17.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 327/99


DEĊIŻJONI (UE) 2019/2158 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta’ Diċembru 2019

dwar il-metodoloġija u l-proċeduri għad-determinazzjoni u l-ġbir ta’ data dwar il-fatturi tariffarji użati għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali (BĊE/2019/38)

(riformulazzjoni)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 30 tiegħu,

Billi:

(1)

Għandhom isiru numru ta’ emendi għad-Deċiżjoni (UE) 2015/530 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/7) (2). Fl-interess taċ-ċarezza, dik id-Deċiżjoni għandha tiġi riformulata.

(2)

Skont l-Artikolu 10(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/41) (3), il-fatturi tariffarji użati għad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja annwali individwali li titħallas fir-rigward ta’ kull entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni għandhom ikunu l-ammont fid-data ta’ referenza ta’: (i) assi totali; u (ii) iskopertura totali għar-riskju.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) kien jeħtieġ li l-BĊE jwettaq rieżami ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-metodoloġija u l-kriterji għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali li għandhom jiġu imposti fuq kull entità taħt superviżjoni u grupp taħt superviżjoni, sal-2017. Il-BĊE nieda konsultazzjoni pubblika u, wara li kkunsidra r-risposti li rċieva, iddeċieda li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) biex jintroduċi qafas rivedut dwar it-tariffi superviżorji. Id-Deċiżjoni (UE) 2015/530 (BĊE/2015/7) tistabbilixxi proċeduri aktar dettaljati dwar il-metodoloġija u l-proċeduri għad-determinazzjoni u l-ġbir ta’ data dwar il-fatturi tariffarji użati għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali.

(4)

Skont il-qafas rivedut skont ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41), bħala regola ġenerali, id-data ta’ referenza għall-fatturi tariffarji għandha tibqa’ l-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perjodu tariffarju li għalih jiġu kkalkulati t-tariffi superviżorji. Dan jippermetti li l-informazzjoni superviżorja diġà disponibbli għall-BĊE skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/29 (4) u skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (5) (rappurtar komuni (COREP) u rappurtar finanzjarju (FINREP)) u skont ir-Regolament (UE) 2015/534 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/13) (6) (FINREP) tintuża fil-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali għall-maġġoranza tad-debituri tariffarji.

(5)

L-entitajiet u l-gruppi taħt superviżjoni li mhumiex soġġetti għal rappurtar obbligatorju għal finijiet prudenzjali jew gruppi taħt superviżjoni li jeskludu assi u/jew l-ammont ta’ skopertura għar-riskju ta’ sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi għandhom ikomplu jirrappurtaw il-fatturi tariffarji b’mod separat għall-finijiet tal-kalkolu tat-tariffi superviżorji. L-Artikolu 10(3)(bd) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) jipprovdi li dawk il-fatturi tariffarji għandhom jiġu sottomessi lill-ANK ikkonċernata, bid-data ta’ referenza rilevanti, skont deċiżjoni tal-BĊE.

(6)

Id-debituri tariffarji li jridu jkomplu jirrappurtaw separatament għandhom jissottomettu l-fatturi tariffarji lill-awtorità nazzjonali kompetenti (ANK) rilevanti billi jużaw il-mudelli stabbiliti fl-Annessi I u II. Fil-każ ta’ gruppi taħt superviżjoni b’sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi, id-debituri tariffarji għandhom jipprovdu spjegazzjoni tal-metodu użat għad-determinazzjoni tal-fatturi tariffarji.

(7)

Għandha tiġi żgurata konsistenza bejn id-determinazzjoni ta’ fatturi tariffarji ta’ debituri tariffarji li għalihom il-BĊE diġà jirċievi informazzjoni superviżorja permezz ta’ COREP u FINREP u l-fatturi tariffarji ta’ debituri tariffarji li għandhom jirrappurtaw informazzjoni separatament għall-fini tal-kalkolu tat-tariffi superviżorji.

(8)

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-fatturi tariffarji, l-Artikolu 10(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) jipprevedi l-possibbiltà li jiġu esklużi assi u/jew l-ammont ta’ skopertura għar-riskju ta’ sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi. Dawk id-debituri tariffarji għandhom jinnotifikaw lill-BĊE dwar jekk għandhomx l-intenzjoni li jeskludu l-kontribuzzjoni ta’ sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi għal tip wieħed mill-fatturi tariffarji jew għat-tnejn. L-iskadenza għas-sottomissjoni tan-notifika għandha tkun konsistenti mal-qafas rivedut għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji.

(9)

Il-maġġoranza tal-friegħi li jħallsu tariffa vvalutaw li l-obbligu li tiġi pprovduta verifika mill-awditur bħala mezz ta’ ċertifikazzjoni tal-assi totali tal-fergħa għall-finijiet tal-kalkolu tat-tariffa superviżorja huwa sproporzjonat fir-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41). Huwa biżżejjed li l-friegħi li jħallsu tariffa jissottomettu lill-ANK rilevanti ittra mill-maniġment li tiċċertifika l-assi totali tal-fergħa.

(10)

L-Artikolu 10(5) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) jipprovdi li, f’każ li debitur tariffarju jonqos milli jipprovdi l-fatturi tariffarji, il-BĊE għandu jiddetermina l-fatturi tariffarji skont deċiżjoni tal-BĊE.

(11)

Din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi l-metodoloġija u l-proċeduri għad-determinazzjoni u l-ġbir tad-data dwar il-fatturi tariffarji, kif ukoll il-proċeduri għas-sottomissjoni ta’ fatturi tariffarji minn debituri tariffarji li għandhom ikomplu jirrappurtaw separatament għall-fini tal-kalkolu tat-tariffi superviżorji u mill-ANK lill-BĊE. B’mod partikolari, għandhom jiġu speċifikati l-format, il-frekwenza u l-iskeda taż-żmien ta’ tali sottomissjoni, kif ukoll it-tipi ta’ kontrolli tal-kwalità li l-ANK għandhom iwettqu qabel ma jippreżentaw il-fatturi tariffarji lill-BĊE.

(12)

Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita proċedura sabiex isiru emendi tekniċi għall-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni b’mod effettiv, kemm-il darba dawk l-emendi la jbiddlu l-qafas kunċettwali sottostanti u lanqas ma jaffettwaw il-piż tar-rappurtar. L-ANK jistgħu jipproponu emendi tekniċi bħal dawn lill-Kumitat tal-Istatistika tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), li l-fehma tiegħu titqies meta tiġi segwita din il-proċedura.

(13)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mal-qafas rivedut għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41), li jipprovdi arranġamenti tranżitorji fir-rigward tal-perjodu tariffarju tal-2020, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-bidu tal-2020,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-metodoloġija u l-proċeduri għad-determinazzjoni u l-ġbir ta’ data dwar il-fatturi tariffarji użati għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali li għandhom jiġu imposti fir-rigward ta’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) u s-sottomissjoni tal-fatturi tariffarji mid-debituri tariffarji msemmija fl-Artikolu 10(3)(bd) ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll proċeduri għas-sottomissjoni ta’ tali data mill-ANK lill-BĊE.

Din id-Deċizjoni tapplika għad-debituri tariffarji u għall-ANK.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) għandhom japplikaw, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, flimkien mad-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“jum ta’ xogħol” tfisser jum li ma jkunx is-Sibt, il-Ħadd jew festa pubblika fl-Istat Membru fejn l-ANK rilevanti tkun stabbilita;

2.

“korp maniġerjali” tfisser korp maniġerjali kif iddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

Artikolu 3

Metodoloġija għad-determinazzjoni tal-fatturi tariffarji

1.   Għal entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni li huma soġġetti għal rappurtar obbligatorju għal skopijiet prudenzjali u gruppi taħt superviżjoni li ma nnotifikawx lill-BĊE skont l-Artikolu 4 bid-deċiżjoni tagħhom li jeskludu assi u/jew l-ammont ta’ skopertura għar-riskju ta’ sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi, il-BĊE għandu jiddetermina l-fatturi tariffarji rispettivi skont dan li ġej.

(a)

L-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju għad-data ta’ referenza rilevanti speċifikata fl-Artikolu 10(3)(ba) jew (bc) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) għandu jiġi ddeterminat b’referenza għall-mudell ta’ “rekwiżiti ta’ fondi proprji” tar-rappurtar komuni (COREP) stabbilit fl-Anness I għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 (minn hawn ’il quddiem “il-mudell tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji”) kif sottomess mill-ANK lill-BĊE skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/29. Għal fergħa li tħallas tariffa u żewġ friegħi jew aktar li jħallsu tariffa li jitqiesu li huma fergħa waħda f’konformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41), l-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju għandu jkun żero.

(b)

L-assi totali għad-data ta’ referenza rilevanti speċifikati fl-Artikolu 10(3)(ba), (bb) jew (bc) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) għandhom ikunu determinati b’referenza għall-mudelli tar-“Rapport tal-Karta tal-Bilanċ: assi” tar-rappurtar finanzjarju (FINREP) stabbiliti fl-Annessi III u IV għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014; u l-mudelli tar-“Rapport tal-Karta tal-Bilanċ: assi” stabbiliti fl-Annessi I, II, IV u V u l-punti tad-data ta’ rappurtar finanzjarju superviżorju stabbiliti fl-Anness III għar-Regolament (UE) 2015/534 (BĊE/2015/13) kif sottomessi mill-ANK lill-BĊE skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/29 u r-Regolament (UE) 2015/534 (BĊE/2015/13). Fil-każ ta’ fergħa li tħallas tariffa, il-maniġer ta’ dik il-fergħa jew, jekk il-maniġer ma jkunx disponibbli, il-korp maniġerjali tal-istituzzjoni ta’ kreditu li jistabbilixxi l-fergħa li tħallas tariffa għandu jiċċertifika l-assi totali tal-fergħa li tħallas tariffa permezz ta’ ittra tal-maniġment sottomessa lill-ANK rilevanti.

2.   Għal gruppi taħt superviżjoni li jkunu soġġetti għal rappurtar obbligatorju għal finijiet prudenzjali u li jinnotifikaw lill-BĊE skont l-Artikolu 4 bid-deċiżjoni tagħhom li jeskludu assi u/jew l-ammont ta’ skopertura għar-riskju ta’ sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi, il-BĊE għandu jiddetermina l-fatturi tariffarji rispettivi fuq il-bażi tad-data kkalkulata minn dawk il-gruppi taħt superviżjoni skont il-punti (a) u (b) li ġejjin u sottomessi minnhom lill-ANK rilevanti skont l-Artikolu 5.

(a)

L-iskopertura totali għar-riskju għad-data ta’ referenza rilevanti speċifikata fl-Artikolu 10(3)(ba) jew (bc) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) għandha tiġi ddeterminata b’referenza għall-mudell tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, li minnhom għandu jitnaqqas dan li ġej:

(i)

il-kontribuzzjoni għall-iskopertura totali għar-riskju tal-grupp ta’ dawk is-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi kif irrapportat fil-mudell tas-“solvenza tal-grupp: informazzjoni dwar l-affiljati” tal-COREP stabbilit fl-Anness I għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 (iktar ’il quddiem il-“mudell tas-solvenza tal-grupp: informazzjoni dwar l-affiljati”); u

(ii)

il-kontribut tal-iskopertura totali għar-riskju tal-grupp ta’ dawk is-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi mhux inklużi fil-mudell tas-solvenza tal-grupp: informazzjoni dwar l-affiljati u kif irrappurtat skont l-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

(b)

L-assi totali għad-data ta’ referenza rilevanti speċifikati fl-Artikolu 10(3)(ba), (bb) jew (bc) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) għandhom jiġu ddeterminati permezz tal-aggregazzjoni tal-assi totali żvelati fir-rapporti finanzjarji statutorji tal-entitajiet kollha taħt superviżjoni stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti fi ħdan il-grupp taħt superviżjoni jekk disponibbli, jew inkella permezz tal-aggregazzjoni tal-assi totali ddikjarati fil-pakkett(i) ta’ rappurtar rilevanti użat(i) mill-entitajiet taħt superviżjoni jew grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jħallsu t-tariffi għat-tħejjija ta’ kontijiet ikkonsolidati fil-livell tal-grupp. Biex jiġi evitat l-għadd doppju, id-debitur tariffarju għandu l-opzjoni li jelimina l-pożizzjonijiet intragrupp fost l-entitajiet kollha taħt superviżjoni li huma stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti. Kwalunkwe avvjament inkluż fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tal-impriża omm ta’ grupp taħt superviżjoni għandu jiġi inkluż fl-aggregazzjoni; l-esklużjoni ta’ avvjament allokat lil sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi hija fakultattiva. Meta debitur tariffarju juża dikjarazzjonijiet finanzjarji statutorji, awditur għandu jiċċertifika li l-assi totali jikkorrispondu għall-assi totali żvelati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji statutorji awditjati tal-entitajiet taħt supeviżjoni individwali. Meta debitur tariffarju juża pakketti ta’ rappurtar, awditur għandu jiċċertifika l-assi totali użati għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali billi jwettaq verifika xierqa tal-pakketti ta’ rappurtar użati. Fi kwalunkwe każ, l-awditur għandu jikkonferma li l-proċess ta’ aggregazzjoni ma jiddevjax mill-proċedura stipulata f’din id-Deċiżjoni u li l-kalkolu mwettaq mid-debitur tariffarju huwa koerenti mal-metodu ta’ kontabilità użat għall-konsolidazzjoni tal-kontijiet tal-grupp ta’ entitajiet li jħallsu tariffa.

