24.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 21/64


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/105

tal-20 ta' Diċembru 2018

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta' Iżrael, mill-parti l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Iżrael

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta' Iżrael, mill-parti l-oħra (1), daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2000.

(2)

Skont l-Artikolu 69 tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa.

(3)

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jadotta r-rakkomandazzjoni dwar l-estensjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Iżrael, permezz ta' proċedura bil-miktub.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni peress li r-rakkomandazzjoni se jkollha effetti legali.

(5)

L-estensjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Iżrael bi tliet snin se tagħti opportunità sħiħa lill-Partijiet biex jagħmlu progress fil-kooperazzjoni tagħhom fis-snin li ġejjin, inkluż permezz tal-possibbiltà li jiġu negozjati prijoritajiet ta' sħubija,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta' Iżrael, mill-parti l-oħra, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KÖSTINGER


(1)   ĠU L 147, 21.6.2000, p. 3.


ABBOZZ

RAKKOMANDAZZJONI Nru 1/2018 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-IŻRAEL

ta' …

li tapprova l-estensjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Iżrael

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-IŻRAEL,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta' Iżrael, mill-parti l-oħra (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Istat ta' Iżrael, mill-parti l-oħra (il-“Ftehim Ewro-Mediterranju”), ġie ffirmat fi Brussell fl-20 ta' Novembru 1995 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2000.

(2)

L-Artikolu 69 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa.

(3)

L-Artikolu 10 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jipprevedi l-possibbiltà li jittieħdu deċiżjonijiet jew isiru rakkomandazzjonijiet permezz ta' proċedura bil-miktub bejn is-sessjonijiet jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan.

(4)

L-estensjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Iżrael bi tliet snin se tagħti l-opportunità lill-Partijiet biex ikomplu jagħmlu progress fil-kooperazzjoni tagħhom fis-snin li ġejjin, inkluż permezz tal-possibbiltà li jiġu negozjati prijoritajiet ta' sħubija,

ADOTTA R-RAKKOMANDAZZJONI LI ĠEJJA:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, permezz ta' proċedura bil-miktub, jirrakkomanda li l-Pjan ta' Azzjoni UE-Iżrael jiġi estiż bi tliet snin mid-data tal-adozzjoni tal-estensjoni.

Artikolu 2

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha ssir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, […].

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael

Il-President


(1)   ĠU L 147, 21.6.2000, p. 3.