28.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/26


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/119

tal-24 ta' Jannar 2019

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE fir-rigward tad-data stipulata fl-Artikolu 21(3) sa meta l-Istati Membri huma awtorizzati jestendu l-validità tad-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tal-patata taż-żrigħ minn pajjiżi terzi

(notifikata bid-dokument C(2019) 247)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żrigħ (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/56/KE tistipula li, b'effett minn ċerti dati, l-Istati Membri ma jistgħux ikomplu jiddeterminaw għalihom infushom l-ekwivalenza ta' patata taż-żrigħ li tkun ġejja minn pajjiżi terzi ma' patata taż-żrigħ li tinħasad fl-Unjoni u konformi ma' dik id-Direttiva.

(2)

Madankollu, billi għadha ma tlestietx il-ħidma għat-twaqqif ta' ekwivalenza tal-Unjoni għall-patata taż-żrigħ mill-pajjiżi terzi kollha kkonċernati, id-Direttiva 2002/56/KE awtorizzat lill-Istati Membri jestendu, sal-31 ta' Marzu 2017, il-validità tad-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza li kienu diġà ħadu għall-patata taż-żrigħ minn ċerti pajjiżi terzi mhux koperti minn ekwivalenza tal-Unjoni. Din id-data ntgħażlet b'referenza għat-tmiem tal-perjodu fejn il-patata taż-żrigħ titqiegħed fis-suq.

(3)

Billi dan ix-xogħol għadu ma tlestiex u sal-aħħar tal-2018 se jibda staġun tas-suq ġdid, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiġu awtorizzati jestendu l-validità tad-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza nazzjonali tagħhom. L-awtorizzazzjoni jenħtieġ li ddum sal-31 ta' Marzu 2024 sabiex tippermetti biżżejjed żmien biex tiġi stabbilita din l-ekwivalenza tal-Unjoni. Dan huwa skont id-data adottata fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/778/UE (2).

(4)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva 2002/56/KE tiġi emendata kif xieraq.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal Propagattiv għall-Agrikultura, l-Ortikultura u l-Forestrija,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2002/56/KE, id-data “31 ta' Marzu 2017” tinbidel bil-“31 ta' Marzu 2024”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 60.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/778/UE tat-28 ta' Novembru 2011 li tawtorizza lil ċerti Stati Membri jipprevedu derogi temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward ta' patata għaż-żrigħ li toriġina minn ċerti provinċji tal-Kanada (ĠU L 317, 30.11.2011, p. 37).