11.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 234/1


Dikjarazzjonijiet relatati mad-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (1)

(2019/C 234/01)

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Artikolu 9

Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih li, kontra l-proposta oriġinali, id-Direttiva ma tinkludix regoli dwar skadenzi preċiżi u kanali tal-IT għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja ta’ Stati Membri differenti. Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih ukoll li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu ġie limitat għal każijiet ta’ terroriżmu u kriminalità organizzata assoċjata mat-terroriżmu, u ma jkoprix, kif oriġinarjament propost, kull tip ta’ reat kriminali serju, li jista’ jkollu wkoll effetti detrimentali serji fuq is-soċjetajiet tagħna. Il-Parlament Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid din il-kwistjoni bħala parti mir-rapporti tagħha fuq l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus, u speċifikament bħala parti mill-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 21. Il-Parlament Ewropew se jsegwi u janalizza mill-qrib dawk ir-rapporti u l-valutazzjonijiet u, jekk meħtieġ, se joħroġ bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu stess.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

B’rabta mal-Artikolu 9 tad-Direttiva, il-Kummissjoni jiddispjaċiha li, għall-kuntrarju tal-proposta oriġinali tagħha, id-Direttiva ma tinkluix regoli dwar skadenzi preċiżi u kanali tal-IT għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja ta’ Stati Membri differenti. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha wkoll li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu ġie limitat għal każijiet ta’ terroriżmu u kriminalità organizzata assoċjata mat-terroriżmu, u ma jkoprix it-tipi kollha ta’ reati kriminali serji, kif oriġinarjament propost. Il-Kummissjoni ser tkompli tirrifletti fuq il-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet ta’ Intelligence Finanzjarja, b’mod partikolari bħala parti mir-rapporti tagħha dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus.


(1)  ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122.