3.   Għal entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni li mhumiex soġġetti għal rappurtar obbligatorju għal finijiet prudenzjali, l-assi totali u l-iskopertura totali għar-riskju, kif iddefinit skont l-Artikolu 2, il-punti 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41), għad-data ta’ referenza rilevanti speċifikata fl-Artikolu 10(3)(ba), 10(3)(bb) jew 10(3)(bc) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) għandhom jiġu ddeterminati minnhom u jiġu sottomessi lill-ANK rilevanti skont l-Artikolu 5. Fil-każ ta’ fergħa li tħallas tariffa, il-maniġer ta’ dik il-fergħa jew, jekk il-maniġer ma jkunx disponibbli, il-korp maniġerjali tal-istituzzjoni ta’ kreditu li jistabbilixxi l-fergħa li tħallas tariffa għandu jiċċertifika l-assi totali tal-fergħa li tħallas tariffa permezz ta’ ittra tal-maniġment sottomessa lill-ANK rilevanti.

Artikolu 4

Notifika ta’ tnaqqis tal-assi u/jew l-ammont ta’ skopertura għar-riskju ta’ sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi

Debituri tariffarji li jkollhom l-intenzjoni li jeskludu assi u/jew l-ammont ta’ skopertura għar-riskju ta’ sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi skont l-Artikolu 10(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) għandhom jinnotifikaw lill-BĊE dwar id-deċiżjoni tagħhom sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru tal-perjodu tariffarju li għalih tiġi kkalkulata t-tariffa. In-notifika għandha tindika jekk it-tnaqqis tal-kontribuzzjoni ta’ sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi għandux japplika għall-fattur tat-tariffa tal-iskopertura totali għar-riskju, il-fattur tat-tariffa tal-assi totali jew għat-tnejn. Jekk il-BĊE ma jkunx irċieva tali notifika sat-30 ta’ Settembru tal-perjodu tariffarju li għalih tiġi kkalkulata t-tariffa, l-iskopertura totali għar-riskju u l-assi totali għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 3(1). Jekk aktar minn notifika waħda tasal għand il-BĊE fil-ħin, l-aħħar notifika riċevuta mill-BĊE sat-30 ta’ Settembru tal-perjodu tariffarju li għalih tiġi kkalkulata t-tariffa għandha tipprevali.

Artikolu 5

Mudelli għar-rappurtar tal-fatturi tariffarji lill-ANK mid-debituri tariffarji

1.   Id-debituri tariffarji li l-fatturi tariffarji tagħhom jiġu ddeterminati skont l-Artikolu 3(2) jew (3) għandhom jissottomettu l-fatturi tariffarji kull sena lill-ANK rilevanti sad-dati ta’ rimessa speċifikati fl-Artikolu 6. Il-fatturi tariffarji għandhom jiġu sottomessi billi jintużaw il-mudelli fl-Annessi I u II. Fil-każ ta’ grupp taħt superviżjoni b’sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi, id-debitur tariffarju għandu jipprovdi spjegazzjoni tal-metodu użat biex jikkonforma mal-Artikolu 3(2) jew (3) fil-kolonna tal-kummenti allokati għal dan il-għan fl-Anness rilevanti.

2.   Id-debituri tariffarji għandhom jissottomettu d-dikjarazzjoni tal-awditur jew l-ittra tal-maniġment skont l-Artikolu 3(2) u (3) lill-ANK rilevanti sad-dati ta’ rimessa speċifikati fl-Artikolu 6.

Artikolu 6

Dati ta’ rimessa

1.   Id-debituri tariffarji li l-fatturi tariffarji tagħhom jiġu ddeterminati skont l-Artikolu 3(2) u (3) għandhom jipprovdu l-fatturi tariffarji lill-ANK rilevanti sa tmiem il-jum ta’ xogħol fid-data ta’ rimessa għar-rappurtar trimestrali għat-tielet trimestru speċifikat fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 tal-perjodu tariffarju li għalih tiġi kkalkulata t-tariffa jew fil-jum ta’ xogħol li jmiss jekk id-data ta’ rimessa ma tkunx jum ta’ xogħol.

