21.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/138


REGOLAMENT (UE) 2018/1727 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Novembru 2018

dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 85 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Eurojust twaqqfet permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (2) bħala korp tal-Unjoni b’personalità ġuridika, biex tistimola u ttejjeb il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriminalità organizzata serja. Il-qafas legali tal-Eurojust ġie emendat bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/659/ĠAI (3) u 2009/426/ĠAI (4).

(2)

L-Artikolu 85 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Eurojust tkun regolata minn Regolament, adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Jirrikjedi wkoll id-determinazzjoni ta’ arranġamenti biex il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jkunu involuti fl-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Eurojust.

(3)

L-Artikolu 85 tat-TFUE jistabbilixxi wkoll li l-missjoni tal-Eurojust hija li tappoġġa u ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni fir-rigward ta’ kriminalità serja li taffettwa żewġ Stati Membri jew iktar jew li teħtieġ prosekuzzjoni fuq bażijiet komuni, fuq il-bażi ta’ operazzjonijiet imwettqa u informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol).

(4)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jemenda u jwessa’ d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI. Peress li l-emendi li ser isiru huma sostanzjali għal dak li jikkonċerna n-numru u n-natura tagħhom, id-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI jenħtieġ li, fl-interess taċ-ċarezza, tiġi sostitwita fl-intier tagħha fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament.

(5)

Ladarba l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) kien ġie stabbilit permezz tal-kooperazzjoni msaħħa, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (5) huwa vinkolanti fl-intier tiegħu u applikabbli b’mod dirett biss għall-Istati Membri li jieħdu sehem fil-kooperazzjoni msaħħa. Għalhekk, għal dawk l-Istati Membri li ma jiħdux sehem fl-UPPE, il-Eurojust tibqa’ kompletament kompetenti għal forom ta’ kriminalità serja elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

(6)

L-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li permezz tiegħu l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-TUE u t-TFUE.

(7)

Sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-UPPE, il-Eurojust jenħtieġ li tindirizza l-kwistjonijiet relevanti għall-UPPE meta dan ikun meħtieġ.

(8)

Fid-dawl tal-istabbiliment tal-UPPE permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-UPPE u l-Eurojust fir-rigward tal-kriminalità li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jeħtieġ jiġi stabbilit b’mod ċar. Mid-data meta l-UPPE jassumi l-kompiti tiegħu, jenħtieġ li l-Eurojust tkun kapaċi teżerċita l-kompetenza tagħha f’każijiet li jinvolvu kriminalità li taqa’ fil-kompetenza tal-UPPE, fejn dawk il-każijiet ta’ kriminalità jinvolvu kemm Stati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tal-UPPE kif ukoll Stati Membri li ma jipparteċipawx f’tali kooperazzjoni msaħħa. F’każijiet bħal dawn, il-Eurojust jenħtieġ li taġixxi fuq it-talba tal-Istati Membri mhux parteċipanti jew fuq it-talba tal-UPPE. Fi kwalunkwe każ, il-Eurojust jenħtieġ li tibqa’ kompetenti għar-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kull meta ma jkunx kompetenti l-UPPE, jew meta, għalkemm l-UPPE jkun kompetenti, huwa ma jeżerċitax il-kompetenza tiegħu. L-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tal-UPPE jistgħu jkomplu jitolbu l-appoġġ tal-Eurojust fil-każijiet kollha li jirrigwardaw ir-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-UPPE u l-Eurojust jenħtieġ li jiżviluppaw kooperazzjoni operazzjonali mill-qrib f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom.

(9)

Biex il-Eurojust twettaq il-missjoni tagħha u tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha fil-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali serja, il-funzjonijiet operazzjonali tagħha jenħtieġ li jissaħħu billi jonqos il-volum tax-xogħol amministrattiv tal-membri nazzjonali, u d-dimensjoni Ewropea tagħha tissaħħaħ permezz tal-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-Bord Eżekuttiv u l-involviment miżjud tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fl-evalwazzjoni tal-attivitajiet tagħha.

(10)

Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiddetermina l-arranġamenti għall-involviment parlamentari, l-immodernizzar tal-istruttura tal-Eurojust u s-simplifikazzjoni tal-qafas legali attwali tagħha, filwaqt li jżomm dawk l-elementi li wrew li huma effiċjenti fit-tħaddim tagħha.

(11)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti b’mod ċar il-forom ta’ kriminalità serja li jaffettwaw żewġ Stati Membri jew iktar li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Eurojust. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu definiti l-każijiet li ma jinvolvux żewġ Stati Membri jew iktar, iżda li jeħtieġu prosekuzzjoni fuq bażijiet komuni. Dawn il-każijiet jistgħu jinkludu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li jaffettwaw Stat Membru wieħed biss u pajjiż terz fejn ikun ġie konkluż ftehim ma’ dak il-pajjiż terz jew fejn jista’ jkun hemm ħtieġa speċifika għall-involviment tal-Eurojust. Tali prosekuzzjoni tista’ wkoll tirreferi għal każijiet li jaffettwaw Stat Membru wieħed u li għandhom riperkussjonijiet fil-livell tal-Unjoni.

(12)

Meta teżerċita l-funzjonijiet operazzjonali tagħha fir-rigward ta’ każijiet kriminali konkreti, fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-Eurojust jenħtieġ li taġixxi jew permezz ta’ membru nazzjonali wieħed jew iktar jew bħala Kulleġġ. Billi taġixxi fuq inizjattiva proprja, il-Eurojust tista’ tieħu rwol aktar proattiv fil-koordinazzjoni ta’ każijiet, pereżempju billi tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tagħhom. Dan jista’ jinkludi li hija tinvolvi Stati Membri li inizjalment setgħu ma kinux inklużi fil-każ u tiskopri rabtiet bejn każijiet abbażi tal-informazzjoni li tirċievi mingħand il-Europol, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), l-UPPE u awtoritajiet nazzjonali. Dan jippermetti wkoll lill-Eurojust tipproduċi linji gwida, dokumenti ta’ politika u analiżijiet relatata ma’ każistika bħala parti mill-ħidma strateġika tagħha.

(13)

Fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-Eurojust tassisti f’investigazzjonijiet li jinvolvu biss dak l-Istat Membru iżda li għandhom riperkussjonijiet fil-livell tal-Unjoni. Eżempji ta’ tali investigazzjonijiet jinkludu każijiet fejn ikun involut membru ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni. Dawn l-investigazzjonijiet ikopru wkoll każijiet li jinvolvu għadd sinifikanti ta’ Stati Membri u li potenzjalment jistgħu jirrikjedu rispons Ewropew koordinat.

(14)

L-opinjonijiet bil-miktub tal-Eurojust mhumiex vinkolanti fuq l-Istati Membri, iżda jenħtieġ li jiġu mwieġba f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(15)

Biex jiġi żgurat li l-Eurojust tista’ tappoġġa u tikkoordina l-investigazzjonijiet transfruntieri kif xieraq, hemm bżonn li l-membri nazzjonali kollha jkollhom is-setgħat operazzjonali neċessarji fir-rigward tal-Istat Membru tagħhom u b’mod konformi mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru sabiex jikkooperaw bejniethom u mal-awtoritajiet nazzjonali b’mod aktar koerenti u effettiv. Il-membri nazzjonali jenħtieġ li jingħataw dawk is-setgħat li jippermettu lill-Eurojust tilħaq kif xieraq il-missjoni tagħha. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jinkludu l-aċċess għall-informazzjoni relevanti fir-reġistri pubbliċi nazzjonali, il-kuntatt dirett u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti u l-parteċipazzjoni f’timijiet konġunti ta’ investigazzjoni. Il-Membri nazzjonali jistgħu, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, iżommu s-setgħat li joħorġu mill-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet nazzjonali. Bi qbil mal-awtorità nazzjonali kompetenti jew f’każijiet ta’ urġenza, il-membri nazzjonali jistgħu wkoll jordnaw miżuri investigattivi u kunsinni kkontrollati, kif ukoll joħorġu u jesegwixxu talbiet għal assistenza legali reċiproka jew għal rikonoxximent reċiproku. Peress li dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mal-liġi nazzjonali, il-qrati tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kompetenti biex jirrieżaminaw dawk il-miżuri, f’konformità mar-rekwiżiti u l-proċeduri stipulati mil-liġi nazzjonali.

(16)

Hemm bżonn li l-Eurojust tkun ipprovduta bi struttura amministrattiva u maniġerjali li tippermettilha twettaq il-kompiti tagħha b’mod iktar effettiv, tikkonforma bis-sħiħ mal-prinċipji applikabbli għall-aġenziji tal-Unjoni, u tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, filwaqt li żżomm il-karatteristiċi speċjali tal-Eurojust u tissalvagwardja l-indipendenza tagħha fl-eżerċitar tal-funzjonijiet operazzjonali tagħha. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-funzjonijiet tal-membri nazzjonali, il-Kulleġġ u d-Direttur Amministrattiv jiġu ċċarati u li jitwaqqaf Bord Eżekuttiv.

(17)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet biex issir distinzjoni ċara bejn il-funzjonijiet operazzjonali u maniġerjali tal-Kulleġġ, biex b’hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-membri nazzjonali kemm jista’ jkun sabiex l-enfasi tinxteħet fuq il-ħidma operazzjonali tal-Eurojust. Il-kompiti maniġerjali tal-Kulleġġ jenħtieġ li jinkludu b’mod partikolari l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma tal-Eurojust, il-baġit, ir-rapport tal-attività annwali u l-arranġamenti tax-xogħol mas-sħab. Jenħtieġ li l-Kulleġġ jeżerċita s-setgħa ta’ awtorità tal-ħatra fir-rigward tad-Direttur Amministrattiv. Il-Kulleġġ jenħtieġ li jadotta wkoll ir-regoli ta’ proċedura tal-Eurojust. Peress li dawk ir-regoli ta’ proċedura jista’ jkollhom impatt fuq l-attivitajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kunsill jingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex japprova dawk ir-regoli.

(18)

Biex titjieb il-governanza tal-Eurojust u jitħaffu l-proċeduri, jenħtieġ li jitwaqqaf Bord Eżekuttiv biex il-Kulleġġ ikun assistit fil-funzjonijiet maniġerjali tiegħu u jkunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet b’mod simplifikat dwar kwistjonijiet strateġiċi u mhux operazzjonali.

(19)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun rappreżentata fil-Kulleġġ meta l-Kulleġġ jeżerċita l-funzjonijiet maniġerjali tiegħu. Jenħtieġ li r-rappreżentant tal-Kummissjoni fil-Kulleġġ ikun wkoll ir-rappreżentant tagħha fuq il-Bord Eżekuttiv, biex tkun żgurata s-superviżjoni mhux operazzjonali tal-Eurojust u biex din tinagħta gwida strateġika.

