11.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1934

tal-10 ta' Diċembru 2018

li jimplimenta l-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) 2015/735 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/735 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 748/2014 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2015/735.

(2)

Fil-21 ta' Novembru 2018, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit bis-saħħa tar-Riżoluzzjoni 2206 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti aġġorna l-informazzjoni li tirrigwarda persuna soġġetta għal miżuri restrittivi.

(3)

Jenħtieġ għalhekk li l-Anness I għar-Regolament (UE) 2015/735 jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2015/735 huwa b'dan emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 117, 8.5.2015, p. 13.


ANNESS

L-entrata li tikkonċerna l-persuna elenkata hawn taħt hija sostitwita bl-entrata li ġejja:

“1.

Gabriel JOK RIAK MAKOL (magħruf ukoll bħala: a) Gabriel Jok b) Jok Riak c) Jock Riak)

Titlu: Logutenent Ġeneral

Kariga: a) Eks-Kmandant ta' Sector One tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA); b) Kap tal-Forzi tad-Difiża

Data tat-Twelid: 1 ta' Jannar 1966

Post tat-twelid: BOR, is-Sudan/is-Sudan t'Isfel

Nazzjonalità: Sudan t'Isfel

Nru tal-passaport: Is-Sudan t'Isfel numru D00008623

Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: M6600000258472

Indirizz: a) L-Istat ta' Unity, is-Sudan t'Isfel b) Wau, Bahr El Ghazal tal-Punent, is-Sudan t'Isfel

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 1 ta' Lulju 2015

Tagħrif ieħor: Maħtur Kap tal-Forzi tad-Difiża fit-2 ta' Mejju 2018. Ikkmanda lis-Sector One tal-SPLA, li jopera prinċipalment fl-Istat ta' Unity, sa minn Jannar 2013. Fil-pożizzjoni tiegħu bħala kmandant ta' Sector One tal-SPLA, kabbar u estenda l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel permezz ta' ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet. L-SPLA hija entità militari tas-Sudan t'Isfel li kienet involuta f'azzjonijiet li estendew l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-ksur tal-Ftehim ta' Jannar 2014 dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet u l-Ftehim tad-9 ta' Mejju 2014 biex tiġi Solvuta l-Kriżi fis-Sudan t'Isfel, li kien impenn mill-ġdid lejn is-CoHA, u ostakolat l-attivitajiet tal-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Verifika tal-IGAD. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5879060

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Gabriel Jok Riak ġie elenkat fl-1 ta' Lulju 2015 skont il-paragrafi 7(a), 7(f) u 8 tar-riżoluzzjoni 2206 (2015) għal, ‘azzjonijiet jew politiki li għandhom l-għan jew l-effett li jespandu jew jestendu l-konflitt fis-Sudan t'Isfel jew li jostakolaw it-taħdidiet jew il-proċessi ta' rikonċiljazzjoni jew paċi, inkluż ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet’; ‘it-tfixkil tal-attivitajiet ta' missjonijiet internazzjonali, diplomatiċi, jew umanitarji taż-żamma tal-paċi fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Verifika tal-IGAD jew tal-kunsinna jew id-distribuzzjoni ta' għajnuna umanitarja jew l-aċċess għaliha’; u bħala mexxej ‘ta' kwalunkwe entità, inkluż kwalunkwe grupp tal-gvern tas-Sudan t'Isfel, tal-oppożizzjoni, ta' milizzja, jew ta' grupp ieħor, li kien involut, jew li l-membri tiegħu kienu involuti, fi kwalunkwe waħda mill-attivitajiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7’.

Gabriel Jok Riak huwa l-kmandant ta' Sector One tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA), entità militari tas-Sudan t'Isfel li kienet involuta f'azzjonijiet li estendew il-kunflitt fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-ksur tal-Ftehim ta' Jannar 2014 dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet (CoHA) u l-Ftehim tad-9 ta' Mejju 2014 biex tiġi Solvuta l-Kriżi fis-Sudan t'Isfel (Il-Ftehim ta' Mejju), li kien impenn mill-ġdid lejn is-CoHA.

Jok Riak ikkmanda lis-Sector One tal-SPLA, li jopera prinċipalment fl-Istat ta' Unity, sa minn Jannar 2013. Id-Diviżjonijiet Tlieta, Erbgħa u Ħamsa tal-SPLA huma subordinati għal Sector One u tall-kmandant tiegħu, Jok Riak.

Jok Riak u l-forzi ta' Sector One u Three tal-SPLA taħt il-kmand ġenerali tiegħu kienu involuti f'bosta azzjonijiet, kif dettaljati hawn taħt, bi ksur tal-impenji tas-CoHA ta' Jannar 2014 biex jieqfu l-azzjonijiet militari kollha mmirati lejn il-forzi ta' oppożizzjoni, kif ukoll azzjonijiet provokatorji oħra, jiġu ffriżati l-forzi fis-siti attwali tagħhom, u joqogħdu lura minn attivitajiet bħall-moviment ta' forzi jew ir-riforniment ta' munizzjon li jistgħu jwasslu għal konfront militari.

Il-forzi tal-SPLA taħt il-kmand ġenerali ta' Jok Riak kisru diversi drabi il-ftehim tas-CoHA permezz ta' ostilitajiet evidenti.

Fl-10 ta' Jannar 2014, forza tal-SPLA taħt il-kmand ġenerali tal-kmandant tas-Sector One Jok Riak ħatfet Bentiu, li kienet tqiegħdet preċedentement taħt il-kontroll tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan fl-Oppożizzjoni (SPLM-IO) mill-20 ta' Diċembru 2013. Id-Diviżjoni Tlieta tal-SPLA għamlet imbuskata u bbumbardjat ġellieda tal-SLPM-IO qrib Leer ftit wara li ġie ffirmat is-CoHA ta' Jannar 2014 u f'nofs April 2014 ħatfu Mayom u qatlu aktar minn 300 truppa tal-SPLM-IO.

Fl-4 ta' Mejju 2014, forza tal-SPLA mmexxija minn Jok Riak reġgħu ħatfu Bentiu. Fuq it-televiżjoni statali f'Juba, kelliem għall-SPLA stqarr li l-armata tal-gvern taħt il-kmand ta' Jok Riak kienet ħatfet Bentiu fl-erbgħa ta' waranofsinhar, filwaqt li żied jgħid li kienu involuti id-Diviżjoni Tlieta u taskforce speċjali tal-SPLA. Sigħat wara li tħabbar il-Ftehim ta' Mejju, il-forzi tad-Diviżjoni Tlieta u Erbgħa tal-SPLA ġġieldu kontra u reġġgħu lura l-ġellieda tal-oppożizzjoni li aktar kmieni kienu attakkaw il-pożizzjonijiet tal-SPLA qrib Bentiu u fir-reġjuni taż-żejt tat-tramuntana tas-Sudan t'Isfel.

Ukoll wara l-iffirmar tal-Ftehim ta' Mejju it-truppi tad-Diviżjoni Tlieta tal-SPLA reġgħu ħatfu Wang Kai, u l-kmandant tad-diviżjoni Santino Deng Wol, awtorizza lill-forzi tiegħu biex joqtlu lil kull min ikun qed iġorr fuqu xi arma jew ikun qed jinħeba d-dar, u ordnalhom biex jaħarqu kwalunkwe dar li fiha jkun hemm xi forzi tal-oppożizzjoni.

Lejn l-aħħar ta' April u Mejju 2015, il-forzi tas-Sector One tal-SPLA mmexxija minn Jok Riak wettqu offensiva militari fuq skala sħiħa kontra l-forzi tal-oppożizzjoni fl-Istat ta' Unity mill-Istat ta' Lakes.

Bi ksur tat-termini tas-CoHA kif deskritt hawn fuq, Jok Riak allegatament ipprova jsewwi t-tankijiet u jimmodifikahom għall-użu kontra l-forzi tal-oppożizzjoni kmieni f'Settembru 2014. Tard f'Ottubru 2014, mill-inqas 7 000 truppa u armi b'saħħithom tal-SPLA mid-Diviżjoni Tlieta u Ħamsa reġgħu kienu skjerati biex isaħħu t-truppi tad-Diviżjoni Erbgħa li kienu qed iġarrbu l-piż ta' attakk mill-oppożizzjoni qrib Bentiu. F'Novembru 2014, l-SPLA daħħlet tagħmir u armi militari ġodda, inkluż trasportaturi armati tal-persunal, ħelikopters, xkubetti tal-artillerija u munizzjon fil-qasam ta' responsabbiltà tas-Sector One, x'aktarx bi tħejjija għall-ġlied kontra l-oppożizzjoni. Kmieni fi Frar 2015, Jok Riak allegatament ordna li jintbagħtu trasportaturi armati tal-persunal Bentiu, possibbilment biex jirreaġixxu għall-imbuskati reċenti mill-oppożizzjoni.

Wara l-offensiva ta' April u Mejju 2015 fl-Istat ta' Unity, is-Sector One tal-SPLA ċaħad talbiet mit-Tim ta' Monitoraġġ u Verifika tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD-MVM) f'Bentiu biex jinvestiga dan il-ksur tas-CoHA; b'hekk ċaħħad lill-IGAD-MVM mil-libertà ta' moviment biex iwettaq il-mandat tiegħu.

Minbarra dan, f'April 2014, Jok Riak espanda l-konflitt fis-Sudan t'Isfel billi allegatament għen biex jarma u jimmobilizza daqs 1 000 żagħżugħ Dinka biex jissupplimentaw il-forzi tradizzjonali tal-SPLA.”