2.   L-ANK għandhom jissottomettu lill-BĊE il-fatturi tariffarji msemmija fil-paragrafu 1 sa mhux aktar tard minn tmiem l-10 jum ta’ xogħol wara d-data ta’ rimessa speċifikata fil-paragrafu 1. Minn hemm’ il quddiem, il-BĊE għandu jivverifika d-data li jkun irċieva fi żmien ħmistax-il jum ta’ xogħol minn meta tasal. L-ANK għandhom jispjegaw jew jikkjarifikaw id-data, jekk jintalbu jagħmlu dan mill-BĊE.

3.   Il-BĊE għandu jagħti lil kull debitur tariffarju aċċess għall-fatturi tariffarji tiegħu sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara l-perjodu tariffarju. Id-debituri tariffarji għandhom jingħataw perjodu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol li fih jistgħu jikkummentaw dwar il-fatturi tariffarji u jissottomettu data riveduta għall-kunsiderazzjoni, f’każ li jqisu li l-fatturi tariffarji ma jkunux korretti. Dan il-perjodu għandu jibda fil-jum li fih id-debituri tariffarji kellhom il-possibbiltà li jaċċessaw il-fatturi tariffarji. Wara dan, il-fatturi tariffarji għandhom jiġu applikati għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali. Kwalunkwe bidla fid-data li tasal wara dak il-perjodu ma titqiesx u għalhekk ma tirriżultax f’bidla fil-fatturi tariffarji.

Artikolu 7

Kontrolli tal-kwalità tad-data

L-ANK għandhom jimmonitorjaw u jiżguraw il-kwalità u l-affidabbiltà tal-fatturi tariffarji miġbura mingħand id-debituri tariffarji skont l-Artikolu 3(2) u (3) qabel ma jissottomettuhom lill-BĊE. L-ANK għandhom iwettqu kontroll tal-kwalità biex jivvalutaw jekk il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 3 ġietx segwita. Il-BĊE ma għandux jikkoreġi jew jimmodifika data dwar il-fatturi tariffarji pprovduti mid-debituri tariffarji. Kwalunkwe korrezzjoni jew modifika għad-data għandha ssir mid-debituri tariffarji u tiġi sottomessa minnhom lill-ANK. L-ANK għandhom jissottomettu lill-BĊE kwalunkwe data kkoreġuta jew immodifikata li huma jirċievu. Meta jissottomettu data dwar il-fatturi tariffarji, l-ANK għandhom: (a) jipprovdu informazzjoni dwar kwalunkwe żvilupp sinifikanti implikat minn dik id-data; u (b) jikkomunikaw lill-BĊE ir-raġunijiet għal kwalunkwe korrezzjoni jew modifika sinifikanti għaliha. L-ANK għandhom jiżguraw li l-BĊE jikseb il-korrezzjonijiet jew il-modifiki meħtieġa għad-data.

Artikolu 8

Id-determinazzjoni tal-fatturi tariffarji mill-BĊE jekk il-fatturi tariffarji ma jkunux disponibbli jew jekk ma jiġux sottomessi korrezzjonijiet jew modifiki

Fil-każ li fattur tariffarju ma jkunx disponibbli għall-BĊE jew id-debitur tariffarju ma jkunx issottometta data riveduta jew modifiki jew korrezzjonijiet tad-data fil-ħin rigward il-fatturi tariffarji f’konformità mal-Artikoli 6(3) jew 7, il-BĊE għandu juża l-informazzjoni disponibbli biex jiddetermina l-fattur tariffarju nieqes.

Artikolu 9

Proċedura ta’ emenda simplifikata

Filwaqt li jqis il-fehmiet tal-Kumitat tal-Istatistika, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu jkun intitolat li jagħmel emendi tekniċi għall-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni, sakemm dawk l-emendi la jbiddlu l-qafas kunċettwali sottostanti u lanqas ma jaffettwaw il-piż ta’ rappurtar fuq id-debituri tariffarji. Il-Bord Eżekuttiv għandu jinforma lill-Kunsill Governattiv bi kwalunkwe emenda bħal din mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 10

Revoka

1.   Id-Deċiżjoni (UE) 2015/530 (BĊE/2015/7) qiegħda tiġi rrevokata.

2.   Referenzi għad-Deċiżjoni rrevokata għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għanda tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/530 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta’ Frar 2015 dwar il-metodoloġija u l-proċeduri għad-determinazzjoni u l-ġbir ta’ data dwar fatturi tariffarji użati għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali (BĊE/2015/7) (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 67).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2014/41) (ĠU L 311, 31.10.2014, p. 23).

(4)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/29 tat-2 ta’ Lulju 2014 dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ data superviżorja rrapporata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni skont ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 u (UE) 2016/2070 (ĠU L 214, 19.7.2014, p. 34).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta’ istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2015/534 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Marzu 2015 dwar ir-rapportar ta’ informazzjoni finanzjarja superviżorja (BĊE/2015/13) (ĠU L 86, 31.3.2015, p. 13).

(7)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338)


ANNESS I

 

KALKOLU TAT-TARIFFI

Data ta’ referenza

 

ISEM

 

 

SKOPERTURA TOTALI GĦAR-RISKJU

Data ta’ sottomissjoni

 

Kodiċi MFI

 

 

 

 

 

Kodiċi LEI

 

 

 

 

 

 

 


Partita

 

Tip ta’ istituzzjoni

Sors għall-ammont ta’ skopertura għar-riskju

Ammont ta’ skopertura għar-riskju

Kummenti

 

 

10

20

30

40

10

SKOPERTURA TOTALI GĦAR-RISKJU kif ikkalkulata skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(1), (2) jew (3)

COREP C 02.00, ringiela 010

 

 

20

KONTRIBUZZJONI TA’ SUSSIDJARJI fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi

 

COREP C 06.02, kol 250 (SUM)

 

 

1021

Entità 1

 

 

 

 

1022

Entità 2

 

 

 

 

1023

Entità 3

 

 

 

 

1024

Entità 4

 

 

 

 

.....

Entità...

 

 

 

 

N

Entità N

 

 

 

 

30

AMMONT TAL-ISKOPERTURA TOTALI GĦAR-RISKJU tal-grupp taħt superviżjoni bit-tnaqqis tal-KONTRIBUZZJONI TAS-SUSSIDJARJI fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi: Il-partita 030 hija ugwali għal 010 nieqes 020 nieqes it-total tal-partiti 1021 sa N

 

 

 

 

Kun ċert li dan il-mudell jimtela skont l-istruzzjonijiet ipprovduti separatament.


ANNESS II

 

KALKOLU TAT-TARIFFI

Data ta’ referenza

 

ISEM

 

 

ASSI TOTALI

Data ta’ sottomissjoni

 

Kodiċi MFI

 

 

 

 

 

Kodiċi LEI

 

 

 

 

 

 

 


Partita

 

Tip ta’ istituzzjoni

Konferma tal-verifika tal-awditur jew tal-ittra tal-maniġment għall-friegħi li jħallsu t-tariffi (Iva/Le)

Assi totali

Kummenti

 

 

010

020

030

040

010

ASSI TOTALI skont l-Artikolu 51(2) jew (4) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17)

(3)

 

 

 

020

ASSI TOTALI skont l-Artikolu 2, punt (12)(b) jew (c) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41)

(4)

(Iva)/(Le)

 

 

030

ASSI TOTALI skont l-Artikolu 3(2)(b) ta’ din id-Deċiżjoni: Il-partita 030 hija ugwali għal 031 nieqes 032 u 033 nieqes 034

(2) jew (5)

(Iva)/(Le)

 

 

031

Assi totali tal-entitajiet kollha tal-grupp stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti —obbligatorji

 

 

 

 

032

Pożizzjonijiet intragrupp fost entitajiet taħt superviżjoni stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti (minn pakketti ta’ rappurtar użati għall-eliminazzjoni ta’ bilanċi għal skopijiet ta’ rappurtar tal-grupp) —mhux obbligatorji

 

 

 

 

033

Avvjament inkluż fir-rapporti finanzjarji kkonsolidati tal-impriża omm ta’ grupp taħt superviżjoni —obbligatorji

 

 

 

 

034

Avvjament allokat lil sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi —mhux obbligatorji

 

 

 

 

Kun ċert li dan il-mudell jimtela skont l-istruzzjonijiet ipprovduti separatament.


ANNESS III

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Deċiżjoni (UE) 2015/530 (BĊE/2015/7)

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 4

Artikolu 3, l-ewwel sentenza

Artikolu 3, second sentenza

Artikolu 3, it-tielet sentenza

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 5(1), it-tieni sentenza

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(1), it-tielet sentenza

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 5(1), l-ewwel sentenza

Artikolu 7

Artikolu 3

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Annessi I–II

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Annessi I–II

Anness III