(20)

Biex jiżgura l-amministrazzjoni ta’ kuljum effiċjenti tal-Eurojust, id-Direttur Amministrattiv jenħtieġ li jkun ir-rappreżentant legali u l-maniġer tagħha, responsabbli quddiem il-Kulleġġ. Id-Direttur Amministrattiv jenħtieġ li jħejji u jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kulleġġ u l-Bord Eżekuttiv. Jenħtieġ li d-Direttur Eżekuttiv jinħatar abbażi tal-mertu, u tal-ħiliet dokumentati tiegħu ta’ amministrazzjoni u ġestjoni, tal-kompetenza u l-esperjenza professjonali relevanti.

(21)

Jenħtieġ li President u żewġ Viċi Presidenti tal-Eurojust jiġu eletti mill-Kulleġġ minn fost il-membri nazzjonali għal mandat ta’ erba’ snin. Meta membru nazzjonali jkun elett President, l-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ li jkun jista’ jissekonda persuna oħra li tkun kwalifikata kif xieraq għall-uffiċċju nazzjonali u japplika għal kumpens mill-baġit tal-Eurojust.

(22)

Persuni kwalifikati kif xieraq huma persuni li għandhom il-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa biex iwettqu l-kompiti rikjesti biex jiġi żgurat li l-uffiċċju nazzjonali jiffunzjona b’mod effettiv. Huma jista’ jkollhom l-istatus ta’ deputat jew Assistent tal-membru nazzjonali li ġie elett President jew jista’ jkollhom funzjoni aktar amministrattiva jew teknika. Kull Stat Membru jenħtieġ li jkun jista’ jiddeċiedi dwar il-ħtiġijiet tiegħu f’dan ir-rigward.

(23)

Jenħtieġ li l-kworum u l-proċeduri ta’ votazzjoni jkunu regolati fir-regoli ta’ proċedura tal-Eurojust. F’każijiet eċċezzjonali, fejn membru nazzjonali u d-deputat tiegħu ma jkunux preżenti, jenħtieġ li l-Assistent tal-membru nazzjonali kkonċernat ikun intitolat għal vot fil-Kulleġġ jekk l-Assistent ikollu l-istatus ta’ maġistrat, jiġifieri prosekutur, imħallef jew ta’ rappreżentant ta’ awtorità ġudizzjarja.

(24)

Peress li l-mekkaniżmu ta’ kumpens għandu impatt baġitarju, jenħtieġ li dan ir-Regolament jikkonferixxi setgħat ta’ implimentazzjoni biex jiddetermina dak il-mekkaniżmu fuq il-Kunsill.

(25)

L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni attiva fi ħdan il-Eurojust huwa neċessarju biex il-Eurojust tkun aktar effiċjenti u jippermetti li tkun disponibbli l-ħin kollu biex tintervjeni f’każijiet urġenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jiżgura li r-rappreżentanti tiegħu fil-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni attiva huma disponibbli li jaġixxu 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

(26)

Jenħtieġ li jitwaqqfu Sistemi ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Eurojust fl-Istati Membri sabiex jikkoordinaw il-ħidma mwettqa mill-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust, il-korrispondent nazzjonali għal kwistjonijiet li jikkonċernaw it-terroriżmu, kwalunkwe korrispondent nazzjonali għal kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kompetenza tal-UPPE, il-korrispondent nazzjonali għan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u sa tliet punti ta’ kuntatt oħrajn, kif ukoll rappreżentanti fin-netwerk għat-timijiet ta’ investigazzjoni konġunta u r-rappreżentanti fin-netwerks imwaqqfin mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2002/494/ĠAI (6), 2007/845/ĠAI (7) u 2008/852/ĠAI (8). L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li wieħed jew aktar minn dawk il-kompiti għandhom jitwettqu mill-istess korrispondent nazzjonali.

(27)

Għall-finijiet ta’ stimolu u tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni, huwa kruċjali li l-Eurojust tirċievi t-tagħrif mill-awtoritajiet nazzjonali li jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jinfurmaw lill-membri nazzjonali tagħhom dwar it-twaqqif u r-riżultati ta’ timijiet ta’ investigazzjoni konġunta mingħajr dewmien żejjed. Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jinfurmaw ukoll lill-membri nazzjoanli mingħajr dewmien żejjed dwar każijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Eurojust li jinvolvu b’mod dirett tal-inqas tliet Stati Membri u li għalihom ikunu ntbagħtu talbiet jew deċiżjonijiet dwar kooperazzjoni ġudizzjarja lil tal-inqas żewġ Stati Membri. F’ċerti ċirkustanzi, jenħtieġ li jinfurmaw ukoll lill-membri nazzjonali dwar kunflitti ta’ ġurisdizzjoni, kunsinni kkontrollati u diffikultajiet ripetuti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja.

(28)

Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) tistabbilixxi regoli armonizzati għall-protezzjoni u għall-moviment liberu ta’ data personali pproċessata għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tad-detezzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluża s-salvagwardja kontra theddidiet għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tagħhom. Sabiex jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi permezz ta’ drittijiet ġuridikament eżegwibbli madwar l-Unjoni u sabiex jiġu evitati diverġenzi li jxekklu l-iskambju ta’ data personali bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, jenħtieġ li r-regoli għall-protezzjoni u għall-moviment liberu ta’ data personali operazzjonali pproċessata minn mill-Eurojust ikunu konsistenti mad-Direttiva (UE) 2016/680.

