill-awtoritajiet Malasjani, lil importaturi, fornituri u utenti magħrufin, negozjanti, kif ukoll assoċjazzjonijiet li kien magħruf li kienu kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni, u stednithom jieħdu sehem.

(4)

Il-partijiet interessati kollha kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali sal-limitu ta' żmien stipulat fin-notifika ta' bidu.

2.   RTIRAR TAL-ILMENT U TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

(5)

Permezz ta' ittra tal-14 ta' Diċembru 2018, l-ilmentatur informa lill-Kummissjoni li huwa xtaq jirtira l-ilment tiegħu.

(6)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-proċedimenti jistgħu jintemmu meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm dan it-tmiem ma jkunx imur kontra l-interess tal-Unjoni.

(7)

L-investigazzjoni ma żvelat ebda konsiderazzjoni li turi li huwa fl-interessi tal-Unjoni li jitkompla l-każ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li jenħtieġ li l-investigazzjoni dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ħġieġ solari li joriġina mill-Malasja tintemm. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b'dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. Għaxar utenti tal-ħġieġ solari ddikkjaraw li jappoġġjaw it-terminazzjoni. Ma wasal ebda kumment ieħor.

(8)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li l-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ħġieġ solari li joriġina mill-Malasja jintemm mingħajr l-impożizzjoni ta' miżuri.

(9)

Din id-Deċiżjoni hija konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ħġieġ solari li jaqa' taħt il-kodiċijiet TARIC 7007198012, 7007198018, li joriġinaw mill-Malasja, huwa b'dan mitmum.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  In-Notifika ta' bidu ta' proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ħġieġ solari li joriġina mill-Malasja (ĠU C 174, 23.5.2018, p. 8).