|
31.1.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 27/33 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/154
tat-30 ta' Jannar 2019
li tistabbilixxi regoli interni dwar ir-restrizzjoni fuq id-dritt ta' aċċess tas-suġġetti tad-data għall-fajls mediċi tagħhom
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 26a tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 16 u 91 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' ħaddiema oħra, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal għandhom id-dritt li jiffalimjarizzaw ruħhom mal-fajls mediċi tagħhom, skont l-arranġamenti li għandhom jitniżżlu mill-awtoritajiet tal-ħatra tal-istituzzjonijiet. |
|
(2) |
Mill-2004, il-Konklużjoni 221/04 tal-Kapijiet tal-amministrazzjonijiet (1) irregolat l-aċċess għal fajls mediċi u ma tippermettix aċċess dirett ta' suġġett tad-data għad-dokumenti kollha ta' natura psikjatrika jew psikoloġika li jikkonċernawhom. Dik ir-restrizzjoni ġenerali ma tinvolvix analiżi każ b'każ. |
|
(3) |
Sabiex tkun konformi mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal tali dokumenti applikati mill-Kummissjoni għandhom ikunu proporzjonati u jinvolvu analiżi każ b'każ. |
|
(4) |
Filwaqt li l-aċċess għall-fajls mediċi għandu jingħata sa fejn jista' jkun possibbli lis-suġġetti tad-data, restrizzjonijiet fuq il-bażi tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 f'xi każijiet jistgħu jkunu meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-membru tal-persunal jew tal-interessi leġittimi ta' partijiet terzi. L-uffiċjal mediku, li jaġixxi f'isem il-Kummissjoni, għandu jagħti r-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni bħal din u dawk ir-raġunijiet għandhom isiru parti mill-fajls mediċi tal-membru tal-persunal ikkonċernat. |
|
(5) |
Id-data personali hija maħżuna f'ambjenti elettroniċi siguri li jimpedixxu l-aċċess illegali jew it-trasferiment ta' data lil persuni li m'għandhomx bżonn li jkunu jafu. |
|
(6) |
Il-perjodi ta' ħażna li japplikaw għall-ipproċessar ta' fajls mediċi huma stabbiliti fil-lista komuni ta' żamma fil-livell ta' Kummissjoni għal fajls tal-Kummissjoni Ewropea (3). |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' din id-deċiżjoni. |
|
(8) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta' Diċembru 2018. |
|
(9) |
Ir-Regolament (UE) 2018/1725 jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), mingħajr ebda perjodu tranżitorju, mid-data tad-dħul fis-seħħ. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 ippreveda l-possibbiltà li jiġu applikati restrizzjonijiet għal ċerti drittijiet. Sabiex tevita li tipperikola d-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1725. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-tema u l-ambitu
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li bihom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, f'konformità mal-Artikolu 25(1)(h) ta' dak ir-Regolament.
2. Din id-Deċiżjoni tapplika għall-aċċess tad-data medika personali pproċessata mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 26a, 33, 59, 72, 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 1, 13 u 15 tal-Anness VIII tagħha, u l-Artikoli 13, 16, 28, 32, 33, 83, 91, 95, 100, 101 u 102 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra.
Artikolu 2
Restrizzjonijiet applikabbli
1. Soġġett għall-Artikoli 3 sa 5, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi, fuq bażi ta' każ b'każ, id-dritt tas-suġġetti tad-data li jkollhom aċċess dirett għal informazzjoni medika personali ta' natura psikjatrika jew psikoloġika li tikkonċernahom li tkun ipproċessata mill-Kummissjoni, fejn l-aċċess għal din id-data huwa probabbli li jirrappreżenta riskju għas-saħħa tas-suġġett tad-data. Din ir-restrizzjoni għandha tkun proporzjonata għal dak li huwa strettament neċessarju biex jiġi protett is-suġġett tad-data.