(29)

Ir-regoli ġenerali tal-Kapitolu distint tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) dwar l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali jenħtieġ li japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tali regoli speċifiċi jitqiesu bħala lex specialis għad-dispożizzjonijiet f’dak il-Kapitolu tar-Regolament (UE) 2018/1725 (lex specialis derogat legi generali). Sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni legali, jenħtieġ li regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data f’dan ir-Regolament ikunu konsistenti mal-prinċipji li jirfdu dak il-Kapitolu tar-Regolament (UE) 2018/1725 kif ukoll mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament relatati mas-superviżjoni indipendenti, ir-rimedji, ir-responsabbiltà u s-sanzjonijiet.

(30)

Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data teħtieġ attribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet għall-protezzjoni tad-data skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu responsabbli għall-preċiżjoni tad-data li jkunu ttrasmettew lill-Eurojust u li tkun ġiet pproċessata mingħajr modifiki mill-Eurojust, għall-aġġornament ta’ tali data u għal-legalità tat-trasmissjoni ta’ dik id-data lill-Eurojust. Jenħtieġ li l-Eurojust tkun responsabbli għall-preċiżjoni tad-data provduta minn fornituri oħra ta’ data jew li tirriżulta mill-analiżi jew il-ġbir tad-data tal-Eurojust stess u għall-aġġornament ta’ tali data. Jenħtieġ li l-Eurojust tiżgura li d-data tiġi pproċessata b’mod ġust u legali, u tinġabar u tiġi pproċessata għal skop speċifiku. Jenħtieġ li l-Eurojust tiżgura wkoll li d-data hija adegwata, rilevanti, mhux eċċessiva meta mqabbla mal-iskop li għalih tkun qed tiġi pproċessata, maħżuna għal mhux aktar żmien milli huwa neċessarju għal dak l-iskop, u pproċessata b’mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali u l-kunfidenzjalità tal-ipproċessar tad-data.

(31)

Salvagwardji xierqa għall-ħżin ta’ data personali operazzjonali għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku jew għal finijiet ta’ statistika jenħtieġ li jiġu inklużi fir-regoli ta’ proċedura tal-Eurojust.

(32)

Jenħtieġ li suġġett tad-data jkun jista’ jeżerċita d-dritt ta’ aċċess imsemmi fir-Regolament (UE) 2018/1725 għad-data personali operazzjonali relatata miegħu li ġiet pproċessata mill-Eurojust. Is-suġġett tad-data jista’ jagħmel tali talba f’intervalli raġonevoli, mingħajr ħlas, lill-Eurojust jew lill-awtorità superviżjorja nazzjonali fl-Istat Membru tal-għażla tas-suġġett tad-data.

(33)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data ta’ dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-ammissibbiltà ta’ data personali bħala evidenza f’proċedimenti istruttorji u ġudizzjarji.

(34)

Jenħtieġ li l-ipproċessar kollu tad-data personali mill-Eurojust, fil-qafas tal-kompetenza tagħha, għat-twettiq tal-kompiti tagħha, jiġi kkunsidrat bħala pproċessar ta’ data personali operazzjonali.

(35)

Peress li l-Eurojust tipproċessa wkoll data personali amministrattiva mhux relatata ma’ investigazzjonijiet kriminali, l-ipproċessar ta’ tali data jenħtieġ li jkun suġġett għar-regoli ġenerali tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(36)

Fejn tiġi trasmessa jew fornuta data personali operazzjonali lill-Eurojust mill-Istat Membru, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti, il-membru nazzjonali jew il-korrispondent nazzjonali għall-Eurojust jenħtieġ li jkollhom id-dritt jitolbu r-rettifika jew it-tħassir ta’ dik id-data personali operazzjonali.

(37)

Sabiex tintwera l-konformità ma’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Eurojust jew il-proċessur awtorizzat iżommu rekord tal-kategoriji kollha tal-attivitajiet ta’ proċessar taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Il-Eurojust u kull proċessur awtorizzat jenħtieġ li jkunu obbligati li jikkooperaw mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-“KEPD”) u li jrendu dawk ir-rekords disponibbli għalih fuq talba, sabiex ikunu jistgħu jintużaw għas-sorveljanza ta’ dawk l-operazzjonijiet ta’ pproċessar. Il-Eurojust jew il-proċessur awtorizzat tagħha, meta jipproċessaw d-data personali f’sistemi ta’ pproċessar mhux awtomatizzati, jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ metodi effettivi li bihom tintwera l-legalità tal-ipproċessar, li jippermettu l-awtomonitoraġġ u li jiżguraw l-integrità tad-data u s-sigurtà tad-data, bħal reġistrazzjonijiet jew forom oħra ta’ rekords.

(38)

Il-Bord Eżekuttiv tal-Eurojust jenħtieġ li jinnomina Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, li jenħtieġ li jkun membru tal-persunal eżistenti. Il-persuna nominata bħala Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Eurojust jenħtieġ li tkun irċeviet taħriġ speċjalizzat fuq il-liġi u l-prattiki fil-qasam tal-protezzjoni tad-data sabiex tikseb għarfien espert f’dan il-qasam. Il-livell meħtieġ ta’ għarfien espert jenħtieġ li jkun stabbilit fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data mwettaq u l-protezzjoni meħtieġa għad-data personali pproċessata mill-Eurojust.

(39)

Il-KEPD jenħtieġ li jkun responsabbli li jissorvelja u jiżgura l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali mill-Eurojust. Il-KEPD jenħtieġ li jingħata setgħat li jippermettuh iwettaq dmiru b’mod effettiv. Il-KEDP jenħtieġ li jkollu d-dritt li jikkonsulta lill-Eurojust dwar talbiet ippreżentati, li jirreferi kwistjonijiet lill-Eurojust biex jindirizza kwistjonijiet ta’ tħassib li jirriżultaw dwar l-ipproċessar tagħha tad-data personali operazzjonali, li jagħmel proposti għat-titjib tal-protezzjoni tas-suġġetti tad-data u li jordna lill-Eurojust twettaq attivitajiet speċifiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali. Bħala riżultat ta’ dan, il-KEPD jeħtieġ li jkollu l-mezzi biex l-ordnijiet tiegħu jkunu osservati u eżegwiti. Huwa jenħtieġ għalhekk li jkollu s-setgħa li jwissi lill-Eurojust. Li jwissi tfisser li joħroġ tfakkira verbali jew bil-miktub tal-obbligu tal-Eurojust li l-ordnijiet tal-KEPD jiġu eżegwiti jew li jkun hemm konformità mal-proposti tal-KEDP u tfakkira tal-miżuri li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ kwalunkwe nuqqas tal-konformità jew rifjut mill-Eurojust.

(40)

Id-dmirijiet u s-setgħat tal-KEPD, inkluż is-setgħa li jordna lill-Eurojust twettaq ir-rettifika, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar jew it-tħassir ta’ data personali operazzjonali li ġiet ipproċessata bi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data li jinsabu f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li ma jiġux estiżi għad-data personali li tinsab fil-fajls nazzjonali tal-każijiet.

(41)

Sabiex tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni bejn il-KEPD u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali, iżda mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-KEPD jew għar-responsabbiltà tiegħu għas-superviżjoni tal-Eurojust fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, l-KEPD u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali jenħtieġ li jiltaqgħu b’mod regolari fil-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, f’konformità mar-regoli dwar is-superviżjoni koordinata stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725.

(42)

Bħala l-ewwel destinatarju fit-territorju tal-Unjoni tad-data pprovduta jew miksuba minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Eurojust jenħtieġ li tkun responsabbli għall-preċiżjoni ta’ tali data. Il-Eurojust jenħtieġ li tieħu miżuri biex tivverifika sa fejn ikun possibbli l-preċiżjoni tad-data malli tirċievi d-data jew meta trendi id-data disponibbli għal awtoritajiet oħra.

(43)

Il-Eurojust jenħtieġ li tkun suġġetta għar-regoli ġenerali dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali applikabbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

(44)

Il-Eurojust jenħtieġ li tkun tista’ tiskambja data personali relevanti u żżomm relazzjonijiet kooperattivi ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni inkwantu neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tagħha jew tagħhom.

(45)

Biex tiġi garantita l-limitazzjoni tal-iskop, huwa importanti li jiġi żgurat li d-data personali tkun tista’ tiġi ttrasferita mill-Eurojust lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali biss jekk dan ikun meħtieġ għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità li tidħol fi ħdan l-objettivi tal-Europol. Għal dan il-għan, huwa neċessarju li jiġi żgurat li, meta tiġi trasferita data personali, ir-riċevitur jintrabat li d-data tintuża mir-riċevitur jew tiġi trasferita lil awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz biss għall-iskop li għalih din kienet oriġinarjament trasferita. Aktar trasferiment tad-data jenħtieġ li jsir f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(46)

L-Istati Membri kollha huma affiljati mal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (Interpol). Sabiex twettaq il-missjoni tagħha, l-Interpol tirċievi, taħżen u tiċċirkola data personali biex tgħin lill-awtoritajiet kompetenti fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali. Għalhekk, huwa xieraq li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Interpol bil-promozzjoni ta’ skambju effiċjenti ta’ data personali filwaqt li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali. Fejn data personali operazzjonali tiġi trasferita mill-Eurojust lill-Interpol, u lill-pajjiżi li ddelegaw membri fl-Interpol, jenħtieġ li japplika dan ir-Regolament, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti internazzjonali. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/69/ĠAI (11) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (12).

(47)

Meta l-Eurojust tittrasferixxi data personali operazzjonali lil awtorità ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali permezz ta’ ftehim internazzjonali konkluż skont l-Artikolu 218 tat-TFUE, jenħtieġ li jiġu previsti salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwi sabiex jiżguraw li tinżamm konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(48)

Il-Eurojust jenħtieġ li tiżgura li trasferiment għal pajjiż terz jew għal organizzazzjoni internazzjonali jseħħ biss jekk ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, u li l-kontrollur fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali jkunu awtorità kompetenti fis-sens ta’ dan ir-Regolament. Trasferiment jenħtieġ li jsir biss permezz tal-Eurojust meta taġixxi bħala kontrollur. Tali trasferiment jista’ jsir f’każijiet fejn il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell ta’ protezzjoni adegwat, jew meta jiġu pprovduti salvagwardji adatti jew meta japplikaw derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi.

(49)

Il-Eurojust jenħtieġ li tkun tista’ tittrasferixxi data personali lill-awtorità ta’ pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali abbażi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li l-pajjiż jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data (“deċiżjoni ta’ adegwatezza”), jew, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza, ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skont l-Artikolu 218 tat-TFUE, jew ftehim ta’ kooperazzjoni li jippermetti l-iskambju ta’ data personali konkluż bejn il-Eurojust u dan il-pajjiż terz qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(50)

Fejn il-Kulleġġ jidentifika ħtieġa operazzjonali għal kooperazzjoni ma’ pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, jenħtieġ li jkun jista’ jissuġġerixxi li l-Kunsill jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-bżonn ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza jew għal rakkomandazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati dwar ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE.

(51)

It-trasferimenti li mhumiex ibbażati fuq deċiżjoni ta’ adegwatezza jenħtieġ li jkunu permessi biss fejn jiġu pprovduti salvagwardji adegwati fi strument legalment vinkolanti li jiżgura l-protezzjoni tad-data personali, jew fejn il-Eurojust tkun ivvalutat iċ-ċirkustanzi kollha dwar it-trasferiment tad-data u, abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, tikkunsidra li jeżistu salvagwardji adatti fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Tali strumenti legalment vinkolanti jistgħu, pereżempju, ikunu ftehimiet bilaterali legalment vinkolanti li jkunu ġew konklużi mill-Istati Membri u implimentati fl-ordni legali tagħhom u li jistgħu jiġu infurzati mis-suġġetti tad-data tagħhom, li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data, inkluż id-dritt li jinkiseb rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju effikaċi. Il-Eurojust jenħtieġ li tkun tista’ tieħu kont tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni konklużi bejn il-Eurojust u pajjiżi terzi li jippermettu l-iskambju ta’ data personali meta twettaq il-valutazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha rigward it-trasferiment tad-data. Il-Eurojust jenħtieġ li tkun tista’ tqis ukoll il-fatt li t-trasferiment ta’ data personali ser ikun suġġett għal obbligi ta’ kunfidenzjalità u l-prinċipju tal-ispeċifiċità, u dan jiżgura li d-data mhux ser tiġi pproċessata għal finijiet oħrajn għajr għall-finijiet tat-trasferiment. Barra minn hekk, il-Eurojust jenħtieġ li tkun tista’ tqis li d-data personali mhijiex ser tintuża biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita l-piena tal-mewt jew kwalunkwe għamla oħra ta’ trattament krudili u inuman. Filwaqt li dawk il-kundizzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala salvagwardji xierqa li jippermettu t-trasferiment ta’ data, il-Eurojust jenħtieġ li tkun tista’ titlob salvagwardji addizzjonali.

(52)

Fejn ma teżisti l-ebda deċiżjoni dwar l-adegwatezza jew salvagwardja xierqa, trasferiment jew kategorija ta’ trasferimenti jistgħu jseħħu biss f’sitwazzjonijiet speċifiċi, jekk tkun meħtieġa, għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew persuna oħra, jew is-salvagwardja tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data fejn il-liġi tal-Istat Membru li jittrasferixxi d-data personali tipprevedi dan; għall-prevenzjoni ta’ theddid immedjat u serju għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru jew pajjiż terz; f’każ individwali għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika; jew f’każ individwali għall-istabbiliment, l-eżerċitar jew id-difiża ta’ pretensjonijiet legali. Dawk id-derogi jenħtieġ li jkunu interpretati b’mod ristrett u ma jippermettux it-trasferimenti frekwenti, massivi u strutturali ta’ data personali jew trasferimenti fuq skala kbira ta’ data iżda jkunu limitati għad-data strettament meħtieġa. Trasferimenti bħal dawn jenħtieġ li jiġu dokumentati u jkunu disponibbli għall-KEPD fuq talba sabiex tiġi ssorveljata l-legalità tat-trasferiment.

(53)

F’każijiet eċċezzjonali, il-Eurojust jenħtieġ li tkun tista testendi d-dati ta’ skadenza għall-ħżin ta’ data personali operazzjonali sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha, suġġett għall-osservazzjoni tal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskop applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-attivitajiet kollha tagħha. Tali deċiżjonijiet jenħtieġ li jittieħdu wara kunsiderazzjoni bir-reqqa tal-interessi kollha kkonċernati, inklużi dawk tas-suġġetti tad-data. Kwalunkwe estensjoni tad-data ta’ skadenza għall-ipproċessar ta’ data personali f’każijiet fejn il-prosekuzzjoni tkun preskritta skont il-liġi fl-Istati Membri kollha kkonċernati jenħtieġ li tkun deċiża biss meta jkun hemm bżonn speċifiku li tingħata assistenza skont dan ir-Regolament.

(54)

Il-Eurojust jenħtieġ li żżomm relazzjonijiet privileġġati man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni u komplementarjetà. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jgħin sabiex jiġu ċċarati r-rwoli rispettivi tal-Eurojust u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u r-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, filwaqt li tinżamm l-ispeċifiċità tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

(55)

Il-Eurojust jenħtieġ li żżomm relazzjonijiet kooperattivi ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, mal-UPPE, mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, skont kemm ikun hemm bżonn biex twettaq il-kompiti tagħha.

