21.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 327/50


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2041

tas-17 ta' Diċembru 2018

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Konnetturi tal-kejbils (“tat-tip maskili jew femminili”) għal vultaġġ li ma jaqbiżx 1 000 V, magħmula mir-ram.

L-oġġett għandu jew plug (konnettur tat-tip maskili) jew socket (konnettur tat-tip femminili) fuq naħa waħda u fuq in-naħa l-oħra ta' kuntatt apparat fil-forma ta' klipp protett b'saff ta' materjal iżolanti.

L-oġġett jintuża għall-konnessjoni ta' wajers jew kejbils għajr għal kejbils koassjali.

Dan l-oġġett jagħmel il-konnessjoni billi l-“konnettur maskili” jiddaħħal fil-“konnettur femminili” mingħajr l-użu ta' għodod.

Ara l-istampa (*1)

8536 69 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 8536 , 8536 69 u 8536 69 90 .

Dan l-oġġett għandu l-karatteristiċi oġġettivi ta' plug (“konnettur tat-tip maskili”) jew socket (“konnettur tat-tip femminili”) mgħammra b'apparat ta' kuntatt ieħor (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 8536 , il-grupp (III), l-ittra (A), il-punt (1), u wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda tas-subintestaturi 8536 69 10 sa 8536 69 90 ). Għalhekk il-klassifikazzjoni tiegħu bħala konnessjonijiet oħrajn u elementi ta' kuntatt għall-wajers u l-kejbils taħt is-subintestatura 8536 90 10 hija eskluża.

Għalhekk, għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8536 69 90 bħala plugs u sockets oħrajn.

Image 1

(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.