14.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1979

tat-13 ta' Diċembru 2018

li jistipula l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2311

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6e(2) tiegħu,

Billi:

(1)

B'konformità mar-Regolament (UE) Nru 531/2012, mill-15 ta' Ġunju 2017, jenħtieġ li l-fornituri domestiċi ma jimponu l-ebda ħlas supplimentari addizzjonali mal-prezz bl-imnut domestiku fuq il-klijenti tar-roaming, fi kwalunkwe Stat Membru għal kwalunkwe telefonata regolata tar-roaming irċevuta, fil-limiti permessi mill-politika tal-użu ġust.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jillimita kull ħlas supplimentari applikat għal telefonati regolati tar-roaming irċevuti għall-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2311 (2) jistabbilixxi l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni li trid tiġi applikata fl-2018 abbażi taċ-ċifri tad-data kif kienu fl-1 ta' Lulju 2017.

(4)

Il-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjoni Elettronika pprovda informazzjoni aġġornata lill-Kummissjoni li ġabru l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-livell massimu tar-rati għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-mobile li imponew, skont l-Artikoli 7 u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), f'kull suq nazzjonali għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-vuċi bl-ingrossa fuq netwerks individwali tat-telefonija mobbli; u dwar l-għadd totali ta' abbonati fl-Istati Membri.

(5)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-Kummissjoni kkalkulat il-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni billi mmultiplikat ir-rata massima għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-mobile li ppermetta Stat Membru partikolari bl-għadd totali ta' abbonati f'dak l-Istat Membru; ir-riżultati ta' dawn il-multiplikazzjonijiet ta' Stati Membri differenti għoddiethom flimkien u mbagħad iddividiethom bl-għadd totali ta' abbonati fl-Istati Membri kollha, abbażi taċ-ċifri tad-data tal-1 ta' Lulju 2018. Għall-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro, ir-rata tal-kambju rilevanti hi l-medja fit-tieni kwart tal-2018 miksuba mill-bażi tad-data tal-Bank Ċentrali Ewropew.

(6)

Għalhekk jeħtieġ tiġi aġġornata ċ-ċifra tal-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni stabbiliti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2311.

(7)

Għalhekk jenħtieġ jitħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2311.

(8)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-Kummissjoni trid tirrevedi l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni kull sena.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni hi stabbilita għal EUR 0,0085 kull minuta.

Artikolu 2

Jitħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2311.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2311 tat-13 ta' Diċembru 2017 li jistipula l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2292 (ĠU L 331, 14.12.2017, p. 39).

(3)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

(4)  Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Id-Direttiva tal-Aċċess) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7).