|
19.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 323/10 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2019
tat-18 ta' Diċembru 2018
li jistabbilixxi lista proviżorja ta' pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta' riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta' pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta' dak ir-Regolament
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 42(3) u 73 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031, fuq il-bażi ta' valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jelenkaw b'mod proviżorju pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra b'riskju għoli li jippreżentaw riskju ta' pesti ta' livell inaċċettabbli għat-territorju tal-Unjoni. |
|
(2) |
Minn meta ġie adottat ir-Regolament (UE) 2016/2031, twettqu diversi valutazzjonijiet preliminari rigward jekk pjanti u prodotti tal-pjanti li joriġinaw minn pajjiżi terzi jippreżentawx xi riskju ta' pesti ta' livell inaċċettabbli għat-territorju tal-Unjoni. Dawk il-valutazzjonijiet ikkonkludew li billi ċerti pjanti u prodotti tal-pjanti jissodisfaw wieħed jew aktar mill-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta' dak ir-Regolament, dawn jistgħu jikkwalifikaw bħala “pjanti b'riskju għoli” jew “prodotti tal-pjanti b'riskju għoli” fis-sens tal-Artikolu 42 ta' dak ir-Regolament. L-istess valutazzjonijiet preliminari tar-riskju kkonkludew ukoll li ż-żrieragħ u l-materjal in vitro ta' dawk il-“pjanti b'riskju għoli” jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament billi l-livell ta' riskju ta' pesti jinsab f'livell aċċettabbli. Barra minn hekk, jenħtieġ li pjanti tal-injam imċekkna b'mod naturali jew artifiċjali intiżi għat-tħawwil jiġu esklużi wkoll mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament billi l-importazzjoni tagħhom hija soġġetta għal rekwiżiti speċifiċi skont id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (2) li jnaqqsu r-riskju ta' pesti għal livell aċċettabbli u hija suġġetta wkoll għar-rekwiżiti speċjali tal-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2016/2031 mill-14 ta' Diċembru 2019. |
|
(3) |
Il-pjanti għat-tħawwil, minbarra ż-żrieragħ, il-materjal in-vitro u l-pjanti tal-injam imċekkna b'mod naturali jew artifiċjali għat-tħawwil tal-Acacia Mill., Acer L., Albizia Durazz., Alnus Mill., Annona L., Bauhinia L., Berberis L., Betula L., Caesalpinia L., Cassia L., Castanea Mill., Cornus L., Corylus L., Crataegus L., Diospyros L., Fagus L., Fraxinus L., Hamamelis L., Jasminum L., Juglans L., Ligustrum L., Lonicera L., Malus Mill., Nerium L., Persea Mill., Populus L., Prunus L., Quercus L., Robinia L., Salix L., Sorbus L., Taxus L., Tilia L., Ulmus L., u l-pjanti ta' Ullucus tuberosus Loz., huma magħrufa li jospitaw pesti ospitati komunement magħrufa li jkollhom impatt kbir ħafna fuq speċijiet ta' pjanti li għandhom importanza ekonomika, soċjali jew ambjentali maġġuri għall-Unjoni. Dawk il-pjanti huma wkoll magħrufa li komunement jospitaw il-pesti mingħajr ma juru sinjali ta' infezzjoni, jew li jkollhom perjodu qabel jibdew jidhru dawn is-sinjali. Dan inaqqas il-possibbiltà li tiġi skoperta l-preżenza ta' dawn il-pesti matul l-ispezzjonijiet imwettqa meta dawn il-pjanti jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni. Barra minn hekk, dawk il-pjanti għat-tħawwil normalment jiġu introdotti fl-Unjoni fil-forma ta' arbuxelli jew siġar u ġeneralment ikunu preżenti fl-Unjoni fit-tali forma. Fid-dawl ta' dan, il-miżuri eżistenti li jirregolaw l-introduzzjoni tal-pjanti għat-tħawwil elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament u tal-pjanti tal-Ullucus tuberosus Loz. li ġejjin minn pajjiżi terzi mhumiex meqjusa suffiċjenti biex jipprevjenu d-dħul tal-pesti. Għalhekk il-pjanti għat-tħawwil elenkati fl-Anness I u l-pjanti tal-Ullucus tuberosus Loz. jenħtieġ li jiġu elenkati bħala pjanti b'riskju għoli fis-sens tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, u l-introduzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi pprojbit proviżorjament. |
