21.1.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 18/36 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/80
tal-20 ta' Diċembru 2018
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta' St Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Bid-Deċiżjoni tiegħu 2009/901/KE (2), il-Kunsill ikkonkluda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (3) (“il-Ftehim”). Il-Ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini tal-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' tliet xhur matul perjodu ta' sitt xhur. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) introduċa bidliet orizzontali fl-acquis tal-Unjoni dwar il-viża u l-fruntieri u ddefinixxa soġġorn għal perjodu qasir bħala massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. |
(3) |
Huwa neċessarju li din id-definizzjoni l-ġdida tiġi inkorporata fil-Ftehim sabiex jarmonizza ir-reġim ta' soġġorn għal perjodu qasir tal-Unjoni jkun armonizzat kompletament. |
(4) |
Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem l-Unjoni, ftehim mal-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (il-“Ftehim emendatorju”). |
(5) |
F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2086 (5), il-Ftehim emendatorju ġie ffirmat. |
(6) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (6); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(7) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (7); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(8) |
Jenħtieġ li l-Ftehim emendatorju jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim emendatorju huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 2 tal-Ftehim emendatorju (8).
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Diċembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
E. KÖSTINGER
(1) Il-kunsens ingħata fit-23 ta' Ottubru 2018.
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/901/KE: tat- 30 Novembru 2009 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir (ĠU L 321, 8.12.2009, p. 43).
(3) ĠU L 169, 30.6.2009, p. 38.
(4) Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal- fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 1).
(5) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2086 tas-6 ta' Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (ĠU L 297, 15.11.2017, p. 7).
(6) Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(7) Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(8) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim emendatorju ser tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
ANNESS
Dikjarazzjoni tal-Unjoni dwar id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2017/2226 li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) u l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ
Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 daħal fis-seħħ fid-29 ta' Diċembru 2017.
Bħala konsegwenza, sa mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 (1), għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ ser tfisser l-Istati Membri li joperaw is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ fil-fruntieri esterni. Il-perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum ser jiġi kkalkulat b'kont meħud tal-perijodu ta' soġġorn fl-Istati Membri kollha li joperaw is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ fil-fruntieri esterni.
(1) Id-data tal-applikazzjoni ser tiġi deċiża mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2017/2226.