|
26.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 299/2 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1843
tat-23 ta' Novembru 2018
li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2452 fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tal-formola għad-divulgazzjoni ta' primjums, pretensjonijiet u spejjeż skont il-pajjiż
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 56 u l-Artikolu 256(5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2452 (2) ma jispeċifikax b'ċarezza suffiċjenti f'liema kundizzjonijiet l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ma jkunux obbligati jiddivulgaw il-formola stabbilita fit-Taqsima S.05.02. Sabiex l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu jistgħu jiddeterminaw l-obbligi tagħhom b'ċarezza, il-kummenti ġenerali stabbiliti fit-Taqsima S.05.02 tal-Anness II u l-Anness III ta' dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġu ċċarati f'dak ir-rigward. |
|
(2) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2452 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(3) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni. |
|
(4) |
L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqu, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi II u III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2452 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Novembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2452 tat-2 ta' Diċembru 2015 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-formati u l-formuli tar-rapport dwar is-solvenza u l-kondizzjoni finanzjarja skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 31.12.2015, p. 1285).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
ANNESS
(1)
Fl-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2452, fit-taqsima S.05.02 — Primjums, pretensjonijiet u spejjeż skont il-pajjiż, taħt l-intestatura “Kummenti ġenerali”, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:“Din it-taqsima għandha x'taqsam mad-divulgazzjoni annwali tal-informazzjoni għal entitajiet individwali. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mhumiex meħtieġa jiddivulgaw il-formola S.05.02.01 tal-Anness I meta l-pajjiż tad-domiċilju jirrappreżenta 90 % jew aktar tal-primjums sottoskritti grossi totali.”.
(2)
Fl-Anness III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2452, fit-taqsima S.05.02 — Primjums, pretensjonijiet u spejjeż skont il-pajjiż, taħt l-intestatura “Kummenti ġenerali”, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:“Din it-taqsima għandha x'taqsam mad-divulgazzjoni annwali tal-informazzjoni għal gruppi. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipanti, kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta mhumiex meħtieġa jiddivulgaw il-formola S.05.02.01 tal-Anness I meta l-pajjiż tad-domiċilju jirrappreżenta 90 % jew aktar tal-primjums sottoskritti grossi totali.”.