10.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/2


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1923

tas-7 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 360/2012 fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 (2), l-għajnuna taħt ċertu limitu mogħtija lill-impriżi għall-forniment ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u hija, għalhekk, eżentata mill-ħtieġa ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 360/2012 se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018.

(3)

Fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 360/2012, jidher li l-ġustifikazzjonijiet għall-eżenzjoni ta' tali miżuri ta' kumpens mill-ħtieġa ta' notifika għadhom validi u li l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ġew determinati l-ambitu u l-kontenut tar-Regolament (UE) Nru 360/2012 ma nbidlux b'mod sostanzjali. Ir-Regolament jipprovdi ċertezza legali u jnaqqas il-piż amministrattiv fir-rigward tal-miżuri de minimis mogħtija lill-impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Sabiex tiġi pprovduta l-kontinwità u tiġi evitata ż-żieda fl-ispejjeż ta' konformità fir-rigward tas-servizzi kkonċernati, ikun tajjeb li f'din il-fażi jiġi evitat li jiġi introdott tibdil.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-perjodu tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 360/2012 jiġi estiż b'sentejn.

(5)

Jenħtieġ, għalhekk, li r-Regolament (UE) Nru 360/2012 jiġi emendat b'dan il-mod,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 360/2012, “31 ta' Diċembru 2018” tinbidel b'“31 ta' Diċembru 2020”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta' April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8).