|
30.1.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 26/10 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/142
tad-29 ta' Jannar 2019
dwar ir-rikonoxximent tal-“Protokoll tal-Istati Uniti dwar l-Assigurazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Fażola tas-Sojja” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 7c(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (2), u b'mod partikolari t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 18(4) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Artikoli 7b u 7c u l-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikoli 17 u 18 u l-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE jistipulaw kriterji simili ta' sostenibbiltà għall-bijofjuwils u għall-bijolikwidi, u proċeduri simili għall-verifika tal-konformità tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi ma' dawk il-kriterji. |
|
(2) |
Fejn il-bijofjuwils u l-bijolikwidi jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, l-Istati Membri jridu jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jissodisfaw il-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ta' dik id-Direttiva. |
|
(3) |
It-talba għal rikonoxximent li l- “Protokoll tal-Istati Uniti dwar l-Assigurazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Fażola tas-Sojja” juri li l-konsenji tal-bijofjuwils huma konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fil-15 ta' Novembru 2018. L-iskema hija bbażata f'16305 Swingley Ridge Road, Suite 200 Chesterfield, MO 63017, l-Istati Uniti. Tkopri l-fażola tas-sojja prodotta fl-Istati Uniti u l-katina tal-kustodja mill-azjendi agrikoli li jipproduċu l-fażola tas-sojja sal-post fejn jiġu esportati. |
|
(4) |
Waqt li kienet qiegħda tivvaluta l- “Protokoll tal-Istati Uniti dwar l-Assigurazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Fażola tas-Sojja”, il-Kummissjoni sabet li l-iskema tkopri b'mod adegwat il-kriterji kollha ta' sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE, u li din tuża sistema tal-bilanċ tal-massa skont l-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE. |
|
(5) |
Il-valutazzjoni tal- Il-valutazzjoni tal-“Protokoll tal-Istati Uniti dwar l-Assigurazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Fażola tas-Sojja” sabet li dan jissodisfa standards adegwati ta' affidabbiltà, ta' trasparenza u ta' awditjar indipendenti u jikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u tal-Bijolikwidi, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il- “Protokoll tal-Istati Uniti dwar l-Assigurazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Fażola tas-Sojja” (“l-iskema”), li fil-15 ta' Novembru 2018 ġie ppreżentat lill-Kummissjoni għal rikonoxximent, juri li l-konsenji tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi prodotti skont l-istandards għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi stabbiliti fl-iskema huma konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.
L-iskema fiha wkoll data preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-emissjonijiet annwalizzati mill-bidliet fil-ħażniet tal-karbonju kkawżati minn tibdil fl-użu tal-art (e l ) imsemmija fil-punt 1 tal-parti C tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fil-punt 1 tal-parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE, li turi li huma ugwali għal żero.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla fil-kontenut tal-iskema, kif ippreżentata lill-Kummissjoni għal rikonoxximent fil-15 ta' Novembru 2018, li tista' taffettwa l-bażi ta' din id-Deċiżjoni.
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-bidliet innotifikati bil-ħsieb li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha tkopri b'mod adegwat il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.
Artikolu 3
Il-Kummissjoni tista' tħassar din id-Deċiżjoni, fost affarijiet oħra, fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
|
(a) |
jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma timplimentax elementi kkunsidrati bħala importanti għal din id-Deċiżjoni jew jekk ikun twettaq ksur serju u strutturali ta' dawk l-elementi; |
|
(b) |
jekk l-iskema ma tippreżentax rapporti annwali lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7c(6) tad-Direttiva 98/70/KE u skont l-Artikolu 18(6) tad-Direttiva 2009/28/KE; |
|
(c) |
jekk l-iskema ma timplimentax l-istandards ta' awditjar indipendenti speċifikati permezz tal-atti ta' implimentazzjoni skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 7c(5) tad-Direttiva 98/70/KE u fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2009/28/KE jew ma twettaqx titjib f'elementi oħra tal-iskema kkunsidrati bħala importanti għal rikonoxximent kontinwu. |
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2021.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Jannar 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER