|
31.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 334/94 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2067
tad-19 ta' Diċembru 2018
dwar il-verifika tad-data u l-akkreditament tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b'mod partikulari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 15 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10a tagħha,
Billi:
|
(1) |
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza sabiex titqies l-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali - Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (il-Volum IV tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta' Chicago) li l-Kunsill tal-ICAO adotta waqt l-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu fis-27 ta' Ġunju 2018 u li għandhom jibdew japplikaw fl-2019. |
|
(2) |
Huwa meħtieġ qafas ġenerali ta' regoli għall-akkreditament tal-verifikaturi sabiex jiġi żgurat li l-verifika tar-rapporti tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru fil-qafas tas-sistema tal-Unjoni għan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, li jridu jintbagħtu skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 (2), titwettaq minn verifikaturi li jkollhom il-kompetenza teknika biex iwettqu l-kompitu fdat lilhom b'mod indipendenti u imparzjali u f'konformità mar-rekwiżiti u mal-prinċipji stabbiliti f'dan ir-Regolament. |
|
(3) |
L-esperjenza fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012 (3) uriet li r-regoli dwar l-akkreditament u dwar il-verifika jeħtieġ li jittejbu u jiġu ċċarati u ssimplifikati sabiex tkompli tiġi promossa l-armonizzazzjoni u sabiex is-sistema ssir iktar effiċjenti. Għalhekk jeħtieġ li jsiru għadd ta' emendi fir-Regolament (UE) Nru 600/2012. Fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li dak ir-Regolament jinbidel. |
|
(4) |
Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tas-servizzi u tal-fornituri tas-servizzi fl-Unjoni, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi. Jenħtieġ li l-armonizzazzjoni tar-regoli għall-akkreditament u għall-verifika marbutin mas-sistema tal-Unjoni għan-negozjar tal-emissjonijiet fl-Unjoni tikkontribwixxi għal suq kompetittiv għall-verifikaturi, filwaqt li tiżgura t-trasparenza u l-informazzjoni għall-operaturi u għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru. |
|
(5) |
Huwa u jiġi implimentat l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE, jeħtieġ li tiġi żgurata sinerġija bejn il-qafas komprensiv għall-akkreditament stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-dispożizzjonijiet relatati tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), minn naħa, u l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema tal-Unjoni għan-negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rekwiżiti li huma essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2003/87/KE, min-naħa l-oħra. Jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 765/2008 jkompli japplika għal dawk l-aspetti tal-akkreditament tal-verifikaturi li mhumiex ittrattati f'dan ir-Regolament. B'mod partikulari, jenħtieġ li jiġi żgurat li meta, minħabba l-prattiki interni ta' Stat Membru, awtorità nazzjonali maħtura minn dak l-Istat Membru skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 twettaq proċedura alternattiva għall-akkreditament, b'mod partikulari ċ-ċertifikazzjoni ta' verifikaturi li huma persuni fiżiċi, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi provi ddokumentati li t-tali awtorità tilħaq livell ta' kredibbiltà li jkun jixbah lil dak tal-korpi nazzjonali ta' akkreditament li tkun saritilhom evalwazzjoni b'suċċess bejn il-pari organizzata mill-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 ta' dak ir-Regolament. |
|
(6) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jipprevedi sistema indipendenti u newtrali tal-akkreditament jew tal-liċenzjar għall-verifikaturi ambjentali. Għal raġunijiet ta' koerenza u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri u għall-operaturi ekonomiċi, huwa xieraq li jitqiesu s-sinerġiji bejn dak ir-Regolament u dan il-wieħed. |
|
(7) |
Jenħtieġ li s-sistema ta' verifika u ta' akkreditament tevita kull irduppjar żejjed tal-proċeduri u tal-organizzazzjonijiet stabbiliti skont strumenti legali oħrajn tal-Unjoni li jwassal għal iżjed piż fuq l-Istati Membri jew fuq l-operaturi ekonomiċi. Għalhekk, huwa xieraq li jintużaw l-aqwa prattiki li joħorġu mill-applikazzjoni tal-istandards armonizzati li l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni jadotta abbażi ta' talba li l-Kummissjoni tagħmillu skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), bħall-istandard armonizzat dwar ir-rekwiżiti ġenerali għall-korpi tal-akkreditament li jakkreditaw il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u l-istandard armonizzat dwar ir-rekwiżiti għall-korpi tal-validazzjoni u tal-verifika tal-gassijiet serra li jintużaw fl-akkreditament jew f'forom oħrajn ta' rikonoxximent, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mid-dokument EA-6/03 u minn dokumenti tekniċi oħrajn żviluppati mill-Kooperazzjoni Ewropea tal-Akkreditament jew minn korpi oħrajn. |
|
(8) |
Huma u jiġu stabbiliti r-regoli armonizzati għall-verifika tar-rapporti tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għall-akkreditament tal-verifikaturi, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-piż impost fuq l-operaturi li f'sena jkollhom inqas emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2), fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jitqiesu bħala emittenti żgħar skont it-tifsira tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, kif ukoll fuq ir-riżorsi disponibbli tal-Istati Membri ma jkunx sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet li jridu jintlaħqu. |
|
(9) |
Sabiex is-sinerġiji jintużaw bl-aqwa mod, u minħabba l-importanza li tiġi vverifikata d-data li tintuża biex jiġu aġġornati l-valuri ta' referenza ex ante u biex tiġi stabbilita l-allokazzjoni bla ħlas lill-istallazzjonijiet, huwa xieraq li fir-regoli armonizzati għall-verifika u għall-akkreditament tal-verifikaturi jiddaħħlu regoli għall-verifika tar-rapporti dwar id-data ta' referenza u tar-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid li huma meħtieġa skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni …./…. tad-19 ta' Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). |
|
(10) |
Skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-istallazzjonijiet iż-żgħar suġġetti għal miżuri ekwivalenti mis-sistema tal-Unjoni għan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, dejjem jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet mogħtija f'dak l-Artikolu. Skont l-Artikolu 27a tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-istallazzjonijiet b'emissjonijiet ta' inqas minn 2 500 tunnellata mis-sistema tal-Unjoni għan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, dejjem jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet mogħtija f'dak l-Artikolu. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jkunx japplika direttament għall-istallazzjonijiet esklużi skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE jew skont l-Artikolu 27a tagħha, sakemm l-Istat Membru ma jiddeċidix mod ieħor. |
|
(11) |
Skont il-prinċipji tal-Anness V tad-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li l-verifikatur iwettaq żjara fuq il-post sabiex jiċċekkja l-limiti tal-istallazzjoni rispettiva jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru rispettiv, sabiex jivvaluta l-operat tal-istrumenti tal-kejl u tas-sistemi ta' monitoraġġ, sabiex iwettaq intervisti u sabiex iwettaq attivitajiet oħrajn. Jenħtieġ li l-verifikatur ma jwettaqx iż-żjara fuq il-post f'kundizzjonijiet speċifiċi biss. |
|
(12) |
Skont il-prinċipji tal-Anness V tad-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li l-verifikatur japplika approċċ ibbażat fuq ir-riskju bil-għan li jilħaq opinjoni ta' verifika li tkun tipprovdi garanzija raġonevoli li l-emissjonijiet totali jew it-tunnellati kilometri totali ddikjarati ma jkunux iddikjarati ħażin mil-lat materjali u li r-rapport ikun jista' jiġi vverifikat bħala wieħed sodisfaċenti. Jenħtieġ li l-livell ta' garanzija jkun marbut mal-profondità tal-attivitajiet ta' verifika li jkunu twettqu waqt il-verifika u mad-dettall tagħhom, kif ukoll mal-kliem tad-dikjarazzjoni tal-opinjoni ta' verifika. Jenħtieġ li l-verifikatur ikun obbligat jaġġusta attività waħda jew iktar tal-proċess ta' verifika sabiex jissodisfa r-rekwiżiti biex tinkiseb garanzija raġonevoli jekk ikun hemm bżonn minħabba s-sejbiet li jsiru waqt dan il-proċess u l-informazzjoni li tinkiseb matulu. |
|
(13) |
Sabiex jiġi evitat it-tgerfix bejn ir-rwol tal-awtorità kompetenti u dak tal-verifikatur, jenħtieġ li jiġu ddefiniti biċ-ċar ir-responsabbiltajiet ta' verifikatur meta jkun qed iwettaq verifika. Jenħtieġ li l-verifikatur jieħu l-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti bħala punt ta' referenza u jivvaluta jekk dan il-pjan u l-proċeduri deskritti fih ikunux ġew implimentati sewwa jew le. Meta l-verifikatur jidentifika nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, jenħtieġ li huwa jkollu r-responsabbiltà jirrapporta din il-kwistjoni ta' nuqqas ta' konformità fir-rapport ta' verifika. |
|
(14) |
Huwa neċessarju li jkun hemm fehim sħiħ tal-attivitajiet ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru biex issir verifika effettiva tar-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru. Jenħtieġ li verifikatur iwettaq l-attivitajiet ta' verifika mitlubin biss wara li huwa jkun żgura, wara li tkun saret valutazzjoni preliminari, li huwa kompetenti jagħmel dan. Sabiex l-attivitajiet ta' verifika jkunu ta' kwalità għolja, jenħtieġ li jiġu żviluppati regoli armonizzati għal valutazzjoni preliminari sabiex jiġi stabbilit jekk verifikatur huwiex kompetenti, indipendenti u imparzjali biex iwettaq l-attivitajiet ta' verifika mitlubin skont ir-regoli u l-prinċipji stabbiliti f'dan ir-Regolament jew le. |
|
(15) |
L-għoti tal-informazzjoni rilevanti bejn l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru u l-verifikatur hija essenzjali fl-aspetti kollha tal-proċess ta' verifika, b'mod partikulari fil-fażi prekuntrattwali, fit-twettiq ta' analiżi strateġika min-naħa tal-verifikatur u matul il-proċess kollu tal-verifika. Jeħtieġ li jiġi stabbilit sett ta' rekwiżiti armonizzati li jrid jirregola l-ħin kollu dan l-għoti tal-informazzjoni bejn l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru u l-verifikatur. |
|
(16) |
L-attivitajiet kollha ta' verifika fil-proċess ta' verifika huma marbutin ma' xulxin u jenħtieġ li jiġu konklużi bil-ħruġ ta' rapport ta' verifika min-naħa tal-verifikatur li jkun fih dikjarazzjoni ta' verifika li tkun proporzjonata mar-riżultat tal-valutazzjoni tal-verifika. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti armonizzati għar-rapporti ta' verifika u għat-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika sabiex ikun żgurat li r-rapporti ta' verifika u l-attivitajiet ta' verifika fl-Istati Membri jkunu jilħqu l-istess standards. |
|
(17) |
L-analiżi ta' kemm id-data rrappurtata hija suxxettibbli għal dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali hija parti essenzjali mill-proċess ta' verifika u tistabbilixxi kif il-verifikatur irid iwettaq l-attivitajiet ta' verifika. Għalhekk kull element fil-proċess ta' verifika jrid ikun marbut mill-qrib mar-riżultat tal-analiżi ta' dawn ir-riskji li jsiru dikjarazzjonijiet skorretti. |
|
(18) |
Jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni speċifika għall-verifika tar-rapport tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għal dik tar-rapport tal-operaturi tas-siti li għalihom tapplika d-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). |
|
(19) |
Ir-rappurtar korrett u effettiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra min-naħa tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament it-tajjeb tal-proċess ta' monitoraġġ u ta' rappurtar, jenħtieġ li t-titjib kontinwu fil-prestazzjoni tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun jifforma parti mill-attivitajiet ta' verifika li jwettaq il-verifikatur. |
|
(20) |
Jenħtieġ li l-verifikaturi u l-persunal tagħhom li jkun kompetenti biss iwettqu l-attivitajiet ta' verifika u joħorġu r-rapporti ta' verifika. Jenħtieġ li l-verifikaturi jistabbilixxu proċessi interni li jiżguraw li l-persunal kollu involut fl-attivitajiet ta' verifika jkun kompetenti biex iwettaq il-kompiti fdati lilu u li jtejbu dawn il-proċessi b'mod kontinwu. Jenħtieġ li l-kriterji biex jiġi stabbilit jekk verifikatur huwiex kompetenti jew le jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha u li dawn ikunu oġġettivi u trasparenti u jkunu jistgħu jiġu vverifikati. |
|
(21) |
Jenħtieġ li l-korp nazzjonali ta' akkreditament stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jingħata s-setgħa jakkredita u joħroġ dikjarazzjoni awtorevoli dwar il-kompetenza ta' verifikatur biex iwettaq l-attivitajiet ta' verifika skont dan ir-Regolament, jadotta miżuri amministrattivi u jissorvelja lill-verifikaturi. |
|
(22) |
Il-mudelli u formati speċifiċi tal-fajls li l-verifikaturi jridu jużaw jippromwovu l-armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri u jevitaw li jkun hemm differenzi fl-approċċi. Jenħtieġ li l-verifikaturi jużaw mudelli u formati speċifiċi tal-fajls żviluppati mill-Kummissjoni. Meta Stat Membru jkun żviluppa mudelli nazzjonali jew speċifikazzjonijiet nazzjonali dwar il-format tal-fajls, jenħtieġ li dawn ikun fihom tal-inqas l-istess kontenut bħall-mudelli żviluppati mill-Kummissjoni sabiex ikunu żgurati approċċi armonizzati. |
|
(23) |
Jenħtieġ li Stat Membru li jidhirlu li ma jagħmilx sens mil-lat ekonomiku li jistabbilixxi korp nazzjonali ta' akkreditament jew li jwettaq attivitajiet ta' akkreditament jew li jidhirlu li dan mhuwiex sostenibbli mil-lat ekonomiku jitħalla jirrikorri għall-korp nazzjonali ta' akkreditament ta' Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li l-korpi nazzjonali ta' akkreditament li tkun saritilhom evalwazzjoni b'suċċess bejn il-pari organizzata mill-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 biss jitħallew iwettqu l-attivitajiet ta' akkreditament skont dan ir-Regolament. |
|
(24) |
Jenħtieġ li wieħed jassumi li l-korpi nazzjonali ta' akkreditament li juru li huma konformi ma' dan ir-Regolament u li tkun diġà saritilhom evalwazzjoni b'suċċess bejn il-pari organizzata mill-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jissodisfaw ir-rekwiżiti proċedurali imposti fuq il-korpi nazzjonali ta' akkreditament bħal, pereżempju, ir-rekwiżiti dwar l-istruttura ta' korp nazzjonali ta' akkreditament, l-istabbiliment ta' proċess ta' kompetenza u l-istabbiliment tal-proċeduri u tas-sistema ta' ġestjoni meħtieġa u tal-arranġamenti biex titħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba, u li dawn jiġu eżentati milli ssirilhom evalwazzjoni ġdida bejn il-pari wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Skont id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), jenħtieġ li t-tagħrif ambjentali li jkun fihom ir-rapporti vverifikati tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom jiġi ppubblikat sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, suġġett għal ċerti rekwiżiti ta' kunfidenzjalità. |
|
(25) |
Il-kooperazzjoni effettiva bejn il-korpi nazzjonali ta' akkreditament jew, meta dan ikun applikabbli, bejn awtoritajiet nazzjonali oħrajn u l-awtoritajiet kompetenti hija essenzjali għall-funzjonament it-tajjeb tas-sistema tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u għas-sorveljanza tal-kwalità tal-verifika. Għal raġunijiet ta' trasparenza, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-korpi nazzjonali ta' akkreditament jew, meta dan ikun applikabbli, awtoritajiet nazzjonali oħrajn, u l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mezzi effettivi għall-iskambju tal-informazzjoni. Jenħtieġ li l-iskambji tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi nazzjonali ta' akkreditament jew awtoritajiet nazzjonali oħrajn jiġu rregolati mill-garanziji l-iżjed stretti ta' kunfidenzjalità u ta' segretezza professjonali u li dawn jiġu ttrattati skont il-liġijiet nazzjonali u l-liġijiet tal-Unjoni applikabbli. |
|
(26) |
Dan ir-Regolament jinkludi titjib fil-proċess tal-akkreditament u tal-verifika li, b'mod parzjali, iqis l-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali - Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (il-Volum IV tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta' Chicago) li l-Kunsill tal-ICAO adotta waqt l-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu fis-27 ta' Ġunju 2018. Ir-Regolament dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE ukoll qed jiġi emendat sabiex iqis l-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati, u dawn iż-żewġ strumenti qed jiġu ssupplimentati minn Att Delegat skont l-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE. |
|
(27) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-verifika tar-rapporti mibgħuta skont id-Direttiva 2003/87/KE u għall-akkreditament u għas-sorveljanza tal-verifikaturi.
Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 765/2008, dan ir-Regolament jispeċifika wkoll dispożizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-verifikaturi u għall-evalwazzjoni bejn il-pari tal-korpi nazzjonali ta' akkreditament skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-verifika tad-data dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u dwar it-tunnellati kilometri li jkun hemm mill-1 ta' Jannar 2019 'il quddiem, irrappurtata skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87/KE, u għall-verifika tad-data rilevanti għall-aġġornament tal-valuri ta' referenza ex ante u għall-istabbiliment tal-allokazzjoni bla ħlas lill-istallazzjonijiet.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE u fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“riskju tad-detezzjoni” tfisser ir-riskju li verifikatur ma jindunax b'dikjarazzjoni skorretta materjali; |
|
(2) |
“akkreditament” tfisser attestazzjoni min-naħa ta' korp nazzjonali ta' akkreditament li verifikatur jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn standards armonizzati skont it-tifsira tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament sabiex iwettaq il-verifika ta' rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament; |
|
(3) |
“verifikatur” tfisser persuna ġuridika jew entità legali oħra li twettaq attivitajiet ta' verifika skont dan ir-Regolament u li tkun akkreditata minn korp nazzjonali ta' akkreditament skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u skont dan ir-Regolament jew persuna fiżika awtorizzata b'mod ieħor, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament, fiż-żmien li fih jinħareġ rapport ta' verifika; |
|
(4) |
“verifika” tfisser l-attivitajiet li verifikatur iwettaq biex joħroġ rapport ta' verifika skont dan ir-Regolament; |
|
(5) |
“dikjarazzjoni skorretta” tfisser ommissjoni, dikjarazzjoni falza jew żball fid-data li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jirrapporta, mingħajr ma titqies l-inċertezza permissibbli skont l-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066; |
|
(6) |
“dikjarazzjoni skorretta materjali” tfisser dikjarazzjoni skorretta li, fl-opinjoni tal-verifikatur, meta tittieħed waħedha jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, taqbeż il-livell ta' materjalità jew tista' taffettwa t-trattament tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru mill-awtorità kompetenti; |
|
(7) |
“rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru” tfisser ir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jrid jibgħat skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-rapport dwar it-tunnellati kilometri li operatur tal-inġenji tal-ajru jrid jibgħat biex japplika għall-allokazzjoni tal-kwoti skont l-Artikoli 3e u 3f ta' dik id-Direttiva, ir-rapport dwar id-data ta' referenza li operatur jibgħat skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew ir-rapport dwar id-data li operatur jibgħat skont l-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament; |
|
(8) |
“kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament” tfisser l-attivitajiet li jissemmew fl-Anness I li għalihom ikun qed jintalab l-akkreditament jew li għalihom dan ikun ingħata; |
|
(9) |
“kompetenza” tfisser il-ħila li wieħed japplika l-għarfien u l-ħiliet tiegħu biex iwettaq attività; |
|
(10) |
“livell ta' materjalità” tfisser il-livell limitu kwantitattiv jew il-punt ta' limitu li, meta jinqabeż, verifikatur iqis id-dikjarazzjonijiet skorretti, meta jittieħdu waħedhom jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, bħala materjali; |
|
(11) |
“sistema ta' kontroll” tfisser il-valutazzjoni tar-riskju tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u s-sett sħiħ ta' attivitajiet ta' kontroll tiegħu, fosthom il-ġestjoni kontinwa tagħhom, li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jkun stabbilixxa, iddokumenta, implimenta u żamm skont l-Artikolu 59 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) …/…, skont il-każ; |
|
(12) |
“attivitajiet ta' kontroll” tfisser kull att li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jwettaq biex inaqqas kemm jista' jkun ir-riskji inerenti jew kull miżura li dan jimplimenta għal dan il-għan; |
|
(13) |
“nuqqas ta' konformità” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:
|
|
(14) |
“sit”, għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet jew dwar it-tunnellati kilometri ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, tfisser il-postijiet fejn jiġi ddefinit u mmaniġġjat il-proċess ta' monitoraġġ, fosthom il-postijiet fejn jiġu kkontrollati u maħżuna d-data u l-informazzjoni rilevanti; |
|
(15) |
“ambjent ta' kontroll” tfisser l-ambjent li fih taħdem is-sistema interna ta' kontroll u l-azzjonijiet ġenerali tal-ġestjoni ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru sabiex jiġi żgurat l-għarfien dwar din is-sistema interna ta' kontroll; |
|
(16) |
“riskju inerenti” tfisser kemm parametru fir-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru jkun suxxettibbli għal dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali meta jittieħdu waħedhom jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, qabel ma jitqies l-effett ta' kull attività ta' kontroll relatata; |
|
(17) |
“riskju ta' kontroll” tfisser kemm parametru fir-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru jkun suxxettibbli għal dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali meta jittieħdu waħedhom jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn u li s-sistema ta' kontroll ma tistax tipprevenihom jew tinnutahom u tikkoreġihom fil-ħin; |
|
(18) |
“riskju ta' verifika” tfisser ir-riskju, li huwa funzjoni tar-riskju inerenti, tar-riskju ta' kontroll u tar-riskju tad-detezzjoni, li l-verifikatur jagħti opinjoni ta' verifika li ma tkunx xierqa meta r-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun fih dikjarazzjonijiet skorretti materjali; |
|
(19) |
“garanzija raġonevoli” tfisser livell għoli ta' garanzija iżda mhux livell assolut tagħha, espress b'mod pożittiv fl-opinjoni ta' verifika, dwar jekk ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru li jkun qed jiġi vverifikat ikunx ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali jew le; |
|
(20) |
“proċeduri analitiċi” tfisser l-analiżi tal-varjazzjonijiet u tax-xejriet fid-data, fosthom analiżi tar-relazzjonijiet li ma jkunux konsistenti ma' informazzjoni rilevanti oħra jew li jiddevjaw mill-ammonti previsti; |
|
(21) |
“dokumentazzjoni interna tal-verifika” tfisser id-dokumentazzjoni interna kollha li verifikatur ikun ġabar sabiex jirreġistra l-provi ddokumentati kollha u l-ġustifikazzjonijiet kollha tal-attivitajiet li jitwettqu għall-verifika ta' rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru; |
|
(22) |
“awditur ewlieni tal-EU ETS” tfisser awditur tal-EU ETS li huwa responsabbli għat-tmexxija u għas-sorveljanza tat-tim tal-verifika li jkun responsabbli għat-twettiq tal-verifika ta' rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru u għar-rappurtar dwarha; |
|
(23) |
“awditur tal-EU ETS” tfisser membru individwali ta' tim tal-verifika li jkun responsabbli għat-twettiq ta' verifika ta' rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, minbarra l-awditur ewlieni tal-EU ETS; |
|
(24) |
“espert tekniku” tfisser persuna li tipprovdi għarfien espert u ddettaljat dwar suġġett speċifiku li jkun meħtieġ biex jitwettqu l-attivitajiet ta' verifika għall-finijiet tal-Kapitolu III u biex jitwettqu l-attivitajiet ta' akkreditament għall-finijiet tal-Kapitolu V; |
|
(25) |
“livell ta' garanzija” tfisser il-livell ta' garanzija li verifikatur jipprovdi fir-rapport ta' verifika abbażi tal-għan li jitnaqqas ir-riskju ta' verifika skont iċ-ċirkustanzi tal-impenn ta' verifika; |
|
(26) |
“assessur” tfisser persuna li korp nazzjonali ta' akkreditament iqabbad biex tivvaluta lil verifikatur skont dan ir-Regolament, waħedha jew bħala parti minn tim tal-valutazzjoni; |
|
(27) |
“assessur ewlieni” tfisser assessur li jingħata r-responsabbiltà ġenerali għat-twettiq tal-valutazzjoni ta' verifikatur skont dan ir-Regolament; |
|
(28) |
“rapport dwar id-data ta' referenza” tfisser rapport li operatur jibgħat skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat (UE) …/…; |
|
(29) |
“rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid” tfisser rapport li operatur jibgħat skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat (UE) …/…. |
Artikolu 4
Suppożizzjoni ta' konformità
Meta verifikatur juri li huwa konformi mal-kriterji stabbiliti fl-istandards armonizzati rilevanti ddefiniti fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew ma' partijiet minnhom, wieħed għandu jassumi li dan il-verifikatur huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III ta' dan ir-Regolament sal-punt li fih l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.
Artikolu 5
Qafas ġenerali għall-akkreditament
Meta dan ir-Regolament ma jistabbilixxi l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-kompożizzjoni tal-korpi nazzjonali ta' akkreditament jew dwar l-attivitajiet u r-rekwiżiti marbutin mal-akkreditament, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
KAPITOLU II
VERIFIKA
Artikolu 6
Affidabbiltà tal-verifika
Rapport ivverifikat dwar l-emissjonijiet, dwar id-data ta' referenza jew dwar id-data ta' min jidħol ġdid għandu jkun affidabbli għall-utenti. Huwa għandu jirrappreżenta b'mod fidil dak li għandu l-għan li jirrappreżenta jew inkella dak li wieħed jista' jistenna b'mod raġonevoli li jirrappreżenta.
Il-proċess ta' verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jkun għodda affidabbli u effettiva ta' appoġġ għall-proċeduri ta' garanzija tal-kwalità u ta' kontroll tal-kwalità, li tipprovdi informazzjoni li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jkun jista' juża biex itejjeb il-prestazzjoni tiegħu b'rabta mal-monitoraġġ u mar-rappurtar tal-emissjonijiet u tad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas.
Artikolu 7
Obbligi ġenerali tal-verifikatur
1. Il-verifikatur għandu jwettaq il-verifika u l-attivitajiet meħtieġa skont dan il-Kapitolu bil-għan li jipprovdi rapport ta' verifika li jikkonkludi b'garanzija raġonevoli li r-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru ma fihx dikjarazzjonijiet skorretti materjali.
2. Il-verifikatur għandu jippjana u jwettaq il-verifika b'attitudni ta' xettiċiżmu professjonali u jirrikonoxxi li jista' jkun hemm ċirkustanzi li jwasslu biex ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun fih dikjarazzjonijiet skorretti materjali.
3. Il-verifikatur irid iwettaq il-verifika fl-interess pubbliku u jkun indipendenti mill-operatur jew mill-operatur tal-inġenji tal-ajru u mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għad-Direttiva 2003/87/KE.
4. Waqt il-verifika, il-verifikatur għandu jivvaluta dan li ġej:
|
(a) |
jekk ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru huwiex komplut u jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness X tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew fl-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) …/… skont il-każ, jew le; |
|
(b) |
jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkunx aġixxa f'konformità mar-rekwiżiti tal-permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew le meta l-verifika tkun qed issir b'rabta ma' rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, u jekk huwa jkunx aġixxa f'konformità mar-rekwiżiti tal-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew le meta l-verifika tkun qed issir b'rabta ma' rapport dwar l-emissjonijiet jew dwar it-tunnellati kilometri ta' operatur tal-inġenji tal-ajru; |
|
(c) |
jekk l-operatur ikunx aġixxa f'konformità mar-rekwiżiti tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) …/… approvat mill-awtorità kompetenti jew le meta l-verifika tkun qed issir b'rabta ma' rapport dwar id-data ta' referenza ta' operatur jew ma' rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu; |
|
(d) |
jekk id-data tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru tkunx ħielsa minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali jew le; |
|
(e) |
jekk tistax tiġi pprovduta informazzjoni li tappoġġa l-attivitajiet tal-fluss tad-data u s-sistema ta' kontroll tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u l-proċeduri marbutin magħhom tiegħu sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tal-monitoraġġ u tar-rappurtar tiegħu jew le. |
B'deroga mill-punt (c), il-verifikatur għandu jivvaluta jekk il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ tal-operatur ikunx konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew le meta dak il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ma jkunx ġie approvat mill-awtorità kompetenti qabel ma jkun intbagħat ir-rapport dwar id-data ta' referenza. Jekk il-verifikatur isib li pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ma jkunx jikkonforma mar-Regolament Delegat (UE) …/…, l-operatur għandu jibdel dak il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ sabiex ikun jikkonforma ma' dak ir-Regolament.
Għall-finijiet tal-punt (d) ta' dan il-paragrafu, il-verifikatur għandu jikseb provi ċari u oġġettivi mingħand l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru li tappoġġa l-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri aggregati rrappurtati jew id-data aggregata rrappurtata rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas, filwaqt li jqis l-informazzjoni l-oħra kollha pprovduta fir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru.
5. Jekk il-verifikatur isib li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx qed jikkonforma mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/…, huwa għandu jniżżel dik l-irregolarità fir-rapport ta' verifika, anke jekk l-awtorità kompetenti tkun approvat il-pjan ta' monitoraġġ jew il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ikkonċernat, skont il-każ.
6. Jekk l-awtorità kompetenti ma tkunx approvat il-pjan ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 12 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew jekk dan ma jkunx komplut jew jekk, matul il-perjodu tar-rappurtar, ikun sar tibdil sinifikanti fih imsemmi fl-Artikolu 15(3) jew (4) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni li l-awtorità kompetenti ma tkunx approvat kif xieraq, il-verifikatur għandu jagħti parir lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru jikseb l-approvazzjoni meħtieġa mingħand l-awtorità kompetenti.
Jekk tkun trid tinkiseb l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti għall-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ qabel ma jintbagħat ir-rapport dwar id-data ta' referenza skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Delegat (UE) …/… u l-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ma jkunx ġie approvat jew ma jkunx komplut, jew jekk ikun sar tibdil sinifikanti fih imsemmi fl-Artikolu 9(5) ta' dak ir-Regolament li l-awtorità kompetenti ma tkunx approvat, il-verifikatur għandu jagħti parir lill-operatur jikseb l-approvazzjoni meħtieġa mingħand l-awtorità kompetenti.
Wara li l-awtorità kompetenti tagħti l-approvazzjoni tagħha, il-verifikatur għandu jkompli l-attivitajiet ta' verifika jew jirrepetihom jew jadattahom kif xieraq.
Jekk ma tkunx inkisbet l-approvazzjoni qabel ma jinħareġ ir-rapport ta' verifika, il-verifikatur għandu jniżżel dan fir-rapport ta' verifika.
Artikolu 8
Obbligi prekuntrattwali
1. Qabel ma jaċċetta impenn ta' verifika, verifikatur għandu jikseb fehim tajjeb tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u jivvaluta jekk jistax jidħol għall-verifika jew le. Għal dan il-għan, il-verifikatur għandu jagħmel tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
jevalwa r-riskji involuti fit-twettiq tal-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament; |
|
(b) |
janalizza l-informazzjoni li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jipprovdilu sabiex jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni tal-verifika; |
|
(c) |
jivvaluta jekk l-impenn jidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tiegħu jew le; |
|
(d) |
jivvaluta jekk għandux il-kompetenza, il-persunal u r-riżorsi meħtieġa biex jagħżel tim tal-verifika li jkun kapaċi jittratta l-kumplessità tal-istallazzjoni jew tal-attivitajiet u tal-flotta tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jew le, kif ukoll jekk huwiex kapaċi jlesti b'suċċess l-attivitajiet ta' verifika fil-perjodu taż-żmien meħtieġ jew le; |
|
(e) |
jivvaluta jekk huwiex kapaċi jiżgura li t-tim tal-verifika potenzjali li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu għandu l-kompetenza u l-persuni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika għal dak l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru speċifiku jew le; |
|
(f) |
għal kull impenn ta' verifika mitlub, jistabbilixxi l-allokazzjoni tal-ħin meħtieġa biex il-verifika ssir sewwa. |
2. L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħti lill-verifikatur l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilu jwettaq l-attivitajiet li jisssemmew fil-paragrafu 1.
Artikolu 9
Allokazzjoni tal-ħin
1. Huwa u jistabbilixxi l-allokazzjoni tal-ħin għal impenn ta' verifika msemmija fl-Artikolu 8(1)(f), il-verifikatur għandu jqis tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-kumplessità tal-istallazzjoni jew tal-attivitajiet u tal-flotta tal-operatur tal-inġenji tal-ajru; |
|
(b) |
il-livell ta' informazzjoni u l-kumplessità tal-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ; |
|
(c) |
il-livell meħtieġ ta' materjalità; |
|
(d) |
il-kumplessità u l-kompletezza tal-attivitajiet tal-fluss tad-data u tas-sistema ta' kontroll tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru; |
|
(e) |
il-post fejn jinsabu l-informazzjoni u d-data marbutin mal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, id-data dwar it-tunnellati kilometri u d-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas. |
2. Il-verifikatur għandu jiżgura li l-kuntratt tal-verifika jipprevedi l-possibbiltà ta' ħin li jrid jiġi ċċarġjat minbarra l-ħin miftiehem fil-kuntratt meta jinstab li t-tali ħin addizzjonali jkun meħtieġ għall-analiżi strateġika, għall-analiżi tar-riskji jew għal attivitajiet oħrajn ta' verifika. Is-sitwazzjonijiet li fihom jaf ikun meħtieġ il-ħin addizzjonali għandhom jinkludu tal-inqas dawn li ġejjin:
|
(a) |
waqt il-verifika meta l-attivitajiet tal-fluss tad-data, l-attivitajiet ta' kontroll jew il-loġistika tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jidhru li jkunu iżjed kumplessi minn dak li kien previst fil-bidu; |
|
(b) |
meta l-verifikatur jidentifika dikjarazzjonijiet skorretti, nuqqasijiet ta' konformità, data insuffiċjenti jew żbalji fis-settijiet tad-data waqt il-verifika. |
3. Il-verifikatur għandu jniżżel il-ħin allokat fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika.
Artikolu 10
Informazzjoni mingħand operatur jew mingħand operatur tal-inġenji tal-ajru
1. Qabel l-analiżi strateġika u f'mumenti oħrajn waqt il-verifika, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħti lill-verifikatur l-affarijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
il-permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-operatur meta l-verifika tkun qed issir b'rabta ma' rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur; |
|
(b) |
l-aħħar verżjoni tal-pjan ta' monitoraġġ tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, kif ukoll kull verżjoni rilevanti oħra tal-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti, fosthom il-provi tal-approvazzjoni; |
|
(c) |
l-aħħar verżjoni tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ tal-operatur, kif ukoll kull verżjoni rilevanti oħra tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, fosthom il-provi tal-approvazzjoni meta dan ikun applikabbli; |
|
(d) |
deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-fluss tad-data tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru; |
|
(e) |
il-valutazzjoni tar-riskju tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 59(2)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Delegat (UE) …/…, skont il-każ, u deskrizzjoni tas-sistema ġenerali ta' kontroll; |
|
(f) |
il-valutazzjoni ssimplifikata tal-inċertezza msemmija fl-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament Delegat (UE) …/…, meta dan ikun applikabbli; |
|
(g) |
il-proċeduri msemmijin fil-pjan ta' monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti jew fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, fosthom il-proċeduri għall-attivitajiet tal-fluss tad-data u għall-attivitajiet ta' kontroll; |
|
(h) |
ir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet, ir-rapport dwar it-tunnellati kilometri, ir-rapport dwar id-data ta' referenza jew ir-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, skont il-każ; |
|
(i) |
ir-rapporti dwar id-data ta' referenza tal-perjodi tal-allokazzjoni ta' qabel għall-fażijiet tal-allokazzjoni ta' qabel u r-rapporti annwali dwar il-livell tal-attività tas-snin ta' qabel li jkunu ntbagħtu lill-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 10a(21) tad-Direttiva 2003/87/KE, jekk dan ikun applikabbli; |
|
(j) |
il-pjan ta' kampjunar tal-operatur imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 kif approvat mill-awtorità kompetenti, meta dan ikun applikabbli; |
|
(k) |
jekk il-pjan ta' monitoraġġ ikun inbidel matul il-perjodu tar-rappurtar, reġistru ta' dak it-tibdil kollu skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066; |
|
(l) |
ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 69(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, meta dan ikun applikabbli; |
|
(m) |
ir-rapport ta' verifika tas-sena ta' qabel jew tal-perjodu ta' referenza ta' qabel, skont il-każ, jekk il-verifikatur ma jkunx wettaq il-verifika ta' dak l-operatur partikulari jew ta' dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru partikulari fis-sena ta' qabel jew fil-perjodu ta' referenza ta' qabel, skont il-każ; |
|
(n) |
il-korrispondenza kollha rilevanti mal-awtorità kompetenti, b'mod partikulari l-informazzjoni marbuta man-notifika ta' tibdil fil-pjan ta' monitoraġġ jew fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ; |
|
(o) |
informazzjoni dwar il-bażijiet tad-data u s-sorsi tad-data użati għall-finijiet tal-monitoraġġ u tar-rappurtar, fosthom dawk tal-Eurocontrol jew ta' organizzazzjoni rilevanti oħra; |
|
(p) |
meta l-verifika tkun qed issir b'rabta ma' rapport dwar l-emissjonijiet ta' stallazzjoni li tkun qed twettaq il-ħżin ġeoloġiku tal-gassijiet serra f'sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE, il-pjan ta' monitoraġġ meħtieġ skont dik id-Direttiva u r-rapporti meħtieġa skont l-Artikolu 14 ta' dik id-Direttiva, li jkunu jkopru tal-inqas il-perjodu tar-rappurtar tar-rapport dwar l-emissjonijiet li jrid jiġi vverifikat; |
|
(q) |
l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti sabiex ma jitwettqux iż-żjarat fuq il-post għall-istallazzjonijiet skont l-Artikolu 31(1), meta dan ikun applikabbli; |
|
(r) |
provi min-naħa tal-operatur li juru l-konformità mal-limiti tal-inċertezza għas-saffi stabbiliti fil-pjan ta' monitoraġġ; |
|
(s) |
kull informazzjoni rilevanti oħra meħtieġa għall-ippjanar tal-verifika u għat-twettiq tagħha. |
2. Qabel ma l-verifikatur joħroġ ir-rapport ta' verifika, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħtih ir-rapport finali awtorizzat u vvalidat internament tiegħu.
Artikolu 11
Analiżi strateġika
1. Fil-bidu tal-verifika l-verifikatur għandu jivvaluta n-natura, l-iskala u l-kumplessità li x'aktarx ikollhom il-kompiti tal-verifika billi jwettaq analiżi strateġika tal-attivitajiet kollha li jkunu rilevanti għall-istallazzjoni jew għall-operatur tal-inġenji tal-ajru.
2. Sabiex jifhem l-attivitajiet li twettaq l-istallazzjoni jew li jwettaq l-operatur tal-inġenji tal-ajru, il-verifikatur għandu jiġbor u janalizza l-informazzjoni meħtieġa sabiex jivvaluta li t-tim tal-verifika huwa kompetenti biżżejjed biex iwettaq il-verifika, sabiex jistabbilixxi li l-allokazzjoni tal-ħin indikata fil-kuntratt ġiet stabbilita tajjeb u sabiex jiżgura li huwa għandu l-ħila jwettaq l-analiżi tar-riskji meħtieġa. L-informazzjoni għandha tinkludi tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1); |
|
(b) |
il-livell meħtieġ ta' materjalità; |
|
(c) |
l-informazzjoni miksuba mill-verifika tas-snin ta' qabel, jekk il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifika għall-istess operatur jew għall-istess operatur tal-inġenji tal-ajru. |
3. Huwa u janalizza l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-verifikatur għandu jivvaluta tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, il-kategorija tal-istallazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u l-attivitajiet li jitwettqu f'dik l-istallazzjoni; |
|
(b) |
għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet jew dwar it-tunnellati kilometri ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, id-daqs tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u n-natura tiegħu, it-tqassim tal-informazzjoni f'postijiet differenti, kif ukoll l-għadd ta' titjiriet u t-tip tagħhom; |
|
(c) |
il-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, kif ukoll id-dettalji tal-metodoloġija tal-monitoraġġ stabbilita f'dak il-pjan ta' monitoraġġ jew f'dak il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ; |
|
(d) |
in-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-sorsi tal-emissjonijiet u tal-flussi mis-sorsi, kif ukoll it-tagħmir u l-proċessi li jkunu wasslu għad-data dwar l-emissjonijiet, għad-data dwar it-tunnellati kilometri u għad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas, fosthom it-tagħmir tal-kejl deskritt fil-pjan ta' monitoraġġ jew fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, l-oriġini u l-applikazzjoni tal-fatturi ta' kalkolu u sorsi primarji oħrajn tad-data; |
|
(e) |
l-attivitajiet tal-fluss tad-data, is-sistema ta' kontroll u l-ambjent ta' kontroll. |
4. Huwa u jwettaq l-analiżi strateġika, il-verifikatur għandu jiċċekkja l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
jekk il-verżjoni tal-pjan ta' monitoraġġ jew tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ippreżentata lilu, skont il-każ, hijiex l-iktar verżjoni riċenti jew le u ġietx approvata mill-awtorità kompetenti jew le meta tkun meħtieġa t-tali approvazzjoni; |
|
(b) |
jekk sarx tibdil fil-pjan ta' monitoraġġ matul il-perjodu tar-rappurtar jew jekk sarx tibdil fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ matul il-perjodu ta' referenza, skont il-każ, jew le; |
|
(c) |
jekk l-awtorità kompetenti ġietx mgħarrfa bit-tibdil imsemmi fil-punt (b) skont l-Artikolu 15(1) jew l-Artikolu 23 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew jekk l-awtorità kompetenti approvatx dan it-tibdil skont l-Artikolu 15(2) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni jew le, meta dan ikun applikabbli; |
|
(d) |
jekk l-awtorità kompetenti ġietx mgħarrfa bit-tibdil imsemmi fil-punt (b) skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew jekk l-awtorità kompetenti approvatx dan it-tibdil skont l-Artikolu 9(4) ta' dak ir-Regolament jew le, meta dan ikun applikabbli. |
Artikolu 12
Analiżi tar-riskji
1. Il-verifikatur għandu jidentifika u janalizza l-elementi li ġejjin sabiex ifassal, jippjana u jimplimenta verifika effettiva:
|
(a) |
ir-riskji inerenti; |
|
(b) |
l-attivitajiet ta' kontroll; |
|
(c) |
meta jkunu ġew implimentati l-attivitajiet ta' kontroll imsemmijin fil-punt (b), ir-riskji ta' kontroll marbutin mal-effettività ta' dawk l-attivitajiet ta' kontroll. |
2. Huwa u jidentifika u janalizza l-elementi msemmijin fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jqis tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
is-sejbiet tal-analiżi strateġika msemmija fl-Artikolu 11(1); |
|
(b) |
l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) u fl-Artikolu 11(2)(c); |
|
(c) |
il-livell ta' materjalità msemmi fl-Artikolu 11(2)(b). |
3. Jekk il-verifikatur jistabbilixxi li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx irnexxielu jidentifika r-riskji inerenti u r-riskji ta' kontroll rilevanti fil-valutazzjoni tar-riskju tiegħu, għandu javża lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru b'dan.
4. Meta dan ikun xieraq skont l-informazzjoni miksuba waqt il-verifika, il-verifikatur għandu jirrevedi l-analiżi tar-riskji u jibdel l-attivitajiet ta' verifika li jridu jitwettqu jew jirrepetihom.
Artikolu 13
Pjan ta' verifika
1. Il-verifikatur għandu jabbozza pjan ta' verifika li jkun proporzjonat mal-informazzjoni miksuba u mar-riskji identifikati waqt l-analiżi strateġika u waqt l-analiżi tar-riskji, li jrid ikun fih tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
programm ta' verifika li jiddeskrivi n-natura tal-attivitajiet ta' verifika u l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, kif ukoll il-ħin li fih iridu jitwettqu dawn l-attivitajiet u l-mod kif għandhom jitwettqu; |
|
(b) |
pjan magħmul bħala test li jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet ta' kontroll u l-metodi tal-ittestjar tagħhom, kif ukoll il-proċeduri għall-attivitajiet ta' kontroll; |
|
(c) |
pjan ta' kampjunar tad-data li jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni u l-metodi tal-kampjunar tad-data b'rabta mal-punti tad-data li fuqhom jissejsu l-emissjonijiet aggregati mogħtija fir-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, id-data aggregata dwar it-tunnellati kilometri mogħtija fir-rapport dwar it-tunnellati kilometri tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u d-data aggregata rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas mogħtija fir-rapport dwar id-data ta' referenza jew fir-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tal-operatur. |
2. Il-verifikatur għandu jistabbilixxi l-pjan magħmul bħala test imsemmi fil-paragrafu 1(b) b'mod li jippermettilu jistabbilixxi kemm jista' joqgħod fuq l-attivitajiet ta' kontroll rilevanti biex jivvaluta l-konformità mar-rekwiżiti msemmijin fl-Artikolu 7(4)(b), (c) jew (d) jew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4).
Huwa u jistabbilixxi d-daqs tal-kampjunar u l-attivitajiet tal-kampjunar għall-ittestjar tal-attivitajiet ta' kontroll, il-verifikatur għandu jqis l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
ir-riskji inerenti; |
|
(b) |
l-ambjent ta' kontroll; |
|
(c) |
l-attivitajiet ta' kontroll rilevanti; |
|
(d) |
ir-rekwiżit li jagħti opinjoni ta' verifika b'garanzija raġonevoli. |
3. Huwa u jistabbilixxi d-daqs tal-kampjunar u l-attivitajiet tal-kampjunar għall-kampjunar tad-data msemmija fil-paragrafu 1(c), il-verifikatur għandu jqis l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
ir-riskji inerenti u r-riskji ta' kontroll; |
|
(b) |
ir-riżultati tal-proċeduri analitiċi; |
|
(c) |
ir-rekwiżit li jagħti opinjoni ta' verifika b'garanzija raġonevoli; |
|
(d) |
il-livell ta' materjalità; |
|
(e) |
il-materjalità tal-kontribut ta' element individwali tad-data għas-sett tad-data ġenerali. |
4. Il-verifikatur għandu jistabbilixxi u jimplimenta l-pjan ta' verifika b'tali mod li r-riskju ta' verifika jitnaqqas għal livell aċċettabbli biex tinkiseb garanzija raġonevoli li r-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru ma fihx dikjarazzjonijiet skorretti materjali.
5. Il-verifikatur għandu jaġġorna l-analiżi tar-riskji u l-pjan ta' verifika u jadatta l-attivitajiet ta' verifika waqt il-verifika meta huwa jsib riskji addizzjonali li jridu jitnaqqsu jew meta huwa jsib li r-riskju reali huwa inqas minn dak li kien mistenni fil-bidu.
Artikolu 14
Attivitajiet ta' verifika
Il-verifikatur għandu jimplimenta l-pjan ta' verifika u jiċċekkja l-implimentazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti jew tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, abbażi tal-analiżi tar-riskji.
Għal dak il-għan, il-verifikatur għandu jwettaq tal-inqas ittestjar sostantiv li jkun jikkonsisti fi proċeduri analitiċi, verifika tad-data u ċċekkjar tal-metodoloġija tal-monitoraġġ u għandu jiċċekkja l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-attivitajiet tal-fluss tad-data u s-sistemi użati fil-fluss tad-data, fosthom is-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni; |
|
(b) |
jekk l-attivitajiet ta' kontroll tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru humiex iddokumentati, implimentati u miżmuma kif xieraq u humiex effettivi biex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji inerenti jew le; |
|
(c) |
jekk il-proċeduri mniżżlin fil-pjan ta' monitoraġġ jew fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, humiex effettivi biex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji inerenti u r-riskji ta' kontroll jew le u jekk il-proċeduri humiex implimentati, iddokumentati biżżejjed u miżmuma sewwa jew le. |
Għall-finijiet tal-punt (a) tat-tieni paragrafu, il-verifikatur għandu jsegwi l-fluss tad-data billi jsegwi s-sekwenza u l-interazzjoni tal-attivitajiet tal-fluss tad-data mid-data mis-sorsi primarji sal-kumpilazzjoni tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru.
Artikolu 15
Proċeduri analitiċi
1. Il-verifikatur għandu juża proċeduri analitiċi biex jivvaluta kemm hi plawżibbli u kompluta d-data f'każijiet fejn ir-riskju inerenti, ir-riskju ta' kontroll u l-livell ta' adattament tal-attivitajiet ta' kontroll tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru juru li hemm bżonn isiru t-tali proċeduri analitiċi.
2. Meta jkun qed iwettaq il-proċeduri analitiċi msemmijin fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jivvaluta d-data rrappurtata sabiex jidentifika l-oqsma potenzjali ta' riskju u wara jivvalida l-attivitajiet ta' verifika ppjanati u jadattahom għalihom. Il-verifikatur għandu jagħmel tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
jivvaluta kemm huma plawżibbli l-varjazzjonijiet u x-xejriet tul iż-żmien jew fost l-oġġetti li jistgħu jitqabblu ma' xulxin; |
|
(b) |
jidentifika l-anomaliji immedjati, id-data mhix mistennija u n-nuqqasijiet fid-data. |
3. Meta jkun qed japplika l-proċeduri analitiċi msemmijin fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jwettaq il-proċeduri li ġejjin:
|
(a) |
proċeduri analitiċi preliminari b'rabta mad-data aggregata qabel ma jwettaq l-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 14 sabiex jifhem in-natura, l-kumplessità u r-rilevanza tad-data rrappurtata; |
|
(b) |
proċeduri analitiċi sostantivi b'rabta mad-data aggregata u mal-punti tad-data li fuqhom tissejjes din id-data sabiex jidentifika l-iżbalji strutturali potenzjali u l-anomaliji immedjati li jista' jkun hemm; |
|
(c) |
proċeduri analitiċi finali b'rabta mad-data aggregata sabiex jiżgura li l-iżbalji kollha li jkunu ġew identifikati waqt il-proċess ta' verifika jkunu ssolvew kif suppost. |
4. Meta l-verifikatur jidentifika anomaliji, varjazzjonijiet, xejriet, nuqqasijiet fid-data jew data li ma tkunx konsistenti ma' informazzjoni rilevanti oħra jew li tkun tvarja ħafna mill-ammonti jew mil-proporzjonijiet mistennija, huwa għandu jikseb spjegazzjonijiet dwar dan mingħand l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru, appoġġati minn provi rilevanti addizzjonali.
Abbażi tal-ispjegazzjonijiet u tal-provi addizzjonali pprovduti, il-verifikatur għandu jivvaluta l-impatt tagħhom fuq il-pjan ta' verifika u fuq l-attivitajiet ta' verifika li jridu jitwettqu.
Artikolu 16
Verifika tad-data
1. Il-verifikatur għandu jivverifika d-data mogħtija fir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru billi jittestja d-data b'mod iddettaljat, fosthom billi jittraċċa d-data lura lejn is-sors primarju tad-data, billi jivverifika d-data ma' sorsi esterni tad-data, billi jwettaq rikonċiljazzjonijiet, billi jiċċekkja l-limiti marbutin mad-data x-xierqa u billi jagħmel il-kalkoli mill-ġdid.
2. Bħala parti mill-verifika tad-data msemmija fil-paragrafu 1 u filwaqt li jqis il-pjan ta' monitoraġġ jew il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ approvat, skont il-każ, fosthom il-proċeduri deskritti f'dak il-pjan, il-verifikatur għandu jiċċekkja l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, il-limiti ta' stallazzjoni; |
|
(b) |
għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar id-data ta' referenza ta' operatur jew ta' rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu, il-limiti ta' stallazzjoni u tas-subinstallazzjonijiet tagħha; |
|
(c) |
għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, ta' rapport dwar id-data ta' referenza tiegħu jew ta' rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu, il-kompletezza tal-flussi mis-sorsi u tas-sorsi tal-emissjonijiet kif deskritt fil-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ; |
|
(d) |
għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet u ta' rapport dwar it-tunnellati kilometri ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, il-kompletezza tat-titjiriet koperti minn attività tal-avjazzjoni mniżżla fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE li għaliha l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun responsabbli, kif ukoll il-kompletezza tad-data dwar l-emissjonijiet u tad-data dwar it-tunnellati kilometri rispettivament; |
|
(e) |
għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet u ta' rapport dwar it-tunnellati kilometri ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, il-konsistenza bejn id-data rrappurtata u d-dokumentazzjoni dwar il-massa u l-bilanċ; |
|
(f) |
għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, il-konsistenza bejn il-konsum aggregat tal-fjuwil u d-data dwar il-fjuwil mixtri jew ipprovdut mod ieħor lill-inġenju tal-ajru li jkun qed iwettaq l-attività tal-avjazzjoni; |
|
(g) |
il-konsistenza tad-data aggregata rrappurtata f'rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru mad-data mis-sorsi primarji; |
|
(h) |
meta operatur japplika metodoloġija bbażata fuq il-kejl imsemmija fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-valuri mkejla bl-użu tar-riżultati tal-kalkoli li l-operatur ikun għamel skont l-Artikolu 46 ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni; |
|
(i) |
l-affidabbiltà u l-preċiżjoni tad-data. |
3. Għall-finijiet tal-iċċekkjar tal-kompletezza tat-titjiriet imsemmija fil-paragrafu 2(d), il-verifikatur għandu juża d-data dwar it-traffiku tal-ajru tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, fosthom id-data miġbura mill-Eurocontrol jew minn organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn li jistgħu jipproċessaw l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-ajru bħal dik disponibbli għall-Eurocontrol.
Artikolu 17
Verifika tal-applikazzjoni korretta tal-metodoloġija tal-monitoraġġ
1. Il-verifikatur għandu jiċċekkja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-metodoloġija tal-monitoraġġ kif approvata mill-awtorità kompetenti fil-pjan ta' monitoraġġ, fosthom id-dettalji speċifiċi ta' dik il-metodoloġija tal-monitoraġġ.
2. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, il-verifikatur għandu jiċċekkja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-pjan ta' kampjunar imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 kif approvat mill-awtorità kompetenti.
3. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar id-data ta' referenza ta' operatur jew tar-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk il-metodoloġija għall-ġbir u għall-monitoraġġ tad-data ddefinita fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ hijiex applikata kif suppost jew le, fosthom l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
jekk id-data kollha marbuta mal-emissjonijiet, mad-dħul, mal-prodotti u mal-flussi tal-enerġija ġietx attribwita sewwa għas-subinstallazzjonijiet skont il-limiti tas-sistema kif imsemmi fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew le; |
|
(b) |
jekk id-data hijiex kompluta u jekk kienx hemm nuqqasijiet fid-data jew għadd doppju jew le; |
|
(c) |
jekk il-livelli tal-attività għall-valuri ta' referenza tal-prodotti humiex ibbażati fuq applikazzjoni korretta tad-definizzjonijiet tal-prodotti mniżżlin fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew le; |
|
(d) |
jekk il-livelli tal-attività għas-subinstallazzjonijiet ta' referenza għas-sħana, għas-subinstallazzjoni tat-tisħin distrettwali, għas-subinstallazzjonijiet ta' referenza għall-fjuwil u għas-subinstallazzjonijiet tal-emissjonijiet mill-proċessi ġewx attribwiti sewwa skont il-prodotti li ġew prodotti u skont l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10b(5) tad-Direttiva 2003/87/KE jew le. |
4. Meta s-CO2 ittrasferit jitnaqqas skont l-Artikolu 49 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew in-N2O ittrasferit ma jingħaddx skont l-Artikolu 50 ta' dak ir-Regolament u s-CO2 jew in-N2O ittrasferit jitkejjel kemm mill-istallazzjoni li tkun qed tittrasferih u kemm mill-istallazzjoni li tkun qed tirċevih, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk l-inċertezza tas-sistemi tal-kejl tistax tispjega d-differenzi bejn il-valuri mkejla fiż-żewġ stallazzjonijiet jew le u jekk tkunx intużat il-medja aritmetika korretta tal-valuri mkejla fir-rapporti dwar l-emissjonijiet taż-żewġ stallazzjonijiet jew le.
Meta l-inċertezza tas-sistemi tal-kejl ma tkunx tista' tispjega d-differenzi bejn il-valuri mkejla fiż-żewġ stallazzjonijiet, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk sarux xi aġġustamenti sabiex jiġu allinjati d-differenzi bejn il-valuri mkejla jew le, jekk dawk l-aġġustamenti kinux konservattivi jew le u jekk l-awtorità kompetenti approvatx dawk l-aġġustamenti jew le.
5. Meta, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, l-operaturi jkollhom idaħħlu iktar elementi fil-pjan ta' monitoraġġ li jkunu rilevanti għall-ilħiq tar-rekwiżiti tal-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (12), il-verifikatur għandu jiċċekkja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-proċeduri msemmijin fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012. Meta jagħmel dan, il-verifikatur għandu jiċċekkja wkoll jekk l-operatur ikunx bagħat l-informazzjoni dwar it-tibdil ippjanat jew it-tibdil effettiv fil-kapaċità, fil-livell tal-attività u fl-operat ta' stallazzjoni lill-awtorità kompetenti sal-31 ta' Diċembru tal-perjodu tar-rappurtar jew le.
Artikolu 18
Verifika tal-metodi applikati għad-data nieqsa
1. Meta jkunu ntużaw il-metodi stabbiliti fil-pjan ta' monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti biex tiġi kompluta d-data nieqsa skont l-Artikolu 66 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk il-metodi użati kinux xierqa għas-sitwazzjoni speċifika jew le u jekk dawn ġewx applikati tajjeb jew le.
Jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun kiseb approvazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti biex juża metodi oħrajn minbarra dawk imsemmijin fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 66 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk l-approċċ approvat ġiex applikat tajjeb u ddokumentat kif xieraq jew le.
Meta operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx kapaċi jikseb it-tali approvazzjoni fil-ħin, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk l-approċċ li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun uża biex iżid id-data nieqsa jiżgurax li l-emissjonijiet ma jiġux issottovalutati jew le u li dan l-approċċ ma jwassalx għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali.
2. Il-verifikatur għandu jiċċekkja l-effettività tal-attivitajiet ta' kontroll li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun implimenta biex jevita li jkun hemm id-data nieqsa msemmija fl-Artikolu 66 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.
3. Meta jkun hemm nuqqasijiet fid-data fir-rapporti dwar id-data ta' referenza jew fir-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ hemmx metodi stabbiliti biex jiġu ttrattati n-nuqqasijiet fid-data skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew le, jekk dawn il-metodi kinux xierqa għas-sitwazzjoni speċifika jew le u jekk dawn ġewx applikati tajjeb jew le.
Meta fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ma jkun hemm l-ebda metodu applikabbli stabbilit b'rabta man-nuqqasijiet fid-data, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk l-approċċ li l-operatur ikun uża biex jikkumpensa għad-data nieqsa kienx ibbażat fuq provi raġonevoli u kienx jiżgura li d-data meħtieġa skont ir-Regolament Delegat (UE) …/… ma tiġix issottovalutata jew issopravalutata jew le.
Artikolu 19
Valutazzjoni tal-inċertezza
1. Meta, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, l-operatur ikollu juri l-konformità tiegħu mal-limiti tal-inċertezza għad-data dwar l-attività u għall-fatturi ta' kalkolu, il-verifikatur għandu jikkonferma l-validità tal-informazzjoni li tkun intużat biex jiġu kkalkulati l-livelli tal-inċertezza kif stabbilit fil-pjan ta' monitoraġġ approvat.
2. Meta operatur juża metodoloġija tal-monitoraġġ li ma tkunx ibbażata fuq is-saffi, kif imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jiċċekkja l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
jekk l-operatur ikunx ivvaluta u kkwantifika l-inċertezza b'mod li juri li ntlaħaq il-limitu ġenerali tal-inċertezza meħtieġ għal-livell annwali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont l-Artikolu 22(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew le; |
|
(b) |
il-validità tal-informazzjoni li tkun intużat għall-valutazzjoni u għall-kwantifikazzjoni tal-inċertezza; |
|
(c) |
jekk l-approċċ ġenerali li jkun intuża għall-valutazzjoni u għall-kwantifikazzjoni tal-inċertezza jkunx konformi mal-Artikolu 22(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew le; |
|
(d) |
jekk ikunux ingħataw provi li jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet għall-metodoloġija tal-monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 22(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew le. |
3. Meta, skont ir-Regolament Delegat (UE) …/…, l-operatur ikollu jagħmel valutazzjoni ssimplifikata tal-inċertezza, il-verifikatur għandu jikkonferma l-validità tal-informazzjoni li tkun intużat għl dik il-valutazzjoni.
Artikolu 20
Kampjunar
1. Huwa u jivverifika l-konformità tal-attivitajiet ta' kontroll u tal-proċeduri msemmijin fl-Artikolu 14(b) u (c) jew huwa u jwettaq il-verifiki msemmijin fl-Artikoli 15 u 16, il-verifikatur jista' juża metodi tal-kampjunar speċifiċi għal stallazzjoni jew għal operatur tal-inġenji tal-ajru, dejjem jekk il-kampjunar ikun iġġustifikat abbażi tal-analiżi tar-riskji.
2. Meta l-verifikatur jidentifika nuqqas ta' konformità jew dikjarazzjoni skorretta waqt il-kampjunar, għandu jitlob lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru jispjega l-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' konformità jew tad-dikjarazzjoni skorretta sabiex jivvaluta l-impatt tan-nuqqas ta' konformità jew tad-dikjarazzjoni skorretta fuq id-data rrappurtata. Abbażi tar-riżultat ta' dik il-valutazzjoni, il-verifikatur għandu jistabbilixxi jekk ikunx hemm bżonn ta' attivitajiet addizzjonali ta' verifika u jekk ikunx hemm bżonn li jitkabbar id-daqs tal-kampjunar jew le, u liema parti mill-popolazzjoni tad-data jrid jikkoreġi l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru.
3. Il-verifikatur għandu jiddokumenta r-riżultat tal-verifiki msemmijin fl-Artikoli 14 sa 17, inklużi d-dettalji tal-kampjuni addizzjonali, fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika.
Artikolu 21
Żjarat fuq il-post
1. F'ħin opportun jew f'diversi ħinijiet opportuni waqt il-proċess ta' verifika, il-verifikatur għandu jwettaq żjara fuq il-post sabiex jivvaluta l-operat tal-istrumenti tal-kejl u tas-sistemi ta' monitoraġġ, sabiex iwettaq intervisti u sabiex iwettaq l-attivitajiet meħtieġa skont dan il-Kapitolu, kif ukoll sabiex jiġbor biżżejjed informazzjoni u provi biex ikun jista' jikkonkludi jekk ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru huwiex ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali jew le.
2. Lill-verifikatur, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħtih aċċess għas-siti tiegħu.
3. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, il-verifikatur għandu juża wkoll żjara fuq il-post biex jivvaluta l-limiti tal-istallazzjoni kif ukoll il-kompletezza tal-flussi mis-sorsi u tas-sorsi tal-emissjonijiet.
4. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar id-data ta' referenza ta' operatur jew tar-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu, il-verifikatur għandu juża wkoll żjara fuq il-post biex jivvaluta l-limiti tal-istallazzjoni u tas-subinstallazzjonijiet tagħha, kif ukoll il-kompletezza tal-flussi mis-sorsi, tas-sorsi tal-emissjonijiet u tal-konnessjonijiet tekniċi.
5. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, tar-rapport dwar id-data ta' referenza tiegħu jew tar-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu, il-verifikatur għandu jiddeċiedi, abbażi tal-analiżi tar-riskji, jekk hemmx bżonn isiru żjarat f'postijiet addizzjonali jew le, fosthom meta partijiet rilevanti mill-attivitajiet tal-fluss tad-data u mill-attivitajiet ta' kontroll jitwettqu f'postijiet oħrajn bħal fil-kwartieri ġenerali tal-kumpanija u f'uffiċċji oħrajn barra mill-post.
Artikolu 22
Trattament tad-dikjarazzjonijiet skorretti u tan-nuqqasijiet ta' konformità
1. Jekk, waqt il-verifika, il-verifikatur jidentifika dikjarazzjonijiet skorretti, nuqqasijiet ta' konformità jew nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/…, skont il-każ, huwa għandu javża lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru fil-waqt b'dan u jitolbu jagħmel il-korrezzjonijiet rilevanti.
L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jikkoreġi d-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta' konformità li jkun ġie mgħarraf bihom.
Meta jkun ġie identifikat nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/…, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti b'dan u jikkoreġi n-nuqqas ta' konformità kif xieraq mingħajr dewmien żejjed.
2. Fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika, il-verifikatur għandu jiddokumenta u jimmarka bħala solvuti d-dikjarazzjonijiet skorretti kollha, in-nuqqasijiet kollha ta' konformità jew in-nuqqasijiet kollha ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/… li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun ikkoreġa waqt il-verifika.
3. Jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jikkoreġix id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta' konformità li l-verifikatur ikun għarrfu bihom skont il-paragrafu 1 qabel ma l-verifikatur joħroġ ir-rapport ta' verifika, il-verifikatur għandu jitlob lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru jispjega l-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' konformità jew tad-dikjarazzjoni skorretta sabiex jivvaluta l-impatt tan-nuqqasijiet ta' konformità jew tad-dikjarazzjonijiet skorretti fuq id-data rrappurtata.
Il-verifikatur għandu jistabbilixxi jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti mhux ikkoreġuti, meta jittieħdu waħedhom jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, ikollhomx effett materjali fuq l-emissjonijiet totali rrappurtati, fuq id-data totali rrappurtata dwar it-tunnellati kilometri jew fuq id-data totali rrappurtata rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas. Meta jkun qed jivvaluta l-materjalità tad-dikjarazzjonijiet skorretti, il-verifikatur għandu jqis id-daqs u n-natura tad-dikjarazzjonijiet skorretti, kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikulari li fihom ikunu seħħew.
Il-verifikatur għandu jivvaluta jekk in-nuqqas ta' konformità mhux ikkoreġut, meta jittieħed waħdu jew flimkien ma' nuqqasijiet ta' konformità oħrajn, ikollux impatt fuq id-data rrappurtata jew le u jekk dan iwassalx għal dikjarazzjoni skorretta materjali jew le.
Jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jikkoreġix in-nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/… skont il-paragrafu 1 qabel ma l-verifikatur joħroġ ir-rapport ta' verifika, il-verifikatur għandu jivvaluta jekk in-nuqqas ta' konformità mhux ikkoreġut ikollux impatt fuq id-data rrappurtata jew le u jekk dan iwassalx għal dikjarazzjoni skorretta materjali jew le.
Il-verifikatur jista' jqis id-dikjarazzjonijiet skorretti bħala materjali anke jekk dawk id-dikjarazzjonijiet skorretti, meta jittieħdu waħedhom jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, ma jkunux jaqbżu l-livell ta' materjalità stabbilit fl-Artikolu 23, meta d-daqs u n-natura tad-dikjarazzjonijiet skorretti u ċ-ċirkustanzi partikulari li fihom iseħħu jkunu jiġġustifikaw it-tali kunsiderazzjoni.
Artikolu 23
Livell ta' materjalità
1. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet, il-livell ta' materjalità għandu jkun ta' 5 % tal-emissjonijiet totali rrappurtati fil-perjodu tar-rappurtar li għalih tkun qed issir il-verifika, għal kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
l-istallazzjonijiet tal-kategorija A msemmijin fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u l-istallazzjonijiet tal-kategorija B imsemmijin fl-Artikolu 19(2)(b) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni; |
|
(b) |
l-operaturi tal-inġenji tal-ajru b'emissjonijiet annwali ta' 500 kilotunnellata ta' CO2 fossili jew inqas. |
2. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet, il-livell ta' materjalità għandu jkun ta' 2 % tal-emissjonijiet totali rrappurtati fil-perjodu tar-rappurtar li għalih tkun qed issir il-verifika, għal kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
l-istallazzjonijiet tal-kategorija C imsemmijin fl-Artikolu 19(2)(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066; |
|
(b) |
l-operaturi tal-inġenji tal-ajru b'emissjonijiet annwali ta' iktar minn 500 kilotunnellata ta' CO2 fossili. |
3. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar it-tunnellati kilometri tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru, il-livell ta' materjalità għandu jkun ta' 5 % tad-data totali rrappurtata dwar it-tunnellati kilometri fil-perjodu tar-rappurtar li għalih tkun qed issir il-verifika.
4. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar id-data ta' referenza jew tar-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid, il-livell ta' materjalità għandu jkun ta' 5 % tal-valur totali rrappurtat għall-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-emissjonijiet totali tal-istallazzjoni, meta d-data tkun marbuta mal-emissjonijiet; |
|
(b) |
l-importazzjonijiet u l-produzzjoni tas-sħana netta li tista' titkejjel, magħdudin flimkien, jekk dan ikun rilevanti, meta d-data tkun marbuta mad-data dwar is-sħana li tista' titkejjel; |
|
(c) |
l-ammonti tal-gassijiet tal-iskart importati u prodotti fl-istallazzjoni, magħdudin flimkien, jekk dan ikun rilevanti; |
|
(d) |
il-livell tal-attività ta' kull subinstallazzjoni ta' referenza għall-prodotti rilevanti meħuda waħedha. |
Artikolu 24
Konklużjonijiet dwar is-sejbiet tal-verifika
Huwa u jlesti l-verifika u huwa u jqis l-informazzjoni li tkun inkisbet waqt il-verifika, il-verifikatur għandu jagħmel l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
jiċċekkja d-data finali li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun ipprovda, fosthom id-data li tkun ġiet aġġustata abbażi tal-informazzjoni li tkun inkisbet waqt il-verifika; |
|
(b) |
janalizza r-raġunijiet tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru għal kull differenza bejn id-data finali pprovduta u d-data li kienet ingħatat qabel; |
|
(c) |
janalizza r-riżultat tal-valutazzjoni biex jistabbilixxi jekk il-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, ikunx ġie implimentat sewwa jew le, inklużi l-proċeduri deskritti f'dak il-pjan; |
|
(d) |
jivvaluta jekk ir-riskju ta' verifika jkunx f'livell baxx aċċettabbli biex tinkiseb garanzija raġonevoli; |
|
(e) |
jiżgura li jkunu nġabru biżżejjed provi biex ikun jista' jagħti opinjoni ta' verifika b'garanzija raġonevoli li r-rapport ma fihx dikjarazzjonijiet skorretti materjali; |
|
(f) |
jiżgura li l-proċess ta' verifika jiġi ddokumentat bis-sħiħ fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika u li jkun jista' jingħata ġudizzju finali fir-rapport ta' verifika. |
Artikolu 25
Analiżi indipendenti
1. Il-verifikatur għandu jibgħat id-dokumentazzjoni interna tal-verifika u r-rapport ta' verifika lil eżaminatur indipendenti qabel ma joħroġ ir-rapport ta' verifika.
2. L-eżaminatur indipendenti ma għandu jkun wettaq l-ebda attività ta' verifika li jkun qed janalizza.
3. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-analiżi indipendenti għandu jinkludi l-proċess kollu ta' verifika deskritt f'dan il-Kapitolu u rreġistrat fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika.
L-eżaminatur indipendenti għandu jwettaq l-analiżi b'mod li jiżgura li l-proċess ta' verifika jkun twettaq skont dan ir-Regolament, li l-proċeduri għall-attivitajiet ta' verifika msemmijin fl-Artikolu 41 ikunu twettqu tajjeb u li tkun ingħatat attenzjoni professjonali xierqa u jkun sar ġudizzju professjonali xieraq.
L-eżaminatur indipendenti għandu jivvaluta wkoll jekk il-provi li jkunu nġabru jkunux biżżejjed biex il-verifikatur ikun jista' joħroġ rapport ta' verifika b'garanzija raġonevoli jew le.
4. Meta jinqalgħu ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal tibdil fir-rapport ta' verifika wara l-analiżi, l-eżaminatur indipendenti għandu janalizza wkoll dak it-tibdil u l-provi ta' dan.
5. Il-verifikatur għandu jawtorizza kif xieraq lil persuna tawtentika r-rapport ta' verifika abbażi tal-konklużjonijiet tal-eżaminatur indipendenti u tal-provi mogħtija fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika.
Artikolu 26
Id-dokumentazzjoni interna tal-verifika
1. Il-verifikatur għandu jħejji u jikkumpila dokumentazzjoni interna tal-verifika li jkun fiha tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
ir-riżultati tal-attivitajiet ta' verifika li jkunu twettqu; |
|
(b) |
l-analiżi strateġika, l-analiżi tar-riskji u l-pjan ta' verifika; |
|
(c) |
biżżejjed informazzjoni biex tappoġġa l-opinjoni ta' verifika, fosthom il-ġustifikazzjonijiet għall-ġudizzji li jkunu saru dwar jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti identifikati għandhomx effett materjali fuq l-emissjonijiet irrappurtati, fuq id-data rrappurtata dwar it-tunnellati kilometri jew fuq id-data rrappurtata rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas. |
2. Id-dokumentazzjoni interna tal-verifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi abbozzata b'tali mod li l-eżaminatur indipendenti msemmi fl-Artikolu 25 u l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikunu jistgħu jivvalutaw jekk il-verifika tkunx twettqet skont dan ir-Regolament jew le.
Wara li r-rapport ta' verifika jiġi awtentikat skont l-Artikolu 25(5), il-verifikatur għandu jinkludi r-riżultati tal-analiżi indipendenti fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika.
3. Fuq talba, il-verifikatur għandu jagħti aċċess lill-awtorità kompetenti għad-dokumentazzjoni interna tal-verifika sabiex jiffaċilita evalwazzjoni tal-verifika min-naħa tal-awtorità kompetenti.
Artikolu 27
Rapport ta' verifika
1. Abbażi tal-informazzjoni miġbura waqt il-verifika, il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta' verifika lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru għal kull rapport dwar l-emissjonijiet, rapport dwar it-tunnellati kilometri, rapport dwar id-data ta' referenza jew rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid li jkun ġie vverifikat. Ir-rapport ta' verifika għandu jinkludi tal-inqas waħda mis-sejbiet li ġejjin:
|
(a) |
li r-rapport ġie vverifikat bħala sodisfaċenti; |
|
(b) |
li r-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru fih dikjarazzjonijiet skorretti materjali li ma ġewx ikkoreġuti qabel ma nħareġ ir-rapport ta' verifika; |
|
(c) |
li l-kamp ta' applikazzjoni tal-verifika huwa limitat wisq skont l-Artikolu 28 u l-verifikatur ma setax jikseb biżżejjed provi biex jagħti opinjoni ta' verifika b'garanzija raġonevoli li r-rapport ma fihx dikjarazzjonijiet skorretti materjali; |
|
(d) |
li n-nuqqasijiet ta' konformità, meħudin waħedhom jew flimkien ma' nuqqasijiet ta' konformità oħrajn, ma jipprovdux ċarezza biżżejjed u jipprevjenu lill-verifikatur milli jiddikjara b'garanzija raġonevoli li r-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru ma fihx dikjarazzjonijiet skorretti materjali; |
|
(e) |
meta l-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ma jkunx ġie approvat mill-awtorità kompetenti, li nuqqas ta' konformità mar-Regolament Delegat (UE) …/… ma jipprovdix ċarezza biżżejjed u jipprevjeni lill-verifikatur milli jiddikjara b'garanzija raġonevoli li r-rapport dwar id-data ta' referenza jew ir-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid ma fihx dikjarazzjonijiet skorretti materjali. |
Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jista' jiġi vverifikat bħala sodisfaċenti biss meta dan ma jkunx fih dikjarazzjonijiet skorretti materjali.
2. L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jibgħat ir-rapport ta' verifika lill-awtorità kompetenti flimkien mar-rapport ikkonċernat tiegħu.
3. Ir-rapport ta' verifika għandu jkun fih tal-inqas l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
isem l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru li saritlu l-verifika; |
|
(b) |
l-għanijiet tal-verifika; |
|
(c) |
il-kamp ta' applikazzjoni tal-verifika; |
|
(d) |
referenza għar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru li jkun ġie vverifikat; |
|
(e) |
il-kriterji li ntużaw għall-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, inkluż il-permess, meta dan ikun applikabbli, u l-verżjonijiet tal-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, kif ukoll il-perjodu ta' validità ta' kull pjan; |
|
(f) |
fil-każ tal-verifika tar-rapport ta' referenza meħtieġ għall-allokazzjoni għall-perjodu mill-2021 sal-2025, u f'każ li l-awtorità kompetenti ma tkunx imponiet obbligu li l-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ jiġi approvat, konferma li l-verifikatur iċċekkja l-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ u li dan il-pjan huwa konformi mar-Regolament Delegat (UE) …/…; |
|
(g) |
meta dan ikollu x'jaqsam mal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, l-emissjonijiet aggregati jew it-tunnellati kilometri aggregati għal kull attività msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u għal kull stallazzjoni jew għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru; |
|
(h) |
meta dan ikollu x'jaqsam mal-verifika tar-rapport dwar id-data ta' referenza jew tar-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid, id-data annwali aggregata vverifikata għal kull sena tal-perjodu ta' referenza għal kull subinstallazzjoni għal-livell annwali tal-attività u l-emissjonijiet attribwiti lis-subinstallazzjoni; |
|
(i) |
il-perjodu tar-rappurtar jew il-perjodu ta' referenza li għalih tkun qed issir il-verifika; |
|
(j) |
ir-responsabbiltajiet tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, tal-awtorità kompetenti u tal-verifikatur; |
|
(k) |
id-dikjarazzjoni tal-opinjoni ta' verifika; |
|
(l) |
deskrizzjoni ta' kull dikjarazzjoni skorretta u ta' kull nuqqas ta' konformità identifikati li ma jkunux ġew ikkoreġuti qabel ma nħareġ ir-rapport ta' verifika; |
|
(m) |
id-dati meta jkunu twettqu ż-żjarat fuq il-post u min ikun wettaqhom; |
|
(n) |
informazzjoni dwar jekk kienx hemm xi eżenzjoni għal xi żjara fuq il-post kif ukoll ir-raġunijiet għall-eżenzjoni ta' dawn iż-żjarat fuq il-post; |
|
(o) |
kull kwistjoni ta' nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/… li tkun ħarġet fid-deher waqt il-verifika; |
|
(p) |
jekk l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti għall-metodu użat biex jingħalaq in-nuqqas fid-data skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ma tkunx tista' tinkiseb fil-ħin, konferma dwar jekk il-metodu użat huwiex konservattiv jew le u dwar jekk dan iwassalx għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali jew le; |
|
(q) |
dikjarazzjoni jekk il-metodu użat biex jingħalaq kull nuqqas fid-data skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) …/… iwassal għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali; |
|
(r) |
meta l-verifikatur ikun innota tibdil fil-kapaċità, fil-livell tal-attività u fl-operat tal-istallazzjoni li jista' jkollu impatt fuq l-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-istallazzjoni u li ma jkunx ġie rrappurtat lill-awtorità kompetenti sal-31 ta' Diċembru tal-perjodu tar-rappurtar skont l-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, deskrizzjoni ta' dan it-tibdil u l-kummenti marbutin miegħu; |
|
(s) |
rakkomandazzjonijiet għal titjib, meta dan ikun applikabbli; |
|
(t) |
l-ismijiet tal-awditur ewlieni tal-EU ETS, tal-eżaminatur indipendenti u, meta dan ikun applikabbli, tal-awditur tal-EU ETS u tal-espert tekniku li kienu involuti fil-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru; |
|
(u) |
id-data u l-firma ta' persuna awtorizzata f'isem il-verifikatur, inkluż isimha. |
4. Fir-rapport ta' verifika, il-verifikatur għandu jiddeskrivi d-dikjarazzjonijiet skorretti, in-nuqqasijiet ta' konformità u n-nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/… f'biżżejjed dettall biex l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru u l-awtorità kompetenti jkunu jistgħu jifhmu l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
id-daqs u n-natura tad-dikjarazzjoni skorretta, tan-nuqqas ta' konformità jew tan-nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/…; |
|
(b) |
għaliex id-dikjarazzjoni skorretta għandha effett materjali jew le; |
|
(c) |
għal liema element tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru tirreferi d-dikjarazzjoni skorretta jew għal liema element tal-pjan ta' monitoraġġ jew tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ jirreferi n-nuqqas ta' konformità; |
|
(d) |
ma' liema Artikolu tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew tar-Regolament Delegat (UE) …/… għandu x'jaqsam in-nuqqas ta' konformità. |
5. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet jew tar-rapporti dwar it-tunnellati kilometri, jekk Stat Membru jkun jeżiġi li l-verifikatur jibgħat iktar informazzjoni dwar il-proċess ta' verifika minbarra l-elementi deskritti fil-paragrafu 3 u dik l-informazzjoni ma tkunx meħtieġa biex wieħed jifhem l-opinjoni ta' verifika, għal raġunijiet ta' effiċjenza, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jista' jibgħat dik l-informazzjoni addizzjonali lill-awtorità kompetenti b'mod separat mir-rapport ta' verifika f'data alternattiva, iżda mhux iktar tard mill-15 ta' Mejju tal-istess sena.
Artikolu 28
Limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni
Il-verifikatur jista' jikkonkludi li l-kamp ta' applikazzjoni tal-verifika msemmi fl-Artikolu 27(1)(c) huwa limitat wisq fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
meta jkun hemm data nieqsa li ma tħallihx jikseb il-provi meħtieġa biex inaqqas ir-riskju ta' verifika għal-livell li jkun meħtieġ biex jinkiseb livell raġonevoli ta' garanzija; |
|
(b) |
meta l-awtorità kompetenti ma tkunx approvat il-pjan ta' monitoraġġ; |
|
(c) |
meta l-pjan ta' monitoraġġ jew il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, ma jkunx jipprovdi biżżejjed ċarezza jew kamp ta' applikazzjoni wiesa' biżżejjed biex ikun jista' joħroġ b'konklużjonijiet dwar il-verifika; |
|
(d) |
meta l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx tah biżżejjed informazzjoni biex huwa jkun jista' jwettaq il-verifika; |
|
(e) |
meta l-awtorità kompetenti tkun trid tapprova l-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ qabel ma jintbagħat ir-rapport dwar id-data ta' referenza skont ir-Regolament Delegat (UE) …/… jew skont ir-regoli tal-Istat Membru, u l-awtorità kompetenti ma tkunx approvat dak il-pjan qabel il-bidu tal-verifika. |
Artikolu 29
Trattament tan-nuqqasijiet ta' konformità mhux materjali pendenti
1. Il-verifikatur għandu jivvaluta jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkunx ikkoreġa n-nuqqasijiet ta' konformità indikati fir-rapport ta' verifika marbut mal-perjodu ta' monitoraġġ ta' qabel skont ir-rekwiżiti li għandu l-operatur imsemmijin fl-Artikolu 69(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew le, meta dan ikun rilevanti.
Jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx ikkoreġa dawk in-nuqqasijiet ta' konformità skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jqis jekk l-ommissjoni żżidx ir-riskju ta' dikjarazzjonijiet skorretti jew tistax tagħmel dan jew le.
Fir-rapport ta' verifika, il-verifikatur għandu jniżżel jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkunx solva dawn in-nuqqasijiet ta' konformità jew le.
2. Fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika, il-verifikatur għandu jniżżel id-dettalji ta' meta u kif, waqt il-verifika, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru solva n-nuqqasijiet ta' konformità identifikati.
Artikolu 30
Titjib fil-proċess ta' monitoraġġ u ta' rappurtar
1. Meta l-verifikatur ikun identifika oqsma ta' titjib fil-prestazzjoni tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru marbutin mal-punti (a) sa (e) ta' dan il-paragrafu, fir-rapport ta' verifika huwa għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet għal titjib marbut mal-prestazzjoni tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru f'dawk il-punti:
|
(a) |
il-valutazzjoni tar-riskju tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru; |
|
(b) |
l-iżvilupp, id-dokumentazzjoni, l-implimentazzjoni u ż-żamma tal-attivitajiet tal-fluss tad-data u tal-attivitajiet ta' kontroll, kif ukoll l-evalwazzjoni tas-sistema ta' kontroll; |
|
(c) |
l-iżvilupp, id-dokumentazzjoni, l-implimentazzjoni u ż-żamma tal-proċeduri għall-attivitajiet tal-fluss tad-data u għall-attivitajiet ta' kontroll, kif ukoll ta' proċeduri oħrajn li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jrid jistabbilixxi skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Delegat (UE) …/…; |
|
(d) |
il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet jew tat-tunnellati kilometri, fosthom b'rabta mal-ilħiq ta' saffi ogħla, mat-tnaqqis tar-riskji u mat-titjib fl-effiċjenza tal-monitoraġġ u tar-rappurtar; |
|
(e) |
il-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data għar-rapporti dwar id-data ta' referenza u għar-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid. |
2. Waqt il-verifika wara sena li fiha jkunu saru rakkomandazzjonijiet għal titjib f'rapport ta' verifika, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkunx implimenta dawk ir-rakkomandazzjonijiet għal titjib jew le u l-mod kif ikun għamel dan.
Meta l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx implimenta dawk ir-rakkomandazzjonijiet jew ma jkunx implimentahom sewwa, il-verifikatur għandu jivvaluta l-impatt li dan għandu fuq ir-riskju ta' dikjarazzjonijiet skorretti u ta' nuqqasijiet ta' konformità.
Artikolu 31
Verifika ssimplifikata fil-każ tal-istallazzjonijiet
1. B'deroga mill-Artikolu 21(1), il-verifikatur jista' jiddeċiedi li ma jwettaqx żjarat fuq il-post fl-istallazzjonijiet, dejjem jekk awtorità kompetenti tapprova dan skont it-tieni subparagrafu ta' dan l-Artikolu. Din id-deċiżjoni għandha tissejjes fuq ir-riżultat tal-analiżi tar-riskji u għandha tittieħed wara li jiġi stabbilit li l-verifikatur jista' jkollu aċċess mill-bogħod għad-data rilevanti kollha u li jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet biex ma jitwettqux iż-żjarat fuq il-post. Il-verifikatur għandu javża lill-operatur b'dan mingħajr dewmien żejjed.
L-operatur għandu jibgħat applikazzjoni lill-awtorità kompetenti li fiha jitlobha tapprova d-deċiżjoni tal-verifikatur li ma jwettaqx iż-żjara fuq il-post.
Meta tirċievi applikazzjoni mingħand l-operatur ikkonċernat, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi jekk tapprovax id-deċiżjoni tal-verifikatur li ma jwettaqx iż-żjara fuq il-post jew le billi tqis l-elementi kollha li ġejjin:
|
(a) |
l-informazzjoni pprovduta mill-verifikatur dwar ir-riżultat tal-analiżi tar-riskji; |
|
(b) |
informazzjoni dwar il-fatt li jista' jkun hemm aċċess mill-bogħod għad-data rilevanti; |
|
(c) |
provi li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ma japplikawx għall-istallazzjoni; |
|
(d) |
provi li jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet biex ma jitwettqux iż-żjarat fuq il-post. |
2. L-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu mhix meħtieġa biex ma jitwettqux żjarat fuq il-post fl-istallazzjonijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.
3. Fis-sitwazzjonijiet li ġejjin, il-verifikatur dejjem għandu jwettaq żjarat fuq il-post:
|
(a) |
meta huwa jkun qed jivverifika r-rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur għall-ewwel darba; |
|
(b) |
jekk huwa ma jkunx wettaq żjara fuq il-post fiż-żewġ perjodi tar-rappurtar ta' eżatt qabel il-perjodu attwali tar-rappurtar; |
|
(c) |
jekk ikun sar tibdil sinifikanti fil-pjan ta' monitoraġġ matul il-perjodu tar-rappurtar, fosthom dak imsemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066; |
|
(d) |
jekk huwa jkun qed jivverifika rapport dwar id-data ta' referenza ta' operatur jew rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu. |
4. Il-paragrafu 3(c) ma japplikax meta, matul il-perjodu tar-rappurtar, ikun sar biss tibdil fil-valur prestabbilit għal fattur ta' kalkolu kif imsemmi fl-Artikolu 15(3)(h) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.
Artikolu 32
Kundizzjonijiet biex ma jitwettqux iż-żjarat fuq il-post
Il-kundizzjonijiet biex ma jitwettqux iż-żjarat fuq il-post imsemmijin fl-Artikolu 31(1) huma kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
|
(1) |
meta l-verifika jkollha x'taqsam ma' stallazzjoni tal-kategorija A msemmija fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew ma' stallazzjoni tal-kategorija B imsemmija fl-Artikolu 19(2)(b) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, li fiha:
|
|
(2) |
meta l-verifika jkollha x'taqsam ma' stallazzjoni tal-kategorija A msemmija fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew ma' stallazzjoni tal-kategorija B imsemmija fl-Artikolu 19(2)(b) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, li fiha:
|
|
(3) |
meta l-verifika jkollha x'taqsam ma' stallazzjoni b'livell baxx ta' emissjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u jkun japplika l-punt 2(a) sa (c); |
|
(4) |
meta l-verifika jkollha x'taqsam ma' stallazzjoni li tkun tinsab f'sit mingħajr persunal li fiha:
|
|
(5) |
meta l-verifika jkollha x'taqsam ma' stallazzjoni li tkun tinsab f'post imbiegħed jew li ma jkunx aċċessibbli, b'mod partikulari stallazzjoni lil hinn mill-kosta, li fiha:
|
Il-punt (2) jista' jiġi applikat ukoll jekk, minbarra l-fluss mis-sorsi kif imsemmi fil-punt (a) ta' dak il-punt, l-istallazzjoni tkun tuża fluss wieħed jew iktar mis-sorsi de minimis li, meta jittieħdu flimkien, ma jkunux jaqbżu l-limitu għall-flussi mis-sorsi de minimis stabbilit fl-Artikolu 19 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.
Artikolu 33
Verifika ssimplifikata fil-każ tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru
1. B'deroga mill-Artikolu 21(1) ta' dan ir-Regolament, verifikatur jista' jiddeċiedi li ma jwettaqx żjara fuq il-post fil-każ ta' emittent żgħir imsemmi fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jekk huwa jkun ikkonkluda, abbażi tal-analiżi tar-riskji tiegħu, li jista' jkollu aċċess mill-bogħod għad-data rilevanti kollha.
2. Meta operatur tal-inġenji tal-ajru juża l-għodod issimplifikati msemmijin fl-Artikolu 55(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 biex jistabbilixxi l-konsum tal-fjuwil u d-data rrappurtata tkun ġiet iġġenerata bl-użu ta' dawk l-għodod, b'mod indipendenti minn kull dħul nin-naħa tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, il-verifikatur jista' jiddeċiedi, abbażi tal-analiżi tar-riskji tiegħu, li ma jwettaqx il-verifiki msemmijin fl-Artikoli 14 u 16, fl-Artikolu 17(1) u (2) u fl-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 34
Pjanijiet ta' verifika ssimplifikati
Meta verifikatur juża pjan ta' verifika ssimplifikat, għandu jżomm reġistru tal-ġustifikazzjonijiet għall-użu tat-tali pjanijiet fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika, fosthom il-provi li ntlaħqu l-kundizzjonijiet għall-użu tal-pjanijiet ta' verifika ssimplifikati.
KAPITOLU III
REKWIŻITI GĦALL-VERIFIKATURI
Artikolu 35
Kampijiet ta' applikazzjoni settorjali tal-akkreditament
Il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta' verifika lil operatur jew lil operatur tal-inġenji tal-ajru li jwettaq attività li tkun koperta mill-kamp ta' applikazzjoni tal-attività msemmi fl-Anness I li għalih huwa jkun ġie akkreditat skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u ta' dan ir-Regolament biss.
Artikolu 36
Proċess kontinwu ta' kompetenza
1. Il-verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċess ta' kompetenza sabiex jiżgura li l-persunal kollu li jiġi fdat bl-attivitajiet ta' verifika jkun kompetenti biex iwettaq il-kompiti li jiġu allokati lilu.
2. Bħala parti mill-proċess ta' kompetenza msemmi fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
kriterji ġenerali ta' kompetenza għall-persunal kollu li jkun qed iwettaq attivitajiet ta' verifika; |
|
(b) |
il-kriterji speċifiċi ta' kompetenza għal kull funzjoni tal-verifikatur li jkun qed iwettaq attivitajiet ta' verifika, b'mod partikulari għall-awditur tal-EU ETS, għall-awditur ewlieni tal-EU ETS, għall-eżaminatur indipendenti u għall-espert tekniku; |
|
(c) |
metodu biex jiġu żgurati l-kompetenza kontinwa u l-evalwazzjoni regolari tal-prestazzjoni tal-persunal kollu li jwettaq attivitajiet ta' verifika; |
|
(d) |
proċess biex jiġi żgurat taħriġ kontinwu tal-persunal li jkun qed iwettaq attivitajiet ta' verifika; |
|
(e) |
proċess biex jiġi vvalutat jekk l-impenn ta' verifika jidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tiegħu jew le, u jekk huwa għandux il-kompetenza, il-persunal u r-riżorsi meħtieġa biex jagħżel it-tim tal-verifika u jlesti b'suċċess l-attivitajiet ta' verifika fil-perjodu taż-żmien meħtieġ jew le. |
Il-kriterji ta' kompetenza msemmijin fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu speċifiċi għal kull kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament li fih dawn il-persuni jkunu qed iwettqu l-attivitajiet ta' verifika.
Meta jkun qed jevalwa l-kompetenza tal-persunal skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, il-verifikatur għandu jivvaluta dik il-kompetenza billi jqabbilha mal-kriterji ta' kompetenza msemmijin fil-punti (a) u (b).
Il-proċess imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu għandu jinkludi wkoll proċess biex jiġi vvalutat jekk it-tim tal-verifika jkollux il-kompetenzi u l-persuni kollha meħtieġa biex iwettaq l-attivitajiet ta' verifika għal operatur jew għal operatur tal-inġenji tal-ajru speċifiku jew le.
Il-verifikatur għandu jiżviluppa kriterji ġenerali u speċifiċi ta' kompetenza li jkunu konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 37(4) u fl-Artikoli 38, 39 u 40.
3. Il-verifikatur għandu jimmonitorja l-prestazzjoni tal-persunal kollu li jwettaq l-attivitajiet ta' verifika b'mod regolari sabiex jikkonferma l-kompetenza kontinwa ta' dak il-persunal.
4. Il-verifikatur għandu janalizza l-proċess ta' kompetenza msemmi fil-paragrafu 1 b'mod regolari sabiex jiżgura l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
li l-kriterji ta' kompetenza msemmijin fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 jiġu żviluppati skont ir-rekwiżiti ta' kompetenza previsti f'dan ir-Regolament; |
|
(b) |
li jiġu ttrattati l-kwistjonijiet kollha li jistgħu jiġu identifikati b'rabta mal-istabbiliment tal-kriterji ġenerali u speċifiċi ta' kompetenza skont il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2; |
|
(c) |
li r-rekwiżiti kollha fil-proċess ta' kompetenza jiġu aġġornati u jinżammu kif xieraq. |
5. Il-verifikatur għandu jkollu sistema biex jirreġistra r-riżultati tal-attivitajiet li jitwettqu fil-proċess ta' kompetenza msemmi fil-paragrafu 1.
6. Evalwatur kompetenti biżżejjed għandu jivvaluta l-kompetenza u l-prestazzjoni ta' awditur tal-EU ETS u ta' awditur ewlieni tal-EU ETS.
L-evalwatur kompetenti għandu jimmonitorja lil dawk l-awdituri waqt il-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru fis-sit tal-istallazzjoni jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, skont il-każ, biex jistabbilixxi jekk huma jissodisfawx il-kriterji ta' kompetenza jew le.
7. Jekk xi membru tal-persunal ma jkunx kapaċi juri li huwa jissodisfa għalkollox il-kriterji ta' kompetenza għal kompitu speċifiku allokat lilu, il-verifikatur għandu jidentifika l-bżonn ta' taħriġ addizzjonali jew ta' esperjenza tax-xogħol taħt superviżjoni u jorganizza dan. Il-verifikatur għandu jimmonitorja lil dak il-membru sa ma dan jurih li huwa jissodisfa l-kriterji ta' kompetenza.
Artikolu 37
Timijiet tal-verifika
1. Għal kull impenn partikulari ta' verifika, il-verifikatur għandu jgħaqqad tim tal-verifika li jkun kapaċi jwettaq l-attivitajiet ta' verifika msemmijin fil-Kapitolu II.
2. It-tim tal-verifika għandu jkun magħmul tal-inqas minn awditur ewlieni tal-EU ETS u, meta l-konklużjonijiet tal-verifikatur li joħorġu mill-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(e) u mill-analiżi strateġika jkunu jeħtieġu dan, minn għadd xieraq ta' awdituri tal-EU ETS u ta' esperti tekniċi.
3. Għall-analiżi indipendenti tal-attivitajiet ta' verifika marbutin ma' impenn partikulari ta' verifika, il-verifikatur għandu jaħtar eżaminatur indipendenti li ma għandux ikun jagħmel parti mit-tim tal-verifika.
4. Kull membru tat-tim għandu:
|
(a) |
jifhem sewwa r-rwol tiegħu fil-proċess ta' verifika; |
|
(b) |
ikun kapaċi jikkomunika b'mod effettiv bl-ilsien meħtieġ biex iwettaq il-kompiti speċifiċi tiegħu. |
5. It-tim tal-verifika għandu jinkludi tal-inqas persuna waħda li jkollha l-kompetenza teknika u l-għarfien meħtieġa biex tivvaluta l-aspetti tekniċi speċifiċi tal-monitoraġġ u tar-rappurtar marbutin mal-attivitajiet imsemmijin fl-Anness I li jitwettqu mill-istallazzjoni jew mill-operatur tal-inġenji tal-ajru. It-tim tal-verifika għandu jinkludi wkoll persuna waħda li tkun kapaċi tikkomunika bl-ilsien meħtieġ għall-verifika tar-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru fl-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun qed iwettaq dik il-verifika.
Meta l-verifikatur ikun qed iwettaq verifika tar-rapporti dwar id-data ta' referenza u tar-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid, it-tim tal-verifika għandu jinkludi wkoll tal-inqas persuna waħda li jkollha l-kompetenza teknika u l-għarfien meħtieġa biex tivvaluta l-aspetti tekniċi speċifiċi marbutin mal-ġbir, mal-monitoraġġ u mar-rappurtar tad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas.
6. Meta t-tim tal-verifika jkun magħmul minn persuna waħda, din il-persuna għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha ta' kompetenza għall-awditur tal-EU ETS u għall-awditur ewlieni tal-EU ETS u tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5.
Artikolu 38
Rekwiżiti ta' kompetenza għall-awdituri tal-EU ETS u għall-awdituri ewlenin tal-EU ETS
1. Awditur tal-EU ETS għandu jkollu l-kompetenza jwettaq il-verifika. Għal dan il-għan, l-awditur tal-EU ETS għandu jkollu tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
għarfien tad-Direttiva 2003/87/KE, tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) …/… fil-każ tal-verifika tar-rapport dwar id-data ta' referenza jew tar-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid, ta' dan ir-Regolament, tal-istandards rilevanti, ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra u tal-linji gwida applikabbli, kif ukoll tal-linji gwida u tal-leġiżlazzjoni rilevanti li jkun ħareġ l-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifika; |
|
(b) |
għarfien tal-awditjar tad-data u tal-informazzjoni u esperjenza f'dan il-qasam, fosthom b'rabta mal-affarijiet li ġejjin:
|
|
(c) |
il-ħila jwettaq l-attivitajiet marbutin mal-verifika tar-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru kif meħtieġ skont il-Kapitolu II; |
|
(d) |
għarfien tal-aspetti tekniċi tal-monitoraġġ u tar-rappurtar li jkunu speċifiċi għas-settur u li jkunu rilevanti għall-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet imsemmijin fl-Anness I li fih huwa jkun qed iwettaq il-verifika, u esperjenza fihom. |
2. Awditur ewlieni tal-EU ETS għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' kompetenza għal awditur tal-EU ETS u għandu jkun wera kompetenza fit-tmexxija ta' tim tal-verifika u fit-teħid ta' responsabbiltà għat-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika skont dan ir-Regolament.
Artikolu 39
Rekwiżiti ta' kompetenza għall-eżaminaturi indipendenti
1. L-eżaminatur indipendenti għandu jkollu l-awtorità x-xierqa biex janalizza l-abbozz tar-rapport ta' verifika u d-dokumentazzjoni interna tal-verifika skont l-Artikolu 25.
2. L-eżaminatur indipendenti għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' kompetenza tal-awditur ewlieni tal-EU ETS imsemmijin fl-Artikolu 38(2).
3. L-eżaminatur indipendenti għandu jkollu l-kompetenza meħtieġa biex janalizza l-informazzjoni pprovduta sabiex jikkonferma l-kompletezza u l-integrità tagħha, biex jikkontesta l-informazzjoni nieqsa jew kontradittorja, kif ukoll biex jivverifika r-rendikont tad-data biex jivvaluta jekk id-dokumentazzjoni interna tal-verifika hijiex kompluta u tipprovdix biżżejjed informazzjoni biex tappoġġa l-abbozz tar-rapport ta' verifika jew le.
Artikolu 40
Użu tal-esperti tekniċi
1. Huwa u jwettaq l-attivitajiet ta' verifika, verifikatur jista' juża esperti tekniċi biex jipprovdu għarfien espert u ddettaljat dwar suġġett speċifiku li jkun meħtieġ biex l-awditur tal-EU ETS u l-awditur ewlieni tal-EU ETS jingħataw appoġġ fit-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika tagħhom.
2. Meta l-eżaminatur indipendenti ma jkollux il-kompetenza jivvaluta kwistjoni partikulari fil-proċess tal-analiżi, il-verifikatur għandu jitlob l-appoġġ ta' espert tekniku.
3. L-espert tekniku għandu jkollu l-kompetenza u l-għarfien espert meħtieġa biex jappoġġa b'mod effettiv lill-awditur tal-EU ETS u lill-awditur ewlieni tal-EU ETS, jew lill-eżaminatur indipendenti, meta jkun hemm bżonn, fis-suġġett li dwaru jkun qed jintalab l-għarfien u l-għarfien espert tiegħu. Barra minn hekk, l-espert tekniku għandu jifhem biżżejjed il-kwistjonijiet deskritti fl-Artikolu 38(1)(a), (b) u (c).
4. L-espert tekniku għandu jwettaq il-kompiti speċifiċi tiegħu taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà sħiħa tal-awditur ewlieni tal-EU ETS tat-tim tal-verifika li fih huwa jkun qed jaħdem jew taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà sħiħa tal-eżaminatur indipendenti.
Artikolu 41
Proċeduri għall-attivitajiet ta' verifika
1. Verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċedura waħda jew aktar għall-attivitajiet ta' verifika kif deskritt fil-Kapitolu II u l-proċeduri u l-proċessi meħtieġa skont l-Anness II. Huwa u jistabbilixxi u jimplimenta dawk il-proċeduri u dawk il-proċessi, il-verifikatur għandu jwettaq l-attivitajiet skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.
2. Verifikatur għandu jfassal, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni tal-kwalità sabiex jiżgura li l-proċeduri u l-proċessi msemmijin fil-paragrafu 1 jiġu żviluppati, implimentati, mtejbin u analizzati b'mod konsistenti skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.
Artikolu 42
Reġistri u komunikazzjoni
1. Verifikatur għandu jżomm reġistri biex juri l-konformità ma' dan ir-Regolament, fosthom reġistri dwar il-kompetenza u l-imparzjalità tal-persunal.
2. Verifikatur għandu jqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenju tal-ajru u ta' partijiet rilevanti oħrajn b'mod regolari skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.
3. Verifikatur għandu jħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jkun kiseb waqt il-verifika skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.
Artikolu 43
Imparzjalità u indipendenza
1. Verifikatur għandu jkun indipendenti minn operatur jew minn operatur tal-inġenji tal-ajru u għandu jkun imparzjali fit-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika tiegħu.
Sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità, il-verifikatur u kull parti mill-istess entità legali ma għandhomx ikunu operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jew ikunu s-sid ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru jew ikunu l-proprjetà tagħhom, u l-verifikatur lanqas ma għandu jkollu relazzjonijiet mal-operatur jew mal-operatur tal-inġenji tal-ajru li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu. Il-verifikatur għandu jkun indipendenti wkoll mill-korpi li jinnegozjaw il-kwoti tal-emissjonijiet fil-kuntest tas-sistema għan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbilita skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87/KE.
2. Verifikatur għandu jkun organizzat b'tali mod li jħares l-oġġettività, l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.
3. Verifikatur ma għandux iwettaq attivitajiet ta' verifika għal operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru li joħolqulu riskju inaċċettabbli għall-imparzjalità tiegħu jew li joħolqulu kunflitt ta' interess. Il-verifikatur ma għandux juża membri tal-persunal jew persuni mqabbdin b'kuntratt biex jivverifika rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru meta dan joħloq kunflitt ta' interess jew ikun jista' joħloq kunflitt ta' interess. Il-verifikatur għandu jiżgura wkoll li l-attivitajiet tal-persunal jew tal-organizzazzjonijiet ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-verifika.
Għandu jitqies li jkun inħoloq riskju inaċċettabbli għall-imparzjalità jew kunflitt ta' interess imsemmijin fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu b'mod partikulari fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
meta verifikatur jew kull parti mill-istess entità legali jkunu jipprovdu servizzi ta' konsulenza biex tiġi żviluppata parti mill-proċess ta' monitoraġġ u ta' rappurtar li hija deskritta fil-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, fosthom biex tiġi żviluppata l-metodoloġija tal-monitoraġġ, biex jiġi abbozzat ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u biex jiġi abbozzat il-pjan ta' monitoraġġ jew il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ; |
|
(b) |
meta verifikatur jew kull parti mill-istess entità legali jkunu jipprovdu assistenza teknika biex tiġi żviluppata jew biex tinżamm is-sistema implimentata għall-monitoraġġ u għar-rappurtar tal-emissjonijiet, tad-data dwar it-tunnellati kilometri jew tad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas. |
4. Għandu jitqies li jkun inħoloq kunflitt ta' interess għall-verifikatur fir-relazzjonijiet tiegħu ma' operatur jew ma' operatur tal-inġenji tal-ajru b'mod partikulari fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
meta r-relazzjoni bejn il-verifikatur u l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru tkun ibbażata fuq sjieda komuni, governanza komuni, ġestjoni jew persunal komuni, riżorsi kondiviżi, finanzi komuni u kuntratti jew kummerċjalizzazzjoni komuni; |
|
(b) |
meta l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun irċieva s-servizzi ta' konsulenza msemmijin fil-paragrafu 3(a) jew l-assistenza teknika msemmija fil-punt (b) ta' dak il-paragrafu minn korp ta' konsulenza, korp tal-assistenza teknika jew organizzazzjoni oħra li jkollha relazzjonijiet mal-verifikatur u li thedded l-imparzjalità tal-verifikatur. |
Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-imparzjalità tal-verifikatur għandha titqies li tkun ġiet mhedda meta r-relazzjonijiet bejn il-verifikatur u l-korp ta' konsulenza, il-korp tal-assistenza teknika jew l-organizzazzjoni l-oħra jkunu bbażati fuq sjieda komuni, governanza komuni, ġestjoni jew persunal komuni, riżorsi kondiviżi, finanzi komuni, kuntratti jew kummerċjalizzazzjoni komuni u ħlas komuni tal-inkarigi tal-bejgħ jew inċentivi oħrajn għar-riferiment ta' klijenti ġodda.
5. Verifikatur ma għandux jesternalizza l-analiżi indipendenti jew il-ħruġ tar-rapport ta' verifika. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, meta jkun qed jesternalizza attivitajiet oħrajn ta' verifika, il-verifikatur għandu jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.
Madankollu, il-fatt li l-individwi jitqabbdu b'kuntratt biex iwettqu l-attivitajiet ta' verifika ma għandux jikkostitwixxi esternalizzazzjoni għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu jekk il-verifikatur ikun jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti mogħtija fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II meta jkun qed iqabbad lil dawk il-persuni b'kuntratt.
6. Verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċess biex jiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza kontinwi tiegħu stess, ta' partijiet mill-istess entità legali tiegħu, ta' organizzazzjonijiet oħrajn imsemmijin fil-paragrafu 4 u tal-persunal kollu u tal-persuni kollha mqabbdin b'kuntratt involuti fil-verifika. Dak il-proċess għandu jinkludi mekkaniżmu biex jitħarsu l-imparzjalità u l-indipendenza tal-verifikatur u għandu jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.
7. Jekk l-awditur ewlieni tal-EU ETS iwettaq sitt verifiki annwali għal operatur tal-inġenji tal-ajru partikulari, huwa għandu jieqaf għal tliet snin konsekuttivi milli jipprovdi s-servizzi ta' verifika lil dak l-istess operatur tal-inġenji tal-ajru. Il-perjodu massimu ta' sitt snin jinkludi kull verifika tal-gassijiet serra li titwettaq għal operatur tal-inġenji tal-ajru minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament 'il quddiem.
KAPITOLU IV
AKKREDITAMENT
Artikolu 44
Akkreditament
Verifikatur li jkun qed joħroġ rapport ta' verifika lil operatur jew lil operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jkun akkreditat għall-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet imsemmijin fl-Anness I li fih huwa jkun qed iwettaq il-verifika tar-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru.
Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar id-data ta' referenza jew tar-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid, verifikatur li jkun qed joħroġ rapport ta' verifika lil operatur għandu jkun akkreditat ukoll għall-grupp ta' attività bin-numru 98 imsemmi fl-Anness I.
Artikolu 45
Għanijiet tal-akkreditament
Waqt il-proċess tal-akkreditament u l-monitoraġġ tal-verifikaturi akkreditati, kull korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jivvaluta jekk il-verifikatur u l-persunal tiegħu li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet ta' verifika:
|
(a) |
għandhomx il-kompetenza jwettqu l-verifika tar-rapporti tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament jew le; |
|
(b) |
ikunux qed iwettqu l-verifika tar-rapporti tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament jew le; |
|
(c) |
jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmijin fil-Kapitolu III jew le. |
Artikolu 46
Talba għall-akkreditament
1. Kull persuna ġuridika jew entità legali oħra tista' titlob akkreditament skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu.
It-talba għandu jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa abbażi tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.
2. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, qabel tinbeda l-valutazzjoni skont l-Artikolu 45, applikant għandu jqiegħed ukoll l-affarijiet li ġejjin għad-dispożizzjoni tal-korp nazzjonali ta' akkreditament:
|
(a) |
l-informazzjoni kollha mitluba mill-korp nazzjonali ta' akkreditament; |
|
(b) |
il-proċeduri u l-informazzjoni marbutin mal-proċessi msemmijin fl-Artikolu 41(1) u l-informazzjoni dwar is-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 41(2); |
|
(c) |
il-kriterji ta' kompetenza msemmijin fl-Artikolu 36(2)(a) u (b), ir-riżultati tal-proċess ta' kompetenza msemmi fl-Artikolu 36, kif ukoll dokumentazzjoni rilevanti oħra dwar il-kompetenza tal-persunal kollu involut fl-attivitajiet ta' verifika; |
|
(d) |
informazzjoni dwar il-proċess biex jiġu żgurati l-imparzjalità u l-indipendenza kontinwi msemmi fl-Artikolu 43(6), fosthom ir-reġistri rilevanti dwar l-imparzjalità u l-indipendenza tal-applikant u tal-persunal tiegħu; |
|
(e) |
informazzjoni dwar l-esperti tekniċi u l-persunal ewlieni involut fil-verifika tar-rapporti tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru; |
|
(f) |
is-sistema u l-proċess biex tiġi żgurata dokumentazzjoni interna xierqa tal-verifika; |
|
(g) |
ir-reġistri rilevanti l-oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 42(1). |
Artikolu 47
Tħejjija tal-valutazzjoni
1. Huwa u jħejji l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 45, kull korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jqis il-kumplessità tal-kamp ta' applikazzjoni li għalih l-applikant jitlob l-akkreditament, kif ukoll il-kumplessità tas-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 41(2), il-proċeduri u l-informazzjoni dwar il-proċessi msemmijin fl-Artikolu 41(1) u ż-żoni ġeografiċi li fihom l-applikant ikun qed iwettaq il-verifiki jew li fihom ikun beħsiebu jwettaq il-verifiki.
2. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.
Artikolu 48
Valutazzjoni
1. Sabiex iwettaq il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 45, it-tim tal-valutazzjoni msemmi fl-Artikolu 58 għandu jwettaq tal-inqas l-attivitajiet li ġejjin:
|
(a) |
analiżi tad-dokumenti u tar-reġistri kollha rilevanti msemmijin fl-Artikolu 46; |
|
(b) |
żjara fil-post tal-applikant sabiex janalizza kampjun rappreżentattiv tad-dokumentazzjoni interna tal-verifika u sabiex jivvaluta l-implimentazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità tal-applikant u tal-proċeduri jew tal-proċessi msemmijin fl-Artikolu 41; |
|
(c) |
osservazzjoni ta' parti rappreżentattiva mill-kamp ta' applikazzjoni mitlub għall-akkreditament u tal-prestazzjoni u tal-kompetenza ta' għadd rappreżentattiv ta' membri tal-persunal tal-applikant li jkunu involuti fil-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru sabiex jiġi żgurat li l-persunal ikun qed jaħdem skont dan ir-Regolament. |
Meta jkun qed iwettaq dawk l-attivitajiet, it-tim tal-valutazzjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.
2. It-tim tal-valutazzjoni għandu jirrapporta s-sejbiet u n-nuqqasijiet ta' konformità lill-applikant skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III u għandu jitolbu jwieġeb għas-sejbiet u għan-nuqqasijiet ta' konformità rrappurtati skont dawk id-dispożizzjonijiet.
3. Applikant għandu jieħu azzjoni korrettiva biex jittratta kull nuqqas ta' konformità rrappurtat skont il-paragrafu 2 u, fit-tweġiba tiegħu għas-sejbiet u għan-nuqqasijiet ta' konformità rrappurtati mit-tim tal-valutazzjoni, għandu jindika liema azzjonijiet ikun ħa biex isolvi kull nuqqas ta' konformità identifikat jew liema azzjonijiet ikun beħsiebu jieħu f'perjodu taż-żmien stabbilit mill-korp nazzjonali ta' akkreditament biex jagħmel dan.
4. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu janalizza t-tweġibiet għas-sejbiet u għan-nuqqasijiet ta' konformità li l-applikant ikun bagħat skont il-paragrafu 3.
Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament isib li t-tweġiba tal-applikant ma tkunx suffiċjenti jew ma tkunx effettiva, għandu jitolbu jagħtih iktar informazzjoni jew jieħu iktar azzjonijiet. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jitlob ukoll provi tal-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet li jkunu ttieħdu jew iwettaq valutazzjoni ta' segwitu sabiex jivvaluta l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet korrettivi.
Artikolu 49
Deċiżjoni dwar l-akkreditament u ċertifikat tal-akkreditament
1. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jqis ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III meta jkun qed iħejji u jieħu d-deċiżjoni dwar jekk jagħtix l-akkreditament lil applikant, jekk jestendihulux jew jekk iġeddidulux jew le.
2. Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament jiddeċiedi li jagħti l-akkreditament lil applikant jew li jestendihulu jew li jġeddidulu, għandu joħroġ ċertifikat tal-akkreditament dwar dan.
Iċ-ċertifikat tal-akkreditament għandu jkun fih tal-inqas l-informazzjoni meħtieġa abbażi tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.
Iċ-ċertifikat tal-akkreditament għandu jkun validu għal perjodu ta' mhux iktar minn ħames snin mid-data meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun ħarġu.
Artikolu 50
Sorveljanza
1. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq sorveljanza annwali ta' kull verifikatur li għalih ikun ħareġ ċertifikat tal-akkreditament.
Is-sorveljanza għandha tinkludi tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
żjara fil-post tal-verifikatur sabiex jitwettqu l-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 48(1)(b); |
|
(b) |
osservazzjoni tal-prestazzjoni u tal-kompetenza ta' għadd rappreżentattiv ta' membri tal-persunal tal-verifikatur skont l-Artikolu 48(1)(c). |
2. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq l-ewwel sorveljanza ta' verifikatur skont il-paragrafu 1 mhux iktar tard minn 12-il xahar mid-data meta ċ-ċertifikat tal-akkreditament ikun inħareġ lil dak il-verifikatur.
3. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jħejji l-pjan tiegħu għas-sorveljanza ta' kull verifikatur b'tali mod li jippermetti l-valutazzjoni ta' kampjuni rappreżentattivi tal-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.
4. Abbażi tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jiddeċiedi jekk jikkonfermax il-kontinwazzjoni tal-akkreditament jew le.
5. Meta verifikatur iwettaq verifika fi Stat Membru ieħor, il-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lil dak il-verifikatur jista' jitlob lill-korp nazzjonali ta' akkreditament tal-Istat Membru fejn titwettaq il-verifika jwettaq attivitajiet ta' sorveljanza f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Artikolu 51
Valutazzjoni mill-ġdid
1. Qabel ma jiskadi ċ-ċertifikat tal-akkreditament, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jivvaluta mill-ġdid lill-verifikatur li għalih ikun ħareġ ċertifikat tal-akkreditament sabiex jistabbilixxi jekk tistax tiġi estiża l-validità ta' dak iċ-ċertifikat tal-akkreditament jew le.
2. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jħejji l-pjan tiegħu għall-valutazzjoni mill-ġdid ta' kull verifikatur b'tali mod li jippermetti l-valutazzjoni ta' kampjuni rappreżentattivi tal-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament. Meta jkun qed jippjana u jwettaq il-valutazzjoni mill-ġdid, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.
Artikolu 52
Valutazzjoni straordinarja
1. Fi kwalunkwe mument, il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jwettaq valutazzjoni straordinarja tal-verifikatur biex jiżgura li dan jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.
2. Sabiex il-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun jista' jiddeċiedi jekk hemmx bżonn ta' valutazzjoni straordinarja jew le, il-verifikatur għandu javża lill-korp nazzjonali ta' akkreditament minnufih b'kull tibdil sinifikanti f'kull aspett tal-istat jew tal-operat tiegħu li jkun rilevanti għall-akkreditament tiegħu. It-tibdil sinifikanti għandu jinkludi dak it-tibdil imsemmi fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.
Artikolu 53
Twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni
Bi tweġiba għal applikazzjoni min-naħa ta' verifikatur biex jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni ta' akkreditament li jkun ingħata, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq l-attivitajiet meħtieġa biex jistabbilixxi jekk il-verifikatur jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 45 għat-twessigħ mitlub tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-akkreditament jew le.
Artikolu 54
Miżuri amministrattivi
1. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jissospendi, jirtira jew jillimita l-akkreditament ta' verifikatur jekk il-verifikatur ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.
Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissospendi, jirtira jew jillimita l-akkreditament ta' verifikatur jekk il-verifikatur jitlob dan.
Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċedura għas-sospensjoni tal-akkreditament, għall-irtirar tiegħu u għal-limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.
2. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissospendi l-akkreditament jew jillimita l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
jekk il-verifikatur ikun wettaq ksur serju tar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament; |
|
(b) |
jekk il-verifikatur ikun naqas b'mod persistenti u ripetut milli jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament; |
|
(c) |
jekk il-verifikatur ikun kiser termini u kundizzjonijiet speċifiċi oħrajn tal-korp nazzjonali ta' akkreditament. |
3. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jirtira l-akkreditament fil-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
jekk il-verifikatur ikun naqas milli jieħu azzjonijiet ta' rimedju b'rabta mar-raġunijiet li għalihom ikun ġie deċiż li jiġi sospiż iċ-ċertifikat tal-akkreditament; |
|
(b) |
jekk membru tal-maniġment superjuri tal-verifikatur jew membru tal-persunal tal-verifikatur li jkun involut f'attivitajiet ta' verifika skont dan ir-Regolament ikun instab ħati li wettaq frodi; |
|
(c) |
jekk il-verifikatur ikun ta informazzjoni falza jew ikun ħeba l-informazzjoni bi ħsieb. |
4. Jista' jsir appell b'rabta mad-deċiżjoni ta' korp nazzjonali ta' akkreditament li jissospendi, jirtira jew jillimita l-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament skont il-paragrafi 2 u 3.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri għar-riżoluzzjoni ta' dawk l-appelli.
5. Id-deċiżjoni ta' korp nazzjonali ta' akkreditament li jissospendi, jirtira jew jillimita l-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament għandu jkollha effett minn meta l-verifikatur jiġi mgħarraf biha.
Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jtemm is-sospensjoni ta' ċertifikat tal-akkreditament meta jkun irċieva informazzjoni sodisfaċenti u jkun konvint li l-verifikatur ikun jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.
KAPITOLU V
REKWIŻITI GĦALL-KORPI TAL-AKKREDITAMENT FIL-KUNTEST TAL-AKKREDITAMENT TAL-VERIFIKATURI TAL-ETS
Artikolu 55
Korp nazzjonali ta' akkreditament
1. Il-kompiti marbutin mal-akkreditament skont dan ir-Regolament għandhom jitwettqu mill-korpi nazzjonali ta' akkreditament maħturin skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
2. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jippermetti ċ-ċertifikazzjoni ta' verifikaturi li jkunu persuni fiżiċi, skont dan ir-Regolament il-kompiti marbutin maċ-ċertifikazzjoni ta' dawk il-verifikaturi għandhom jiġu fdati lil awtorità nazzjonali oħra minbarra l-korp nazzjonali ta' akkreditament maħtur skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
3. Meta Stat Membru jiddeċiedi li juża l-għażla stabbilita fil-paragrafu 2, huwa għandu jiżgura li l-awtorità nazzjonali kkonċernata tkun tissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikolu 71 tiegħu, u għandu jipprovdi l-provi ddokumentati meħtieġa skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
4. Korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jkun membru tal-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
5. Korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jiġi fdat iwettaq l-akkreditament bħala attività ta' awtorità pubblika u jiġi rrikonoxxut b'mod formali mill-Istat Membru jekk l-akkreditament ma jsirx direttament mill-awtoritajiet pubbliċi.
6. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.
Artikolu 56
Akkreditament transkonfinali
Meta Stat Membru jidhirlu li ma jagħmilx sens mil-lat ekonomiku li jaħtar korp nazzjonali ta' akkreditament jew li jipprovdi servizzi ta' akkreditament skont it-tifsira tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE jew jidhirlu li dan mhuwiex sostenibbli mil-lat ekonomiku, dak l-Istat Membru għandu jitħalla jirrikorri għall-korp nazzjonali ta' akkreditament ta' Stat Membru ieħor.
L-Istat Membru kkonċernat għandu javża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn b'dan.
Artikolu 57
Indipendenza u imparzjalità
1. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jkun organizzat b'tali mod li jiżgura l-indipendenza sħiħa tiegħu mill-verifikaturi li jivvaluta u l-imparzjalità tiegħu fit-twettiq tal-attivitajiet ta' akkreditament tiegħu.
2. Għal dak il-għan, il-korp nazzjonali ta' akkreditament ma għandu joffri jew jipprovdi l-ebda attività jew servizz li jipprovdi verifikatur, u lanqas ma għandu jipprovdi servizzi ta' konsulenza, ikollu ishma f'verifikatur jew ikollu interess finanzjarju jew maniġerjali mod ieħor f'verifikatur.
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55(2), l-istruttura, ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-korp nazzjonali ta' akkreditament għandhom ikunu distinti b'mod ċar minn dawk tal-awtorità kompetenti u ta' awtoritajiet nazzjonali oħrajn.
4. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jieħu d-deċiżjonijiet finali kollha dwar l-akkreditament tal-verifikaturi.
Madankollu, il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jissottokuntratta ċerti attivitajiet, dejjem jekk jitħarsu r-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.
Artikolu 58
Tim tal-valutazzjoni
1. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jaħtar tim tal-valutazzjoni għal kull valutazzjoni partikulari.
2. It-tim tal-valutazzjoni għandu jkun magħmul minn assessur ewlieni u, meta jkun hemm bżonn, minn għadd xieraq ta' assessuri jew ta' esperti tekniċi għal kamp ta' applikazzjoni speċifiku tal-akkreditament.
It-tim tal-valutazzjoni għandu jinkludi tal-inqas persuna waħda li jkollha għarfien tal-monitoraġġ u tar-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 li jkunu rilevanti għall-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament u li jkollha l-kompetenza u l-għarfien meħtieġa biex tivvaluta l-attivitajiet ta' verifika fl-istallazzjoni jew fl-operatur tal-inġenji tal-ajru għal dak il-kamp ta' applikazzjoni, u tal-inqas persuna waħda li tkun taf il-leġiżlazzjoni u l-linji gwida nazzjonali rilevanti.
Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament jivvaluta l-kompetenza u l-prestazzjoni tal-verifikatur għall-kamp ta' applikazzjoni bin-numru 98 imsemmi fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, it-tim tal-valutazzjoni għandu jinkludi wkoll tal-inqas persuna waħda li jkollha għarfien dwar il-ġbir, il-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas skont ir-Regolament Delegat (UE) …/… kif ukoll il-kompetenza u l-għarfien meħtieġa biex tivvaluta l-attivitajiet ta' verifika għal dak il-kamp ta' applikazzjoni.
Artikolu 59
Rekwiżiti ta' kompetenza għall-assessuri
1. Assessur għandu jkollu l-kompetenza jwettaq l-attivitajiet meħtieġa skont il-Kapitolu IV meta jkun qed jivvaluta lill-verifikatur. Għal dak il-għan, l-assessur:
|
(a) |
għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III, skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008; |
|
(b) |
għandu jkollu għarfien tad-Direttiva 2003/87/KE, tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) …/… meta huwa jkun qed jivvaluta l-kompetenza u l-prestazzjoni tal-verifikatur għall-kamp ta' applikazzjoni bin-numru 98 imsemmi fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, għarfien ta' dan ir-Regolament, tal-istandards rilevanti u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra, kif ukoll tal-linji gwida applikabbli; |
|
(c) |
għandu jkollu għarfien tal-awditjar tad-data u tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 38(1)(b) ta' dan ir-Regolament miksub permezz tat-taħriġ jew ikollu aċċess għal persuna li jkollha għarfien tat-tali data u tat-tali informazzjoni u li jkollha esperjenza f'dan il-qasam. |
2. Assessur ewlieni għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' kompetenza msemmijin fil-paragrafu 1, ikun wera kompetenza fit-tmexxija ta' tim tal-valutazzjoni u jkun responsabbli għat-twettiq ta' valutazzjoni skont dan ir-Regolament.
3. L-eżaminaturi interni u l-persuni li jkunu qed jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-għoti, l-estensjoni jew it-tiġdid ta' akkreditament mhux biss għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kompetenza msemmijin fil-paragrafu 1, iżda għandu jkollhom ukoll għarfien u esperjenza biżżejjed biex jevalwaw l-akkreditament.
Artikolu 60
Esperti tekniċi
1. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jinkludi esperti tekniċi fit-tim tal-valutazzjoni biex jipprovdu għarfien espert u ddettaljat dwar suġġett speċifiku li jkun meħtieġ biex l-assessur ewlieni jew l-assessur jingħataw appoġġ fit-twettiq tal-attivitajiet ta' valutazzjoni.
2. L-espert tekniku għandu jkollu l-kompetenza meħtieġa biex jappoġġa b'mod effettiv lill-assessur ewlieni u lill-assessur fis-suġġett li dwaru jkun qed jintalab l-għarfien u l-għarfien espert tiegħu. Barra minn hekk, l-espert tekniku:
|
(a) |
għandu jkollu għarfien tad-Direttiva 2003/87/KE, tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) …/… meta huwa jkun qed jivvaluta l-kompetenza u l-prestazzjoni tal-verifikatur għall-kamp ta' applikazzjoni bin-numru 98 imsemmi fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, għarfien ta' dan ir-Regolament, tal-istandards rilevanti u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra, kif ukoll tal-linji gwida applikabbli; |
|
(b) |
għandu jifhem biżżejjed l-attivitajiet ta' verifika. |
3. Espert tekniku għandu jwettaq kompiti speċifiċi taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà sħiħa tal-assessur ewlieni tat-tim tal-valutazzjoni kkonċernat.
Artikolu 61
Proċeduri
Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
Artikolu 62
Ilmenti
Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament jirċievi lment mingħand l-awtorità kompetenti, mingħand l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jew mingħand partijiet interessati oħrajn dwar il-verifikatur, fi żmien raġonevoli iżda mhux aktar tard minn tliet xhur minn meta jirċievi dak l-ilment, huwa għandu:
|
(a) |
jiddeċiedi dwar il-validità tal-ilment; |
|
(b) |
jiżgura li l-verifikatur ikkonċernat jingħata l-opportunità jibgħat il-kummenti tiegħu; |
|
(c) |
jieħu azzjonijiet xierqa biex jittratta l-ilment; |
|
(d) |
jirreġistra l-ilment u l-azzjoni li tkun ittieħdet; u |
|
(e) |
iwieġeb lil min ikun għamel l-ilment. |
Artikolu 63
Reġistri u dokumentazzjoni
1. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jżomm reġistri dwar kull persuna li tkun involuta fil-proċess tal-akkreditament. Dawk ir-reġistri għandhom jinkludu reġistri marbutin mal-kwalifiki, mat-taħriġ, mal-esperjenza, mal-imparzjalità u mal-kompetenza rilevanti meħtieġa biex tintwera l-konformità ma' dan ir-Regolament.
2. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jżomm reġistri dwar il-verifikatur skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III, skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.
Artikolu 64
Aċċess għall-informazzjoni u kunfidenzjalità
1. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jippubblika l-informazzjoni dwaru u dwar l-attivitajiet ta' akkreditament tiegħu u jaġġornaha b'mod regolari.
2. Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jagħmel l-arranġamenti adegwati biex iħares kif xieraq il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jkun kiseb.
Artikolu 65
Evalwazzjoni bejn il-pari
1. Il-korpi nazzjonali ta' akkreditament għandhom jissottomettu lilhom infushom għal evalwazzjoni regolari bejn il-pari.
Il-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jorganizza l-evalwazzjoni bejn il-pari.
2. Il-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jimplimenta kriterji xierqa tal-evalwazzjoni bejn il-pari u proċess effettiv u indipendenti tal-evalwazzjoni bejn il-pari sabiex jivvaluta:
|
(a) |
jekk il-korp nazzjonali ta' akkreditament li tkun qed issirlu l-evalwazzjoni bejn il-pari jkunx wettaq l-attivitajiet ta' akkreditament skont il-Kapitolu IV jew le; |
|
(b) |
jekk il-korp nazzjonali ta' akkreditament li tkun qed issirlu l-evalwazzjoni bejn il-pari jkunx issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dan il-Kapitolu jew le. |
Il-kriterji għandhom jinkludu rekwiżiti ta' kompetenza għall-evalwaturi u għat-timijiet li jwettqu l-evalwazzjonijiet bejn il-pari li jkunu speċifiċi għas-sistema għan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE.
3. Il-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jippubblika r-riżultat tal-evalwazzjoni bejn il-pari ta' korp nazzjonali ta' akkreditament u jibagħtu lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-korpi nazzjonali ta' akkreditament fl-Istati Membri u lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri jew lill-punt ta' kuntatt imsemmi fl-Artikolu 70(2).
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta korp nazzjonali ta' akkreditament tkun saritlu evalwazzjoni b'suċċess bejn il-pari organizzata mill-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, huwa għandu jiġi eżentat milli ssirlu evalwazzjoni ġdida bejn il-pari wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jekk ikun jista' juri li huwa konformi ma' dan ir-Regolament.
Għal dak il-għan, il-korp nazzjonali ta' akkreditament ikkonċernat għandu jibgħat talba u d-dokumentazzjoni meħtieġa lill-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
Il-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jiddeċiedi jekk ikunux intlaħqu l-kundizzjonijiet biex tingħata eżenzjoni jew le.
L-eżenzjoni għandha tapplika għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin mid-data meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament jiġi mgħarraf bid-deċiżjoni.
5. L-awtorità nazzjonali fdata, skont l-Artikolu 55(2), bil-kompiti marbutin maċ-ċertifikazzjoni ta' verifikaturi li jkunu persuni fiżiċi, skont dan ir-Regolament, għandha tilħaq livell ta' kredibbiltà li jkun ekwivalenti għal dak tal-korpi nazzjonali ta' akkreditament li tkun saritilhom evalwazzjoni b'suċċess bejn il-pari.
Għal dak il-għan, eżatt wara li jiddeċiedi li jawtorizza lill-awtorità nazzjonali twettaq iċ-ċertifikazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat il-provi ddokumentati rilevanti kollha lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn. L-ebda awtorità nazzjonali ma għandha tiċċertifika lill-verifikaturi għall-finijiet ta' dan ir-Regolament qabel ma l-Istat Membru kkonċernat ikun ipprovda dawk il-provi ddokumentati.
L-Istat Membru kkonċernat għandu janalizza l-funzjonament tal-awtorità nazzjonali b'mod regolari sabiex jiżgura li din tkompli tilħaq il-livell ta' kredibbiltà msemmi qabel u għandu javża lill-Kummissjoni b'dan.
Artikolu 66
Azzjoni korrettiva
1. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw lill-korpi nazzjonali ta' akkreditament tagħhom f'intervalli regolari sabiex jiżguraw li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament b'mod kontinwu, filwaqt li jqisu r-riżultati tal-evalwazzjoni bejn il-pari mwettqa skont l-Artikolu 65.
2. Meta korp nazzjonali ta' akkreditament ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti jew jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu kif stabbilit f'dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-azzjoni korrettiva x-xierqa jew jiżgura li tittieħed it-tali azzjoni korrettiva u għandu javża lill-Kummissjoni b'dan.
Artikolu 67
Rikonoxximent reċiproku tal-verifikaturi
1. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-ekwivalenza tas-servizzi li jagħtu l-korpi nazzjonali ta' akkreditament li tkun saritilhom evalwazzjoni b'suċċess bejn il-pari. L-Istati Membri għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-akkreditament tal-verifikaturi akkreditati minn dawk il-korpi nazzjonali ta' akkreditament u jħarsu d-dritt tagħhom li jwettqu l-verifiki fil-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tagħhom.
2. Meta korp nazzjonali ta' akkreditament ma jkunx sarlu l-proċess sħiħ tal-evalwazzjoni bejn il-pari, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-akkreditament tal-verifikaturi akkreditati minn dak il-korp nazzjonali ta' akkreditament jekk il-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 ikun beda evalwazzjoni bejn il-pari għal dak il-korp u ma jkun identifika l-ebda nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament min-naħa tiegħu.
3. Meta awtorità nazzjonali msemmija fl-Artikolu 55(2) twettaq iċ-ċertifikazzjoni tal-verifikaturi, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikat li toħroġ it-tali awtorità u jħarsu d-dritt tal-verifikaturi ċċertifikati li jwettqu l-verifiki fil-kamp ta' applikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tagħhom.
Artikolu 68
Monitoraġġ tas-servizzi mogħtija
Meta waqt spezzjoni mwettqa skont l-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2006/123/KE, Stat Membru jkun stabbilixxa li verifikatur ma jkunx qed jikkonforma ma' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti jew il-korp nazzjonali ta' akkreditament ta' dak l-Istat Membru għandhom javżaw lill-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lill-verifikatur b'dan.
Il-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lill-verifikatur għandu jqis il-komunikazzjoni ta' dik l-informazzjoni bħala lment skont it-tifsira tal-Artikolu 62 u għandu jieħu azzjoni xierqa dwarha u jwieġeb lill-awtorità kompetenti jew lill-korp nazzjonali ta' akkreditament dwarha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 73(2).
Artikolu 69
Skambju elettroniku tad-data u użu ta' sistemi awtomatizzati
1. L-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-verifikaturi jużaw mudelli elettroniċi jew formati speċifiċi tal-fajls għar-rapporti ta' verifika skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) …/….
2. Għal tipi ta' komunikazzjoni oħrajn bejn l-operatur, l-operatur tal-inġenji tal-ajru, il-verifikatur, l-awtorità kompetenti u l-korp nazzjonali ta' akkreditament jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mudelli elettroniċi standardizzati jew speċifikazzjonijiet dwar il-formati tal-fajls skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.
KAPITOLU VI
SKAMBJU TAL-INFORMAZZJONI
Artikolu 70
Skambju tal-informazzjoni u punti ta' kuntatt
1. L-Istat Membru għandu jistabbilixxi skambju effettiv tal-informazzjoni x-xierqa u kooperazzjoni effettiva bejn il-korp nazzjonali ta' akkreditament tiegħu jew, meta dan ikun applikabbli, bejn l-awtorità nazzjonali fdata biċ-ċertifikazzjoni tal-verifikaturi u l-awtorità kompetenti.
2. Meta fi Stat Membru partikulari jkun hemm iktar minn awtorità kompetenti waħda maħtura skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/87/KE, dak l-Istat Membru għandu jawtorizza lil waħda minnhom biex isservi ta' punt ta' kuntatt għall-iskambju tal-informazzjoni, għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u għall-attivitajiet imsemmijin f'dan il-Kapitolu.
Artikolu 71
Programm ta' ħidma marbut mal-akkreditament u rapport dwar il-ġestjoni
1. Sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru programm ta' ħidma marbut mal-akkreditament li jkun fih il-lista tal-verifikaturi li jkun akkredita li jkunu avżawh, skont l-Artikolu 77, li beħsiebhom iwettqu verifiki f'dawk l-Istati Membri. Il-programm ta' ħidma marbut mal-akkreditament għandu jkun fih tal-inqas l-informazzjoni li ġejja għal kull verifikatur:
|
(a) |
il-ħin u l-post previsti għall-verifika; |
|
(b) |
informazzjoni dwar l-attivitajiet li l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun ippjana għal dak il-verifikatur, b'mod partikulari dawk ta' sorveljanza u ta' valutazzjoni mill-ġdid; |
|
(c) |
id-dati tal-awditi ta' osservazzjoni previsti li korp nazzjonali ta' akkreditament irid iwettaq biex jivvaluta lill-verifikatur, fosthom l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li tkun se ssirilhom żjara waqt l-awditu ta' osservazzjoni; |
|
(d) |
informazzjoni dwar jekk il-korp nazzjonali ta' akkreditament ikunx talab lill-korp nazzjonali ta' akkreditament tal-Istat Membru li fih il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifika biex iwettaq attivitajiet ta' sorveljanza jew le. |
F'każ li tinbidel l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, sal-31 ta' Jannar ta' kull sena, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jibgħat programm ta' ħidma aġġornat lill-awtorità kompetenti.
2. Wara li jintbagħat il-programm ta' ħidma marbut mal-akkreditament skont il-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tgħaddi l-informazzjoni rilevanti kollha lill-korp nazzjonali ta' akkreditament, fosthom il-leġiżlazzjoni u l-linji gwida nazzjonali rilevanti.
3. Sal-1 ta' Ġunju ta' kull sena, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti rapport dwar il-ġestjoni. Ir-rapport dwar il-ġestjoni għandu jkun fih tal-inqas l-informazzjoni li ġejja għal kull verifikatur li dak il-korp ikun akkredita:
|
(a) |
id-dettalji tal-akkreditament tal-verifikaturi li jkunu ġew akkreditati għall-ewwel darba minn dak il-korp nazzjonali ta' akkreditament, fosthom il-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tagħhom; |
|
(b) |
kull tibdil fil-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament ta' dawn il-verifikaturi; |
|
(c) |
sommarju tar-riżultati tal-attivitajiet ta' sorveljanza u ta' valutazzjoni mill-ġdid li l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun wettaq; |
|
(d) |
sommarju tar-riżultati tal-valutazzjonijiet straordinarji li jkunu saru, fosthom ir-raġunijiet għalfejn ikunu nbdew it-tali valutazzjonijiet straordinarji; |
|
(e) |
kull ilment li jkun sar kontra l-verifikatur minn meta jkun inħareġ l-aħħar rapport dwar il-ġestjoni 'l hawn u l-azzjonijiet li l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun ħa b'rabta ma' dan; |
|
(f) |
id-dettalji dwar l-azzjonijiet li l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun ħa bi tweġiba għall-informazzjoni li l-awtorità kompetenti tkun bagħtitlu, sakemm huwa ma jkunx qies dik l-informazzjoni bħala lment skont it-tifsira tal-Artikolu 62. |
Artikolu 72
Skambju tal-informazzjoni dwar il-miżuri amministrattivi
Jekk il-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun impona miżuri amministrattivi fuq il-verifikatur skont l-Artikolu 54 jew jekk tkun intemmet is-sospensjoni tal-akkreditament jew deċiżjoni f'appell tkun reġġgħet lura d-deċiżjoni ta' korp nazzjonali ta' akkreditament li jimponi l-miżuri amministrattivi msemmijin fl-Artikolu 54, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu javża lill-partijiet li ġejjin b'dan:
|
(a) |
lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun akkreditat; |
|
(b) |
lill-awtorità kompetenti u lill-korp nazzjonali ta' akkreditament ta' kull Stat Membru fejn il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifiki. |
Artikolu 73
Skambju tal-informazzjoni min-naħa tal-awtorità kompetenti
1. Kull sena, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifika għandha tibgħat tal-inqas l-affarijiet li ġejjin lill-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lil dak il-verifikatur:
|
(a) |
ir-riżultati rilevanti tal-verifika tar-rapport tal-operatur u tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u tar-rapporti ta' verifika, b'mod partikulari kull nuqqas ta' konformità ta' dak il-verifikatur ma' dan ir-Regolament li jkun ġie identifikat; |
|
(b) |
ir-riżultati tal-ispezzjoni tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru meta dawk ir-riżultati jkunu rilevanti għall-korp nazzjonali ta' akkreditament b'rabta mal-akkreditament u mas-sorveljanza tal-verifikatur jew meta dawk ir-riżultati jkunu jinkludu xi nuqqas ta' konformità ta' dak il-verifikatur ma' dan ir-Regolament li jkun ġie identifikat; |
|
(c) |
ir-riżultati tal-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni interna tal-verifika ta' dak il-verifikatur meta hija tkun evalwat it-tali dokumentazzjoni interna skont l-Artikolu 26(3); |
|
(d) |
l-ilmenti li hija tkun irċeviet dwar il-verifikatur. |
2. Meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 turi li l-awtorità kompetenti identifikat nuqqas ta' konformità tal-verifikatur ma' dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jqis il-komunikazzjoni ta' dik l-informazzjoni bħala lment min-naħa tal-awtorità kompetenti dwar dak il-verifikatur skont it-tifsira tal-Artikolu 62.
Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jieħu l-azzjonijiet ix-xierqa biex jittratta t-tali informazzjoni u għandu jwieġeb lill-awtorità kompetenti fi żmien raġonevoli iżda mhux aktar tard minn tliet xhur minn meta jirċievi dik l-informazzjoni. Fit-tweġiba tiegħu, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti bl-azzjonijiet li jkun ħa u, meta dan ikun rilevanti, bil-miżuri amministrattivi li jkun impona fuq il-verifikatur.
Artikolu 74
Skambju tal-informazzjoni dwar is-sorveljanza
1. Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament tal-Istat Membru li fih verifikatur ikun qed iwettaq verifika jkun intalab iwettaq attivitajiet ta' sorveljanza skont l-Artikolu 50(5), dak il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jibgħat is-sejbiet tiegħu lill-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lill-verifikatur, sakemm iż-żewġ korpi nazzjonali ta' akkreditament ma jkunux ftehmu mod ieħor bejniethom.
2. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lill-verifikatur għandu jqis is-sejbiet imsemmijin fil-paragrafu 1 meta jkun qed jivvaluta jekk il-verifikatur jissodisfax ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jew le.
3. Meta s-sejbiet imsemmijin fil-paragrafu 1 juru li l-verifikatur ma jkunx qed jikkonforma ma' dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lill-verifikatur għandu jieħu l-azzjonijiet ix-xierqa skont dan ir-Regolament u għandu javża lill-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun wettaq l-attivitajiet ta' sorveljanza bl-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
b'liema azzjonijiet ikun ħa; |
|
(b) |
b'kif il-verifikatur ikun solva s-sejbiet, meta dan ikun xieraq; |
|
(c) |
b'liema miżuri amministrattivi jkunu ġew imposti fuq il-verifikatur, meta dan ikun rilevanti. |
Artikolu 75
Skambju tal-informazzjoni mal-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun stabbilit
Meta verifikatur ikun ġie akkreditat minn korp nazzjonali ta' akkreditament ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru li fih ikun stabbilit, il-programm ta' ħidma marbut mal-akkreditament u r-rapport dwar il-ġestjoni msemmijin fl-Artikolu 71 u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 72 għandhom jintbagħtu wkoll lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih il-verifikatur ikun stabbilit.
Artikolu 76
Bażijiet tad-data tal-verifikaturi akkreditati
1. Il-korpi nazzjonali ta' akkreditament jew, meta dan ikun applikabbli, l-awtoritajiet nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 55(2), għandhom jistabbilixxu u jamministraw bażi tad-data u jippermettu lil korpi nazzjonali ta' akkreditament oħrajn, lil awtoritajiet nazzjonali oħrajn, lill-verifikaturi, lill-operaturi, lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru u lill-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għaliha.
Il-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jiffaċilita u jarmonizza l-aċċess għall-bażijiet tad-data sabiex ikun jista' jkun hemm komunikazzjoni effiċjenti u kosteffettiva bejn il-korpi nazzjonali ta' akkreditament, l-awtoritajiet nazzjonali, il-verifikaturi, l-operaturi, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-awtoritajiet kompetenti u jista' jgħaqqad dawk il-bażijiet tad-data f'bażi tad-data waħda ċċentralizzata.
2. Il-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-isem u l-indirizz ta' kull verifikatur akkreditat minn dak il-korp nazzjonali ta' akkreditament; |
|
(b) |
l-Istati Membri li fihom il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifiki; |
|
(c) |
il-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament ta' kull verifikatur; |
|
(d) |
id-data meta ngħata l-akkreditament u d-data meta dan jiskadi; |
|
(e) |
l-informazzjoni kollha dwar il-miżuri amministrattivi li jkunu ġew imposti fuq il-verifikatur. |
L-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.
Artikolu 77
Notifika min-naħa tal-verifikaturi
1. Sabiex il-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun jista' jabbozza l-programm ta' ħidma marbut mal-akkreditament u r-rapport dwar il-ġestjoni msemmijin fl-Artikolu 71, sal-15 ta' Novembru ta' kull sena, verifikatur għandu jibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkreditah:
|
(a) |
il-ħin u l-post ippjanati tal-verifiki li huwa għandu jwettaq; |
|
(b) |
l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li r-rapporti dwar l-emissjonijiet, ir-rapporti dwar it-tunnellati kilometri, ir-rapporti dwar id-data ta' referenza jew ir-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid tagħhom huwa jkun qed jivverifika; |
|
(c) |
l-ismijiet tal-membri tat-tim tal-verifika u l-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament li fih tidħol l-attività tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru. |
2. F'każ li tinbidel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jgħarraf lill-korp nazzjonali ta' akkreditament b'dak it-tibdil f'perjodu taż-żmien miftiehem miegħu.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 78
Tħassir tar-Regolament (UE) Nru 600/2012 u dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Ir-Regolament (UE) Nru 600/2012 jitħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2019 jew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont liema minnhom tiġi l-aħħar.
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni mogħtija fl-Anness IV.
2. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 600/2012 għandhom jibqgħu japplikaw għall-verifika tal-emissjonijiet u, meta dan ikun applikabbli, għad-data dwar l-attività ta' qabel l-1 ta' Jannar 2019.
Artikolu 79
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019 jew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont liema minnhom tiġi l-aħħar.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta' Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rapporti dwar it-tunnellati kilometri u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 181, 12.7.2012, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).
(6) Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).
(9) Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.
(10) Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114).
(11) Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1).
ANNESS I
Kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tal-verifikaturi
Il-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tal-verifikaturi għandu jiġi indikat fiċ-ċertifikat tal-akkreditament bl-użu tal-gruppi ta' attivitajiet li ġejjin skont l-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u ta' attivitajiet oħrajn skont l-Artikoli 10a u 24 ta' dik id-Direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għall-verifikaturi ċċertifikati minn awtorità nazzjonali skont l-Artikolu 55(2) ta' dan ir-Regolament.
|
Numru tal-grupp ta' attività |
Kampijiet ta' applikazzjoni tal-akkreditament |
||||||||||||
|
1a |
Il-kombustjoni tal-fjuwils fl-istallazzjonijiet li fihom jintużaw il-fjuwils kummerċjali standard kif iddefinit fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 biss jew fl-istallazzjonijiet tal-kategorija A jew B li fihom jintuża l-gass naturali |
||||||||||||
|
1b |
Il-kombustjoni tal-fjuwils fl-istallazzjonijiet, mingħajr restrizzjonijiet |
||||||||||||
|
2 |
Ir-raffinar ta' żejt minerali |
||||||||||||
|
3 |
|
||||||||||||
|
4 |
|
||||||||||||
|
5 |
Il-produzzjoni tal-aluminju primarju (emissjonijiet tas-CO2 u tal-PFC) |
||||||||||||
|
6 |
|
||||||||||||
|
7 |
|
||||||||||||
|
8 |
|
||||||||||||
|
9 |
|
||||||||||||
|
10 |
|
||||||||||||
|
11 |
Il-ħżin ġeoloġiku tal-gassijiet serra f'sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE |
||||||||||||
|
12 |
L-attivitajiet tal-avjazzjoni (emissjonijiet u data dwar it-tunnellati kilometri) |
||||||||||||
|
98 |
Attivitajiet oħrajn skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE |
||||||||||||
|
99 |
Attivitajiet oħrajn li Stat Membru jinkludi skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/87/KE, li jridu jiġu speċifikati fid-dettall fiċ-ċertifikat tal-akkreditament |
ANNESS II
Rekwiżiti għall-verifikaturi
L-istandard armonizzat dwar ir-rekwiżiti għall-korpi tal-validazzjoni u tal-verifika tal-gassijiet serra li jintużaw fl-akkreditament jew f'forom oħrajn ta' rikonoxximent previst fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti għall-verifikaturi. Barra minn hekk, għandhom japplikaw ukoll il-proċeduri, il-proċessi u l-arranġamenti li ġejjin imsemmijin fl-Artikolu 41(1):
|
(a) |
proċess u politika għall-komunikazzjoni mal-operatur jew mal-operatur tal-inġenji tal-ajru u ma' partijiet rilevanti oħrajn; |
|
(b) |
arranġamenti adegwati biex titħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba; |
|
(c) |
proċess biex jiġu ttrattati l-appelli; |
|
(d) |
proċess biex jiġu ttrattati l-ilmenti (fosthom skeda taż-żmien indikattiva); |
|
(e) |
proċess għall-ħruġ ta' rapport rivedut ta' verifika meta jkun ġie identifikat żball fir-rapport ta' verifika jew fir-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru wara li l-verifikatur ikun bagħat ir-rapport ta' verifika lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru biex dan jibagħtu lill-awtorità kompetenti; |
|
(f) |
proċedura jew proċess għall-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet ta' verifika lil organizzazzjonijiet oħrajn. |
ANNESS III
Rekwiżiti minimi tal-proċess tal-akkreditament u rekwiżiti għall-korpi tal-akkreditament
L-istandard armonizzat dwar ir-rekwiżiti ġenerali għall-korpi tal-akkreditament li jakkreditaw il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità previst fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti minimi għall-akkreditament u mar-rekwiżiti għall-korpi tal-akkreditament.
ANNESS IV
Tabella ta' korrelazzjoni
|
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012 |
Dan ir-Regolament |
|
L-Artikoli 1 sa 31 |
L-Artikoli 1 sa 31 |
|
— |
L-Artikolu 32 |
|
L-Artikoli 32 sa 78 |
L-Artikoli 33 sa 79 |
|
L-Annessi I sa III |
L-Annessi I sa III |
|
— |
L-Anness IV |