14.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 317/16 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1981
tat-13 ta' Diċembru 2018
li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi komposti tar-ram bħala kandidati għas-sostituzzjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/37/KE (2) daħħlet il-komposti tar-ram bħala sustanzi attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3). |
(2) |
Is-sustanzi attivi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4). |
(3) |
Kif stipulat fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi l-komposti tar-ram tiskadi fil-31 ta' Jannar 2019. |
(4) |
Tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram bi qbil mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) fil-perjodu ta' żmien previst f'dak l-Artikolu. |
(5) |
L-applikant ippreżenta d-dossiers supplimentari meħtieġa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet sħiħa. |
(6) |
L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid b'konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ppreżentah lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fis-16 ta' Diċembru 2016. |
(7) |
L-Awtorità bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom, u għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni. L-Awtorità qegħdet ukoll id-dossier tas-sommarju supplimentari għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. |
(8) |
Fl-20 ta' Diċembru 2017, l-Awtorità bagħtet il-konklużjonijiet tagħha (6) dwar jekk jistax ikun mistenni li l-komposti tar-ram jissodisfaw il-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 lill-Kummissjoni. Fil-25 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni ressqet l-abbozz tar-rapport dwar it-tiġdid tal-komposti tar-ram lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. |
(9) |
L-applikant ingħata l-opportunità li jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport dwar it-tiġdid. |
(10) |
Fir-rigward ta' użu rappreżentattiv wieħed jew aktar minn wieħed ta' mill-inqas prodott wieħed għal kull kompost tar-ram, ġie stabbilit li huma ssodisfati l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Għalhekk, jixraq li l-approvazzjoni tal-komposti tar-ram tiġġedded. |
(11) |
Il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram hija bbażata fuq għadd limitat ta' użi rappreżentattivi, li madankollu ma jillimitawx l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-komposti tar-ram. Għalhekk jixraq li titneħħa r-restrizzjoni li jintużaw esklussivament bħala funġiċidi u batteriċidi. |
(12) |
Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-komposti tar-ram huma kandidati għas-sostituzzjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Il-komposti tar-ram huma sustanzi persistenti u tossiċi skont il-punti 3.7.2.1 u 3.7.2.3, rispettivament, tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, billi n-nofs ħajja fil-ħamrija hija itwal minn 120 jum u l-konċentrazzjoni ta' bla effett osservat għal żmien twil fuq l-organiżmi tal-ilma ħelu hija inqas minn 0,01 mg/L. Għaldaqstant, il-komposti tar-ram jissodisfaw il-kundizzjoni stabbilita fit-tieni inċiż tal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
(13) |
Għalhekk jixraq li tiġġedded l-approvazzjoni tal-komposti tar-ram bħala kandidati għas-sostituzzjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
(14) |
Madankollu, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. |
(15) |
B'mod partikolari jixraq li l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-komposti tar-ram jiġi ristrett għal rata massima ta' applikazzjoni ta' 28 kg/ha ta' ram tul perjodu ta' 7 snin (jiġifieri medja ta' 4 kg/ha/sena) sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-potenzjal ta' akkumulazzjoni fil-ħamrija u l-esponiment ta' organiżmi mhux fil-mira, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet agroklimatiċi fl-Istati Membri li jwasslu għal żieda ta' pressjoni fungali, li jseħħu perjodikament. Jenħtieġ li meta jkunu qegħdin jawtorizzaw il-prodotti l-Istati Membri jqisu ċerti kwistjonijiet u jistinkaw biex ir-rati tal-applikazzjoni jkunu mill-inqas kemm jista' jkun. |
(16) |
Jixraq ukoll li jkun limitat il-kontenut massimu ta' ċerti impuritajiet li huma ta' tħassib mil-lat tossikoloġiku. |
(17) |
Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat kif xieraq. |
(18) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/84 (7) estenda l-perjodu ta' approvazzjoni tal-komposti tar-ram sal-31 ta' Jannar 2019 sabiex il-proċess ta' tiġdid ikun jista' jitlesta qabel tiskadi l-approvazzjoni ta' dawn is-sustanzi. Madankollu, peress li laħqet ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid qabel din id-data ta' skadenza estiża, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2019. |
(19) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi bħala kandidati għas-sostituzzjoni
L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi l-komposti tar-ram, bħala kandidati għas-sostituzzjoni, hija mġedda kif stabbilit fl-Anness I.
Artikolu 2
Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011
L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat b'konformità mal-Anness II ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u data ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/37/KE tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex jiġu inklużi bħala sustanzi attivi l-klormekwat, il-komposti tar-ram, il-propakwiżafop, il-kwiżalofop-P, it-teflubenżuron u ż-żeta-ċipermetrin (ĠU L 104, 24.4.2009, p. 23).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).
(6) EFSA (l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2018. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance copper compounds, EFSA Journal 2018;16(1):5152.
(7) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/84 tad-19 ta' Jannar 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi klorpirifos, klorpirifos-metil, klotijanidin, komposti tar-ram, dimoksistrobina, mankożeb, mekoprop-p, metiram, oksamil, petoksamid, propikonażol, propineb, propiżamid, piraklostrobina u żoksamid (ĠU L 16, 20.1.2018, p. 8).
ANNESS I
Isem komuni, Numri tal-identifikazzjoni |
Isem tal-IUPAC |
Purità (1) |
Data tal-approvazzjoni |
Skadenza tal-approvazzjoni |
Dispożizzjonijiet speċifiċi |
|||||||||||||
Komposti tar-ram: |
|
|
fl-1 ta' Jannar 2019 |
fil-31 ta' Diċembru 2025 |
Għandhom jiġu awtorizzati biss l-użi li jirriżultaw f'applikazzjoni totali massima ta' 28 kg ta' ram fuq kull ettaru tul perjodu ta' 7 snin. Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi msemmijin fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar il-komposti tar-ram, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu. Fil-valutazzjoni ġenerali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:
|
|||||||||||||
Idrossidu tar-ram Nru CAS 20427-59-2 Nru CIPAC 44.305 |
Idrossidu tar-ram(II) |
≥ 573 g/kg |
||||||||||||||||
Ossiklorur tar-ram Nru CAS 1332-65-6 jew 1332-40-7 Nru CIPAC 44.602 |
Triidrossiklorur tad-diram |
≥ 550 g/kg |
||||||||||||||||
Ossidu tar-ram Nru CAS 1317-39-1 Nru CIPAC 44.603 |
Ossidu tar-ram |
≥ 820 g/kg |
||||||||||||||||
Taħlita Bordeaux Nru CAS 8011-63-0 Nru CIPAC 44.604 |
Mhux allokat |
≥ 245 g/kg |
||||||||||||||||
Sulfat tar-ram tribażiku Nru CAS 12527-76-3 Nru CIPAC 44.306 |
Mhux allokat |
≥ 490 g/kg L-impuritajiet li ġejjin ma għandhomx ikunu f'livelli ogħla minn dawn li jidhru taħt:
|
(1) Fir-rapport ta' rieżami ngħataw aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva.
ANNESS II
L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fil-Parti A, titħassar l-entrata 277 dwar il-komposti tar-ram; |
(2) |
fil-Parti E, tinżied l-entrata li ġejja:
|
(1) Fir-rapport ta' rieżami ngħataw aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva.