31.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 272/62


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ EWROPEA TAT-TITOLI U S-SWIEQ (UE) 2018/1636

tat-23 ta' Ottubru 2018

li ġġedded u temenda r-restrizzjoni temporanja fid-Deċiżjoni (UE) 2018/796 dwar il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta' kuntratti għal differenzi lil klijenti mhux professjonali

IL-BORD TAS-SUPERVIŻURI TAL-AWTORITÀ EWROPEA TAT-TITOLI U S-SWIEQ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 9(5), 43(2) u 44(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 40 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/567 tat-18 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-definizzjonijiet, it-trasparenza, il-kompressjoni tal-portafoll u l-miżuri superviżorji fuq l-intervent fuq prodotti u pożizzjonijiet (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tagħha (UE) 2018/796 (4), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) irrestrinġiet il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta' kuntratti għal differenzi (CFDs) lil klijenti mhux professjonali b'effett mill-1 ta' Awwissu 2018 għal perjodu ta' tliet xhur.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 40(6) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, l-ESMA trid tirrieżamina miżura temporanja dwar l-intervent fuq il-prodott f'intervalli xierqa u tal-inqas kull tliet xhur.

(3)

Ir-rieżami tal-ESMA tar-restrizzjoni fuq CFDs ġiet informata minn, inter alia, stħarriġ fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (5) (NCAs) dwar l-applikazzjoni prattika u l-impatt tal-miżura dwar l-intervent fuq il-prodott kif ukoll informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-NCAs u mill-partijiet ikkonċernati.

(4)

L-NCAs sabu biss eżempji limitati ta' nonkonformità mal-miżura tal-ESMA dwar l-intervent fuq il-prodott, li prinċipalment kienu relatati mat-twissijiet ta' riskju.

(5)

L-NCAs irrapportaw tnaqqis ġenerali fin-numru ta' kontijiet ta' klijenti mhux professjonali tas-CFD, volum ta' negozjar u ekwità totali ta' klijenti mhux professjonali tul ix-xahar ta' Awwissu 2018 meta mqabbel ma' Awwissu 2017. Is-sehem ta' kontijiet ta' klijenti mhux professjonali profitabbli naqas ftit, iżda dan jidher li ġej prinċipalment mill-prezzijiet dejjem jogħlew tal-kriptovaluti f'Awwissu 2017 (6). It-tqabbil tar-riżultati tal-klijenti fuq medda ta' żmien jiġi affettwat mhux biss mill-miżuri ta' intervent fuq il-prodott, iżda wkoll pereżempju mill-kundizzjonijiet tas-suq. Il-kundizzjonijiet tas-suq f'Awwissu 2017 kienu pożittivi meta mqabbla ma' Awwissu 2018. Barra minn hekk, il-popolazzjoni ta' klijenti mhux professjonali mbidlet (7). Fl-aħħar nett, l-NCAs irrapportaw tnaqqis fin-numru tal-għeluq awtomatiku u l-okkorrenzi li l-kontijiet spiċċaw f'ekwità negattiva (8).

(6)

L-NCAs irrapportaw żieda fin-numru ta' klijenti ttrattati bħala klijenti professjonali fuq talba tul ix-xahar ta' Awwissu 2018 meta mqabbel ma' Awwissu 2017. L-ESMA hija konxja li xi fornituri ta' CFD qed jirreklamaw lill-klijenti mhux professjonali il-possibbiltà li jsiru klijenti professjonali fuq talba. Madankollu, klijent mhux professjonali jista' jitlob li jiġi ttrattat bħala klijent professjonali meta, b'mod partikolari, il-klijent jissottometti talba bil-miktub f'konformità mar-rekwiżiti kollha stipulati fil-leġiżlazzjoni applikabbli. Il-fornituri għandhom jiżguraw li huma jikkonformaw dejjem ma' dawk ir-rekwiżiti (9). L-ESMA hija konxja wkoll li xi ditti ta' pajjiżi terzi qed jersqu b'mod attiv lejn klijenti tal-Unjoni jew li xi fornituri ta' CFD fl-Unjoni qed jikkummerċjalizzaw il-possibbiltà li klijenti mhux professjonali jmexxu l-kontijiet tagħhom f'entità intragrupp ta' pajjiż terz. Madankollu, mingħajr awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni fl-Unjoni, ditti ta' pajjiżi terzi jistgħu biss joffru servizzi lil klijenti stabbiliti jew li jinsabu fl-Unjoni fuq inizjattiva proprja esklussiva tal-klijent. Fl-aħħar nett, l-ESMA hija konxja li d-ditti qed jibdew jipprovdu prodotti oħra ta' investiment spekulattiv. L-ESMA ser tkompli tissorvelja l-offerta ta' dawn il-prodotti l-oħra biex tiddetermina jekk miżuri oħra tal-Unjoni jkunux xierqa.

(7)

Matul il-perjodu ta' rieżami, l-ESMA ma kisbitx evidenza li tikkontradixxi s-sejba ġenerali tagħha rigward tħassib sinifikanti dwar il-protezzjoni tal-investitur identifikata fid-Deċiżjoni (UE) 2018/796. Għaldaqstant l-ESMA kkonkludiet li t-tħassib sinifikanti rigward il-protezzjoni tal-investitur identifikat fid-Deċiżjoni (UE) 2018/796 ser jippersisti jekk ma tiġġeddidx id-deċiżjoni tagħha li tirrestrinġi l-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta' CFDs lil klijenti mhux professjonali.

(8)

Sa mill-adozzjoni ta' dik id-Deċiżjoni, ir-rekwiżiti regolatorji eżistenti applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni ma nbidlux u jibqgħu ma jindirizzawx it-theddid identifikat mill-ESMA. Barra minn hekk, l-NCAs ma ħadux azzjoni biex jindirizzaw it-theddid jew l-azzjonijiet meħudin ma jindirizzawx it-theddid b'mod adegwat. B'mod partikolari, sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni, l-ebda NCA ma adottat il-miżura proprja nazzjonali dwar l-intervent fuq il-prodott skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 (10).

(9)

It-tiġdid tar-restrizzjoni stipulata fid-Deċiżjoni (UE) 2018/796 m'għandux effett detrimentali fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji jew fuq l-investituri li huwa sproporzjonat għall-benefiċċji tal-azzjoni u ma joħloqx riskju ta' arbitraġġ regolatorju għall-istess raġunijiet stipulati f'dik id-Deċiżjoni.

(10)

Jekk ir-restrizzjoni temporanjama tiġġeddidx, l-ESMA tikkunsidra li x'aktarx is-CFDs ser jerġgħu jiġu offruti mingħajr miżuri adegwati biex jiġu protetti b'mod suffiċjenti klijenti mhux professjonali kontra r-riskji relatati ma' dawk il-prodotti li jagħtu bidu għad-detriment tal-konsumatur identifikat fid-Deċiżjoni (UE) 2018/796.

(11)

Fid-dawl ta' dawn ir-raġunijiet, meħudin flimkien mar-raġunijiet stipulati fid-Deċiżjoni (UE) 2018/796, l-ESMA ddeċidiet li ġġedded ir-restrizzjoni għal perjodu ulterjuri ta' tliet xhur biex tindirizza t-tħassib sinifikanti dwar il-protezzjoni tal-investitur.

(12)

Hi u ġġedded ir-restrizzjoni, l-ESMA kkunsidrat bir-reqqa kwalunkwe informazzjoni relevanti ġdida li ħarġet matul il-perjodu ta' rieżami. F'dan ir-rigward, l-ESMA kisbet informazzjoni li, f'ċerti każijiet, fornituri ta' CFD jesperjenzaw diffikultajiet tekniċi fl-użu tat-twissija ta' riskju mqassra minħabba l-limiti ta' karattri imposti minn fornituri tal-kummerċjalizzazzjoni ta' parti terza għal komunikazzjonijiet li ma jkunux permezz ta' mezz durabbli jew paġna web. Għaldaqstant, twissija ta' riskju b'karattri mnaqqsa għandha tiġi introdotta f'dan it-tiġdid.

(13)

It-twissija ta' riskju b'karattri mnaqqsa mhix intiża li tissostitwixxi t-twissija ta' riskju mqassra. It-twissija l-ġdida hija maħsuba li tintuża biss għal każijiet fejn parti terza li minnha kien jiddependi fornitur ta' CFD biex jikkummerċjalizza l-prodott timponi limitu ta' karattri li mhux kompatibbli man-numru ta' karattri li jinkludu t-twissijiet ta' riskju.

(14)

It-twissija ta' riskju b'karattri mnaqqsa tipprovdi informazzjoni lil klijenti mhux professjonali dwar il-perċentwal tal-kontijiet tal-konsumatur li qed jitilfu l-flus fis-CFDs. Madankollu, sabiex l-attenzjoni tal-klijenti tinġibed b'mod sħiħ lejn jekk jistgħux jaffordjaw ir-riskju għoli li jitilfu flushom meta jinvestu f'CFDs, dan it-tiġdid jeħtieġ li kwalunkwe komunikazzjoni li fiha t-twissija ta' riskju b'karattri mnaqqsa tkun tinkludi wkoll link diretta għall-paġna web tal-fornitur ta' CFD fejn tidher it-twissija meħtieġa għal mezz durabbli jew paġni web.

(15)

Billi l-miżuri proposti jistgħu, sa ċertu punt limitat, jirrigwardaw derivattivi ta' komoditajiet agrikoli, l-ESMA kkonsultat il-korpi pubbliċi kompetenti għas-sorveljanza, għall-amministrazzjoni u għar-regolamentazzjoni ta' swieq agrikoli fiżiċi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (11). L-ebda wieħed minn dawn il-korpi ma qajjem kwalunkwe oġġezzjoni għat-tiġdid propost tal-miżuri.

(16)

L-ESMA nnotifikat lill-NCAs dwar id-Deċiżjoni ta' tiġdid proposta,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan id-Deċiżjoni:

(a)

“kuntratt għal differenzi” jew “CFD” tfisser derivattiv għajr opzjonijiet, futuri, swaps u ftehimiet tar-rata forward, li l-għan tiegħu huwa li jagħti lid-detentur skopertura twila jew qasira għal varjazzjonijiet fil-prezz, fil-livell jew fil-valur ta' strument sottostanti, irrispettivament minn jekk ikunx innegozjat f'ċentru ta' negozjar, u li għandu jiġi ssaldat fi flus kontanti jew jista' jiġi ssaldat fi flus kontanti fuq għażla ta' waħda mill-partijiet għajr minħabba inadempjenza jew avveniment ta' terminazzjoni ieħor;

(b)

“benefiċċju mhux monetarju eskluż” tfisser kwalunkwe benefiċċju mhux monetarju għajr, safejn dawn jirrigwardaw is-CFDs, għodod ta' informazzjoni u ta' riċerka;

(c)

“marġni inizjali” tfisser kwalunkwe ħlas għall-fini tad-dħul f'CFD, bl-esklużjoni tal-kummissjoni, it-tariffi tat-tranżazzjonijiet u kwalunkwe spejjeż oħra relatati;

(d)

“protezzjoni tal-marġni inizjali” tfisser il-marġni inizjali stabbilit bl-Anness I;

(e)

“protezzjoni tal-għeluq tal-marġni” tfisser l-għeluq ta' wieħed jew iktar mill-kontijiet CFD miftuħa tal-klijent mhux professjonali bl-aktar termini favorevoli għall-klijent skont l-Artikoli 24 u 27 tad-Direttiva 2014/65/UE meta s-somma tal-fondi fil-kont ta' negozjar CFD u l-profitti netti mhux realizzati tas-CFDs miftuħa kollha konnessi ma' dak il-kont jaqgħu taħt in-nofs tal-protezzjoni tal-marġni inizjali totali għal dawk is-CFDs miftuħa kollha;

(f)

“protezzjoni kontra bilanċ negattiv” tfisser il-limitu tar-responsabbiltà aggregata ta' klijent mhux professjonali għas-CFDs kollha konnessi ma' kont ta' negozjar CFD ma' fornitur tas-CFDs għall-fondi f'dak il-kont ta' negozjar CFD.

Artikolu 2

Restrizzjoni temporanja fuq CFDs fir-rigward tal-klijenti mhux professjonali

Il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ lill-klijenti mhux professjonali ta' CFDs huma ristretti għal ċirkostanzi fejn mill-inqas il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

il-fornitur tas-CFD jeħtieġ li l-klijent mhux professjonali jħallas il-protezzjoni tal-marġni inizjali;

(b)

il-fornitur tas-CFD jipprovdi lill-klijent mhux professjonali l-protezzjoni tal-għeluq tal-marġni;

(c)

il-fornitur tas-CFD jipprovdi lill-klijent mhux professjonali l-protezzjoni kontra bilanċ negattiv;

(d)

il-fornitur tas-CFD ma jipprovdix direttament jew indirettament lill-klijent mhux professjonali pagament, monetarju jew benefiċċju mhux monetarju eskluż fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni, tad-distribuzzjoni jew tal-bejgħ ta' CFD, għajr il-profitti realizzati minn kwalunkwe CFD ipprovdut; u

(e)

il-fornitur tas-CFD ma jibgħatx direttament jew indirettament komunikazzjoni lil jew jippubblika informazzjoni aċċessibbli minn klijent mhux professjonali dwar il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta' CFD sakemm din ma tkunx jinkludi twissija ta' riskju xierqa speċifikata minn u konformi mal-kondizzjonijiet fl-Anness II.

Artikolu 3

Projbizzjoni tal-parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' evitar

Għandhat jkun ipprojbita il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jevadu r-rekwiżiti fl-Artikolu 2, inkluż billi jaġixxu bħala sostitut għall-fornitur tas-CFD.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Novembru 2018 għal perjodu ta' 3 xhur.

Magħmula f'Pariġi, it-23 ta' Ottubru 2018.

Għall-Bord tas-Superviżuri

Steven MAIJOOR

Il-President


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(2)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(3)  ĠU L 87, 31.3.2017, p. 90.

(4)  Deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (UE) 2018/796 tat-22 ta' Mejju 2018 li tirrestrinġi b'mod temporanju kuntratti għal differenzi fl-Unjoni skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 136, 1.6.2018, p. 50).

(5)  23 NCAs irrispondew: Financial Services and Markets Authority (BE – FSMA), Czech National Bank (CZ – CNB), Finanstilsynet (DK-Finanstilsynet), Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (DE – BaFin), Central Bank of Ireland (IE – CBI), Ελληνική Επιτροπή Κεφαλαιαγοράς (EL-HCMC), Comisión Nacional del Mercado de Valores (ES – CNMV), Autorité des Marchés Financiers (FR – AMF), Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (IT – Consob), Cyprus Securities and Exchange Commission (CY-CySEC), Finanšu un kapitāla tirgus komisija (LV - FKTK), Commission de Surveillance du Secteur Financier (LU – CSSF), Magyar Nemzeti Bank (HU – MNB), Malta Financial Services Authority (MT – MFSA), Autoriteit Financiële Markten (NL-AFM), Financial Market Authority (AT – FMA), Komisja Nadzoru Finansowego (PL - KNF), Comissão do Mercado de Valores Mobiliários (PT – CMVM), Romanian Financial Supervisory Authority (RO – FSA), Agencija za trg vrednostnih papirjev (SI - ATVP), Finnish Financial Supervisory Authority (FI – FSA), Financial Conduct Authority (UK- FCA), Fjármálaeftirlitið (IS - FME).

(6)  Pereżempju, għal Bitcoins il-bidla tal-perċentwal fil-prezz mill-31 ta' Lulju 2017 sal-31 ta' Awwissu 2017 kienet + 65,8 % meta mqabbla ma' – 9,3 % tul l-istess perjodu fl-2018 (Disponibbli fuq Coindesk.com – https://www.coindesk.com/).

(7)  Ukoll minħabba l-kategorizzazzjoni mill-ġdid ta' klijenti mhux professjonali bħala klijenti professjonali fuq talba jew klijenti mhux professjonali attivi li setgħu mexxew il-kont tagħhom lill-fornituri ta' pajjiżi terzi.

(8)  F'Awwissu 2018, il-protezzjoni kontra bilanċ negattiv kienet fis-seħħ. Madankollu, il-gapping tas-suq jista' jwassal biex inizjalmenti l-klijent jingħalaq bi prezz li joħloq ekwità negattiva, u l-kont imbagħad jiġi kreditat mill-ġdid għal ekwità żero mill-fornitur biex jintlaħaq r-rekwiżit il-ġdid ta' protezzjoni kontra bilanċ negattiv. Dan kien ukoll il-każ għal dawk il-fornituri li offrew protezzjoni kontra bilanċ negattiv f'Awwissu 2017.

(9)  Anness II, Taqsima II tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349). Ara wkoll Taqsima 11 tal-Mistoqsijiet u Tweġibiet tal-ESMA dwar suġġetti rigward il-protezzjoni tal-investituri u l-intermedjarji tal-MiFID II u tal-MiFIR (ESMA35-43-349), fejn l-ESMA identifikat forom ta' prattiki li ditti ta' investiment m'għandhomx jużaw meta japplikaw ir-rekwiżiti legali dwar il-kategorizzazzjoni ta' klijenti bħala professjonali fuq talba. Taqsima 11 ġiet aġġornata l-aħħar fil-25 ta' Mejju 2018.

(10)  Fl-4 ta' Ġunju 2018, awtorità kompetenti ta' Stat ŻEE EFTA, NO-Finanstilsynet, adottat miżuri nazzjonali dwar l-intervent fuq il-prodott li għandhom l-istess termini u dati ta' applikazzjoni tal-miżuri tal-ESMA.

(11)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).


ANNESS I

PERĊENTWALI INIZJALI TAL-MARĠNI SKONT IT-TIP TA' STRUMENT SOTTOSTANTI

(a)

3,33 % tal-valur nozzjonali tas-CFD meta l-muniti akkoppjati sottostanti jkunu magħmula minn tnejn mill-muniti li ġejjin: id-Dollaru Amerikan, l-Ewro, il-Yen Ġappuniż, l-Isterlina, id-Dollaru Kanadiż jew il-frank Żvizzeru.

(b)

5 % tal-valur nozzjonali tas-CFD meta l-indiċi sottostanti, il-muniti akkoppjati jew il-komodità jkunu:

(i)

kwalunkwe wieħed mill-indiċi ta' ekwità li ġejjin: Financial Times Stock Exchange 100 (FTSE 100); Cotation Assistée en Continu 40 (CAC 40); Deutsche Bourse AG German Stock Index 30 (DAX30); Dow Jones Industrial Average (DJIA); Standard & Poors 500 (S&P 500); NASDAQ Composite Index (NASDAQ), NASDAQ 100 Index (NASDAQ 100); Nikkei Index (Nikkei 225); Standard & Poors/Australian Securities Exchange 200 (ASX 200); EURO STOXX 50 Index (EURO STOXX 50);

(ii)

muniti akkoppjati magħmula minn tal-anqas munita waħda li mhix elenkata fil-punt (a) hawn fuq; jew

(iii)

deheb;

(c)

10 % tal-valur nozzjonali tas-CFD meta l-komodità sottostanti jew l-indiċi ta' ekwità tkun komodità jew kwalunkwe indiċi ta' ekwità għajr dawk elenkati fil-punt(b) hawn fuq;

(d)

50 % tal-valur nozzjonali tas-CFD meta l-istrument sottostanti jkun kriptovaluta; jew

(e)

20 % tal-valur nozzjonali tas-CFD meta l-istrument sottostanti jkun:

(i)

sehem; jew

(ii)

mhux elenkat b'xi mod ieħor f'dan l-Anness.


ANNESS II

TWISSIJIET TA' RISKJU

TAQSIMA A

Kondizzjonijiet tat-twissija ta' riskju

1.

It-twissija ta' riskju għandha tkun f'forma li tiżgura l-prominenza tagħha, b'tipa ta' daqs mill-inqas ugwali għad-daqs predominanti tat-tipa u fl-istess lingwa użata fil-komunikazzjoni jew fl-informazzjoni ppubblikata.

2.

Jekk il-komunikazzjoni jew l-informazzjoni ppubblikata tkun fuq mezz durabbli jew fuq paġna elettronika, it-twissija ta' riskju għandha tkun fil-format speċifikat fit-Taqsima B.

3.

Jekk il-komunikazzjoni jew l-informazzjoni ppubblikata tkun fuq mezz li ma jkunx mezz durabbli jew paġna web, it-twissija ta' riskju għandha tkun fil-format speċifikat fit-Taqsima C.

4.

B'deroga mill-paragrafi 2 u 3, jekk in-numru ta' karattri li jinsabu fit-twissija ta' riskju fil-format speċifikat fit-Taqsima B jew C jaqbeż il-limitu ta' karattri permess fit-termini standard ta' fornitur tal-kummerċjalizzazzjoni ta' parti terza, allura t-twissija ta' riskju tista' tkun fil-format speċifikat fit-Taqsima D.

5.

Jekk tintuża t-twissija ta' riskju fil-format speċifikat fit-Taqsima D, il-komunikazzjoni jew l-informazzjoni ppubblikata għandha tinkludi wkoll link diretta għall-paġna web tal-fornitur ta' CFD li fiha t-twissija ta' riskju fil-format speċifikat fit-Taqsima B.

6.

It-twissija ta' riskju għandha tinkludi perċentwal aġġornat tat-telf tal-fornitur speċifiku bbażat fuq kalkolu tal-perċentwal tal-kontijiet ta' negozjar CFD ipprovduti lill-klijenti mhux professjonali mill-fornitur tas-CFD li jkun tilef il-flus. Il-kalkolu għandu jitwettaq kull tliet xhur u jkopri l-perjodu ta' 12-il xahar li jippreċedi d-data li fiha jinħadem (“il-perjodu ta' kalkolu ta' 12-il xahar”). Għall-finijiet ta' dan il-kalkolu:

(a)

kont ta' negozjar ta' klijent mhux professjonali individwali CFD għandu jitqies li jkun tilef il-flus jekk is-somma tal-profitti netti mhux realizzati kollha CFDs konnessi mal-kont ta' negozjar CFD matul il-perjodu ta' kalkolu ta' 12-il xahar tkun negattiva;

(b)

kwalunkwe spiża relatata mas-CFDs konnessi mal-kont ta' negozjar CFD għandha tkun inkluża fil-kalkolu, inklużi l-l-imposti, it-tariffi u kummissjonijiet kollha;

(c)

l-elementi li ġejjin għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu:

(i)

kwalunkwe kont ta' negozjar CFD li ma kellux CFD miftuħ konness miegħu matul il-perjodu tal-kalkolu;

(ii)

kwalunkwe qligħ jew telf minn prodotti li ma jkunux CFDs konnessi mal-kont ta' negozjar CFD;

(iii)

kwalunkwe depożitu jew irtirar ta' fondi mill-kont ta' negozjar CFD;

7.

B'deroga mill-paragrafi 2 sa 6, jekk fl-aħħar perjodu ta' kalkolu ta' 12-il xahar fornitur ta' CFD ma jkunx ipprovda CFD miftuħ konness ma' kont ta' negozjar CFD ta' klijent mhux professjonali, dak il-fornitur ta' CFD għandu juża t-twissija ta' riskju standard fil-format speċifikat fit-Taqsimiet E sa G, kif xieraq.

TAQSIMA B

Twissija ta' riskju speċifika għall-fornitur fuq mezz durabbli u fuq paġna elettronika

 

Is-CFDs huma strumenti kumplessi u jġorru riskju għoli li jitilfu l-flus malajr minħabba l-ingranaġġ.

 

[daħħal il-perċentwal għal kull fornitur] % ta' kontijiet ta' investituri fil-livell tal-konsumatur li tilfu l-flus meta nnegozjaw fis-CFDs ma' dan il-fornitur.

 

Għandek tikkunsidra jekk tifhimx kif jaħdmu s-CFDs u jekk tistax taffordja li tieħu r-riskju għoli li titlef flusek.

TAQSIMA C

Twissija ta' riskju speċifika għall-fornitur imqassra

 

[daħħal il-perċentwal għal kull fornitur] % ta' kontijiet ta' investituri fil-livell tal-konsumatur li tilfu l-flus meta nnegozjaw fis-CFDs ma' dan il-fornitur.

 

Għandek tikkunsidra jekk tistax taffordja li tieħu r-riskju għoli li titlef flusek.

TAQSIMA D

Twissija ta' riskju speċifika għall-fornitur b'karattri mnaqqsa

[daħħal perċentwal għal kull fornitur]% ta' kontijiet tal-konsumatur li qed jitilfu l-flus fis-CFDs.

TAQSIMA E

Twissija ta' riskju standard fuq mezz durabbli u fuq paġna elettronika

 

Is-CFDs huma strumenti kumplessi u jġorru riskju għoli li jitilfu l-flus malajr minħabba l-ingranaġġ.

 

Bejn 74 – 89 % tal-kontijiet ta' investituri fil-livell tal-konsumatur jitilfu l-flus meta jinnegozjaw fis-CFDs.

 

Għandek tikkunsidra jekk tifhimx kif jaħdmu s-CFDs u jekk tistax taffordja li tieħu r-riskju għoli li titlef flusek.

TAQSIMA F

Twissija ta' riskju standard imqassra

 

Bejn 74 – 89 % tal-kontijiet ta' investituri fil-livell tal-konsumatur jitilfu l-flus meta jinnegozjaw fis-CFDs.

 

Għandek tikkunsidra jekk tistax taffordja li tieħu r-riskju għoli li titlef flusek.

TAQSIMA G

Twissija ta' riskju standard b'karattri mnaqqsa

74 – 89 % ta' kontijiet tal-konsumatur li qed jitilfu l-flus fis-CFDs.