|
(4) |
Il-frott tal-Momordica L. huwa magħruf li jospita u jipprovdi mogħdija sinifikanti għall-introduzzjoni u għall-istabbiliment tal-pest Thrips palmi Karny, li huwa magħruf li għandu l-potenzjal li jkollu impatt kbir ħafna fuq l-ispeċijiet ta' pjanti li għandhom importanza ekonomika, soċjali jew ambjentali maġġuri għat-territorju tal-Unjoni. Madankollu, dan il-pest ma jinsabx fil-pajjiżi terzi kollha u lanqas ma jinsab fiż-żoni kollha fi ħdan pajjiż terz fejn huwa magħruf li jeżisti. Ċerti pajjiżi terzi għandhom ukoll miżuri effettivi ta' mitigazzjoni fis-seħħ għal dak il-pest. Fid-dawl ta' dan, il-frott tal-Momordica L. li joriġina minn pajjiżi terzi jew minn partijiet minnhom fejn il-pest huwa magħruf li jeżisti u li m'għandhomx miżuri effettivi ta' mitigazzjoni għal dak il-pest, jikkwalifika bħala pjanta b'riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, u għalhekk, l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' dik il-pjanta għandha tiġi pprojbita proviżorjament. |
|
(5) |
L-injam tal-Ulmus L. huwa magħruf li jospita u jipprovdi mogħdija sinifikanti għall-introduzzjoni u għall-istabbiliment tal-pest Saperda tridentata Olivier. Dak il-pest huwa magħruf li għandu impatt kbir ħafna fuq l-ispeċijiet ta' pjanti li għandhom importanza maġġuri ekonomika, soċjali jew ambjentali għat-territorju tal-Unjoni. Madankollu, dan il-pest ma jinsabx f'kull pajjiż terz, u lanqas f'ċerti żoni f'pajjiż terz fejn huwa magħruf li jeżisti. Fid-dawl ta' dan, l-injam tal-Ulmus L. li joriġina minn pajjiżi terzi jew minn żoni ta' pajjiżi terzi fejn is-Saperda tridentata Olivier huwa magħruf li jeżisti, jikkwalifika bħala prodott tal-pjanti ta' riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031. Għalhekk, l-introduzzjoni ta' dak l-injam fl-Unjoni jenħtieġ li jiġi pprojbit proviżorjament. |
|
(6) |
Dawk il-pjanti u l-prodotti tal-pjanti msemmija fil-premessi (3), (4) u (5) mhumiex elenkati skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2016/2031, jew huma elenkati biss fir-rigward ta' ċerti pajjiżi terzi. Barra minn hekk, u skont il-valutazzjonijiet preliminari rispettivi, dawn mhumiex koperti biżżejjed bir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 41 ta' dak ir-Regolament fir-rigward tal-pajjiżi terzi kollha, u mhumiex soġġetti għall-miżuri temporanji tal-Artikolu 49 ta' dak ir-Regolament. |
|
(7) |
Dawk il-pjanti u l-prodotti tal-pjanti msemmija fil-premessi (3), (4) u (5) għadhom mhumiex soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju sħiħa li hija meħtieġa biex jiġi konkluż jekk dawn joħolqux riskju ta' livell inaċċettabbli minħabba l-probabbiltà li dawn jospitaw pest tal-kwarantina fl-Unjoni, jew jekk dak ir-riskju jistax jitnaqqas għal livell aċċettabbli permezz tal-applikazzjoni ta' ċerti miżuri. Meta tiġi identifikata d-domanda għall-importazzjoni ta' dawn il-pjanti u l-prodotti tal-pjanti, huma għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju li ssir skont att ta' implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 42(6) tar-Regolament (UE) 2016/2031. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-Kummissjoni trid tipprevedi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, li pjanti oħra għajr il-pjanti inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 72(1), ikunu jeħtieġu ċertifikat fitosanitarju għall-introduzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni. |
|
(9) |
Madankollu, dawk l-atti ta' implimentazzjoni jridu jipprevedu li mhuwiex meħtieġ ċertifikat fitosanitarju għal dawk il-pjanti fejn valutazzjoni li tkun ibbażata fuq evidenza dwar ir-riskji ta' pesti u esperjenza fil-kummerċ, turi li tali ċertifikat ma jkunx meħtieġ. |
|
(10) |
Minn meta ġie adottat dak ir-Regolament, twettqu diversi valutazzjonijiet fir-rigward tar-riskju tal-pesti u tal-esperjenza fil-kummerċ ta' diversi pjanti, għajr pjanti għat-tħawwil, li joriġinaw minn pajjiżi terzi. |
|
(11) |