2. L-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, għandu jingħata lit-tabib tal-għażla tas-suġġett tad-data.
3. F'dawn il-każijiet, is-suġġett tad-data għandu, fuq talba, jiġi rrimborsat mis-Servizz Mediku ta' parti mill-ispiża ta' konsultazzjoni medika ta' tabib li rċieva aċċess għall-fajls mediċi li ma ġiex rimborsat mir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (JSIS). Ir-rimbors ma għandux jaqbeż id-differenza bejn il-limiti massimi previsti mid-Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni Ġenerali għar-rimbors ta' spejjeż mediċi (5) u l-ammont rimborsat għas-suġġett tad-data mir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard skont dawk ir-regoli.
4. Tali rimbors mis-Servizz Mediku għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-aċċess ma jkunx diġà ġie mogħti għall-istess data.
5. Suġġett għall-Artikoli 3 sa 5 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' trażżan, fuq bażi ta' każ b'każ u skont l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, id-dritt tas-suġġetti tad-data li jkollhom aċċess għad-data medika personali fil-pussess tagħha fejn l-eżerċizzju ta' dan id-dritt jista' jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew suġġetti oħra tad-data.
Artikolu 3
Dritt ta' aċċess skont is-suġġett tad-data
1. Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, b'mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta' aċċess għal data medika personali tas-suġġetti tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hi għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, bil-miktub, fir-risposta tagħha għat-talba għal aċċess mingħajr dewmien żejjed ta' restrizzjoni applikati u r-raġunijiet prinċipali. Il-Kummissjoni se tinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
2. L-għoti ta' informazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jista' jiġi diferit, jitħalla barra jew miċħud sakemm jibqa' jimmina l-fini tar-restrizzjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tniżżel ir-raġunijiet għal tali restrizzjoni skont l-Artikolu 5.
4. Meta d-dritt ta' aċċess ikun totalment jew parzjalment ristrett, is-suġġett tad-data għandu jeżerċita d-dritt ta' aċċess tiegħu permezz tal-intermedjarju tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont il-paragrafi 25(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Artikolu 4
Irrekordjar u reġistrazzjoni ta' restrizzjonijiet
1. Il-Kummissjoni għandha tirrekordja r-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, inkluża valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, filwaqt li tqis l-elementi rilevanti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Għal dak il-għan, ir-reġistru għandu jindika kif l-eżerċizzju tad-dritt kieku jippreżenta riskju għas-saħħa tas-suġġett tad-data jew jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.
2. Ir-reġistru u, fejn applikabbli, id-dokumenti li fihom l-elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti għandhom jiġu rreġistrati fil-fajl mediku rilevanti
Artikolu 5
Tul ta' żmien tar-restrizzjonijiet
1. Restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2 għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.
2. Meta r-raġunijiet għal restrizzjoni ma japplikawx aktar u s-suġġett tad-data reġa' saqsa għal aċċess għad-data medika personali kkonċernata, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni u tagħti r-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni lis-suġġett tad-data. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin, jew li jitlob rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 6
Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea
1. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat mingħajr dewmien żejjed kull meta d-drittijiet tas-suġġett tad-data jiġu ristretti f'konformità ma' din id-Deċiżjoni. Fuq talba, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jingħata aċċess għar-reġistru u għal kwalunkwe dokument li fih elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti.
2. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista' jitlob rieżami tar-restrizzjoni. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-11 ta' Diċembru 2018.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Jannar 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) Din il-konklużjoni ġiet approvata mill-Kapijiet tal-Amministrazzjoni matul il-236 laqgħa tagħhom fid-19 ta' Frar 2004.
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(3) Il-lista komuni ta' żamma fil-livell ta' Kummissjoni għal fajls tal-Kummissjoni Ewropea SEC (2007) 970 tal-4 ta' Lulju 2007 aġġornata u kompluta minn SEC (2012) 713 tas-17 ta' Diċembru 2012.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3195 tat-2 ta' Lulju 2007 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali ta' implimentazzjoni għar-rimbors ta' spejjeż mediċi.