Skont dawk il-valutazzjonijiet, il-frott tal-Ananas comosus (L.) Merrill, Cocos nucifera L., Durio zibethinus Murray, Musa L. u Phoenix dactylifera L. ma jospitax pesti ta' kwarantina tal-Unjoni jew pesti soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031, jew pesti komunement ospitati li jista' jkollhom impatt fuq speċijiet ta' pjanti mkabbra fl-Unjoni. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda tifqigħa ta' pesti marbuta mal-introduzzjoni ta' dak il-frott minn pajjiż terz wieħed jew aktar. Tul l-introduzzjoni tiegħu fit-territorju tal-Unjoni dak il-frott ma ġiex soġġett għal interċezzjonijiet ripetuti minħabba l-preżenza ta' pesti tal-kwarantina tal-Unjoni jew ta' pesti soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30 ta' dak ir-Regolament. |
|
(12) |
Fid-dawl tal-fatt li dak il-frott jissodisfa l-kriterji kollha tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2016/2031, ma għandu jenħtieġ l-ebda ċertifikat fitosanitarju għall-introduzzjoni tiegħu fit-territorju tal-Unjoni. |
|
(13) |
Il-listi li jridu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 42(3) u l-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031 it-tnejn jikkonċernaw ir-regoli tal-importazzjoni li huma bbażati fuq kriterji simili għall-valutazzjoni tar-riskju, kif stabbilit fl-Annessi III u VI ta' dak ir-Regolament. Dawn huma ffokati fuq ir-riskji ppreżentati mill-pjanti u mill-prodotti tal-pjanti rispettivi, minflok fuq ir-riskji ta' pesti speċifiċi. Dawn ġew elaborati b'metodoloġija komuni tal-valutazzjoni tar-riskju u għandhom jiġu aġġornati skont l-istess metodoloġija, fuq il-bażi tal-evidenza teknika u xjentifika disponibbli. Għalhekk huwa xieraq li dawn jiġu integrati f'Regolament wieħed. |
|
(14) |
Minħabba li r-Regolament (UE) 2016/2031 japplika mill-14 ta' Diċembru 2019, u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tar-regoli kollha fir-rigward tal-introduzzjoni tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti u ta' oġġetti oħra fl-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-istess data. |
|
(15) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn b'riskju għoli
Il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u l-oġġetti l-oħra elenkati fl-Anness I huma meqjusa pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra ta' riskju għoli fis-sens tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, u l-introduzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni għandha tkun ipprojbita sakemm issir valutazzjoni tar-riskju.
Artikolu 2
Ċertifikat fitosanitarju għall-introduzzjoni ta' ċerti pjanti fl-Unjoni
Għandu jkun meħtieġ ċertifikat fitosanitarju għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti, għajr il-pjanti inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.
Madankollu, il-frott elenkat fl-Anness II għandu jiġi esklużi minn dan ir-rekwiżit.
Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).
ANNESS I
Lista ta' pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra b'riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031
|
1. |
Pjanti għat-tħawwil, għajr iż-żrieragħ, materjal in-vitro u pjanti tal-injam, imċekkna naturalment jew artifiċjalment, għat-tħawwil, li joriġinaw mill-pajjiżi terzi kollha u li jagħmlu parti mill-ġeneri jew mill-ispeċijiet li ġejjin:
|
|
2. |
Pjanti tal-Ullucus tuberosus li ġejjin mill-pajjiżi terzi kollha.
|
|
3. |
Il-frott tal-Momordica L. li joriġina minn pajjiżi terzi jew minn żoni ta' pajjiżi terzi fejn Thrips palmi Karny huwa magħruf li jezisti u fejn hemm nuqqas ta' miżuri effettivi ta' mitigazzjoni għal dak il-pest.
|
|
4. |
Injam tal-Ulmus L. li joriġina minn pajjiżi terzi jew minn żoni ta' pajjiżi terzi fejn Saperda tridentata Olivier huwa magħruf li jeżisti.
|
ANNESS II
Lista ta' frott li ma jeħtieġx ċertifikat fitosanitarju għall-introduzzjoni tiegħu fl-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031
|
Il-kodiċi NM |
Deskrizzjoni |
|
ex 0804 30 00 |
Ananas comosus (L.) Merrill |
|
ex 0801 12 00 , ex 0801 19 00 |
Cocos nucifera L. |
|
ex 0810 60 00 |
Durio zibethinus Murray |
|
ex 0803 10 10 , ex 0803 90 10 |
Musa L. |
|
ex 0804 10 00 |
Phoenix dactylifera L. |