(56)

Biex tiżdied il-kooperazzjoni operazzjonali bejn il-Eurojust u l-Europol, u b’mod partikolari sabiex jiġu stabbiliti rabtiet bejn id-data diġà fil-pussess ta’ aġenzija minnhom, il-Eurojust jenħtieġ li tħalli lill-Europol ikollu aċċess, fuq il-bażi ta’ sistema ta’ eżitu pożittiv/negattiv, għad-data miżmuma mill-Eurojust. Il-Eurojust u l-Europol jenħtieġ li jiżguraw li jiġu stabbiliti l-arranġamenti neċessarji biex jottimizzaw il-kooperazzjoni operazzjonali tagħhom, b’kont debitu tal-mandati rispettivi tagħhom u kwalunkwe restrizzjoni stabbilita mill-Istati Membri. Jenħtieġ li dawn l-arranġamenti tax-xogħol jiżguraw aċċess għal, u l-possibbiltà ta’ tiftix fi, l-informazzjoni kollha pprovduta lill-Eurojust għall-iskop ta’ verifiki trasversali f’konformità mas-salvagwardji speċifiċi u l-garanziji ta’ protezzjoni ta’ data previsti f’dan ir-Regolament. Kwalunkwe aċċess mill-Europol għal data miżmuma mill-Eurojust jenħtieġ li jkun limitat b’mezzi tekniċi għal informazzjoni li tidħol fil-mandati rispettivi ta’ dawk l-aġenziji tal-Unjoni.

(57)

Il-Eurojust u l-Europol jenħtieġ li jżommu lil xulxin infurmati bi kwalunkwe attività li tinvolvi l-finanzjament tat-timijiet ta’ investigazzjoni konġunta.

(58)

Il-Eurojust jenħtieġ li tkun tista’ tiskambja data personali mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni sa fejn ikun hemm bżonn għat-twettiq tal-kompiti tagħha, b’rispett sħiħ għall-protezzjoni tal-privatezza u drittijiet u l-libertajiet fundamentali oħra.

(59)

Il-Eurojust jenħtieġ li ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali fuq il-bażi ta’ strateġija mħejjija f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Għal dan il-għan jenħtieġ li jiġi previst li l-Eurojust tkun tista’ tippostja maġistrati ta’ kollegament f’pajjiżi terzi biex tilħaq għanijiet simili għal dawk assenjati lill-maġistrati ta’ kollegament sekondati mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 96/277/ĠAI (13).

(60)

Jenħtieġ li jkun previst li l-Eurojust tkun tista’ tikkoordina l-eżekuzzjoni tat-talbiet għal kooperazzjoni ġudizzjarja maħruġin minn pajjiż terz, fejn dawk it-talbiet jirrikjedu eżekuzzjoni f’tal-inqas żewġ Stati Membri bħala parti mill-istess investigazzjoni. Il-Eurojust jenħtieġ li tieħu r-responsabbiltà ta’ tali koordinazzjoni biss bi qbil tal-Istati Membri kkonċernati.

(61)

Biex jiġu garantiti l-awtonomija u l-indipendenza sħiħa tal-Eurojust, jenħtieġ li din tingħata baġit awtonomu li jkun suffiċjenti biex twettaq xogħolha sew, bi dħul li essenzjalment ikun ġej minn kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni, ħlief fir-rigward tas-salarji u l-emolumenti tal-membri nazzjonali, deputati u Assistenti, li jitħallsu mill-Istat Membru tagħhom. Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni għandha tapplika f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u sussidji oħrajn debitabbli fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-awditjar tal-kontijiet għandu jsir mill-Qorti tal-Awdituri u jiġi approvat mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew.

(62)

Biex tiżdied it-trasparenza u s-sorveljanza demokratika tal-Eurojust, jenħtieġ li jiġi pprovdut mekkaniżmu skont l-Artikolu 85(1) tat-TFUE għall-evalwazzjoni konġunta tal-attivitajiet tal-Eurojust mill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali. L-evalwazzjoni jenħtieġ li sseħħ fil-qafas ta’ laqgħa tal-kumitat interparlamentari fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Brussell, bil-parteċipazzjoni tal-membri tal-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali. Il-laqgħa tal-kumitat interparlamentari jenħtieġ li tosserva bis-sħiħ l-indipendenza tal-Eurojust fir-rigward ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu f’każijiet operazzjonali speċifiċi u fir-rigward tal-obbligu ta’ diskrezzjoni u kunfidenzjalità.

(63)

Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi evalwata b’mod regolari.

(64)

Il-funzjonament tal-Eurojust jenħtieġ li jkun trasparenti f’konformità mal-Artikolu 15(3) tat-TFUE. Jenħtieġ li l-Kulleġġ jadotta dispożizzjonijiet speċifiċi dwar kif jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti. M’hemm xejn f’dan ir-Regolament li huwa maħsub biex jirrestrinġi d-dritt tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti sa fejn huwa garantit fl-Unjoni u fl-Istati Membri, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). Ir-regoli ġenerali dwar it-trasparenza li japplikaw għall-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-Eurojust b’mod li ma jippreġudikax bl-ebda mod l-obbligu ta’ kunfidenzjalità fil-ħidma operazzjonali tagħha. Inkjesti amministrattivi mwettqa mill-Ombudsman Ewropew jenħtieġ li jirrispettaw l-obbligu ta’ kunfidenzjalità tal-Eurojust.

(65)

Sabiex tiżdied it-trasparenza tal-Eurojust vis-à-vis iċ-ċittadini tal-Unjoni u r-responsabbiltà tagħha, il-Eurojust jenħtieġ li tippubblika lista tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tagħha fuq is-sit web tagħha u, fejn xieraq, sommarji tal-eżitu tal-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, filwaqt li tirrispetta r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.

(66)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jenħtieġ li japplika għall-Eurojust.

(67)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jenħtieġ li japplika għall-Eurojust.

(68)

Id-dispożizzjonijiet neċessarji rigward l-akkomodazzjoni għall-Eurojust fl-Istat Membru li fih għandha l-kwartieri ġenerali tagħha, jiġifieri n-Netherlands, u r-regoli speċifiċi applikabbli għall-persunal kollu tal-Eurojust u l-membri tal-familji tagħhom jenħtieġ li jiġu stabbiliti fi ftehim dwar il-kwartieri ġenerali. L-Istat Membru ospitanti jenħtieġ li jipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli biex jiżgura l-funzjonament tal-Eurojust, inklużi skejjel multilingwi, b’orjentazzjoni Ewropea u kollegamenti xierqa tat-trasport, sabiex jiġu attirati riżorsi umani ta’ kwalità għolja minn żona ġeografika wiesgħa kemm jista’ jkun.

(69)

Jenħtieġ li l-Eurojust kif stabbilita minn dan ir-Regolament tkun is-suċċessur legali tal-Eurojust kif stabbilita mid-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI fir-rigward tal-obbligi kuntrattwali kollha tagħha, inklużi l-kuntratti tal-impjieg, l-obbligazzjonijiet u l-proprjetajiet akkwistati. Jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Eurojust kif stabbilita minn dik id-Deċiżjoni.

(70)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-twaqqif ta’ entità responsabbli għall-appoġġ u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fir-rigward tal-kriminalità serja li taffettwa żewġ Stati Membri jew iktar jew li teħtieġ prosekuzzjoni fuq bażijiet komuni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(71)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhumiex marbutin bih jew suġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.

(72)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(73)

Il-KEPD ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u ta opinjoni fil-5 ta’ Marzu 2014.

(74)

Dan ir-Regolament jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet u s-salvagwardji fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

STABBILIMENT, GĦANIJIET U KOMPITI TAL-EUROJUST

Artikolu 1

L-istabbiliment tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali

1.   L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) hija b’dan stabbilita.

2.   Il-Eurojust kif stabbilita minn dan ir-Regolament għandha tissostitwixxi u tissuċċedi lill-Eurojust kif stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI.

3.   Il-Eurojust għandu jkollha personalità ġuridika.

Artikolu 2

Kompiti

1.   Il-Eurojust għandha tappoġġa u ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni fir-rigward tal-kriminalità serja li l-Eurojust hija kompetenti biex tittratta skont l-Artikolu 3(1) u (3), fejn dik il-kriminalità tkun taffettwa żewġ Stati Membri jew iktar, jew tkun teħtieġ prosekuzzjoni fuq bażijiet komuni, fuq il-bażi ta’ operazzjonijiet imwettqa u tagħrif ipprovdut mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, mill-Europol, mill-UPPE u mill-OLAF.

2.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, il-Eurojust għandha:

(a)

tieħu f’kunsiderazzjoni kwalunkwe talba li tiġi minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, kwalunkwe informazzjoni pprovduta minn awtoritajiet, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti tal-Unjoni permezz ta’ dispożizzjonijiet adottati fi ħdan il-qafas tat-Trattati u kwalunkwe informazzjoni miġbura mill-Eurojust stess;

(b)

tiffaċilita l-eżekuzzjoni ta’ talbiet għal kooperazzjoni ġudizzjarja u deċiżjonijiet dwarha, inklużi talbiet u deċiżjonijiet ibbażati fuq strumenti li jagħtu effett lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

3.   Il-Eurojust għandha twettaq il-kompiti tagħha fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-UPPE fil-limiti tal-kompetenza tal-UPPE.

Artikolu 3

Kompetenza tal-Eurojust

1.   Il-Eurojust għandha tkun kompetenti fir-rigward tal-forom ta’ kriminalità serja elenkati fl-Anness I. Madankollu, mid-data li fiha l-UPPE jassumi l-kompiti tiegħu ta’ investigazzjoni u azzjoni kriminali f’konformità mal-Artikolu 120(2) tar-Regolament 2017/1939, il-Eurojust ma għandhiex teżerċita l-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ kriminalità li fir-rigward tagħha jeżerċita l-kompetenza tiegħu l-UPPE, ħlief f’dawk il-każijiet li fihom l-Istati Membri li ma jipparteċipawx f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE jkunu ukoll involuti u fuq it-talba ta’ dawk l-Istati Membri jew fuq it-talba tal-UPPE.

2.   Il-Eurojust għandha teżerċita l-kompetenza tagħha għal kriminalità li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f’każijiet li jinvolvu l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE iżda li għalihom l-UPPE mhuwiex kompetenti jew iddeċieda li ma jeżerċitax il-kompetenza tiegħu.

Il-Eurojust, l-UPPE u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-komeptenza tal-Eurojust skont dan il-paragrafu. Id-dettalji prattiċi dwar l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha skont dan il-paragrafu għandhom jiġu regolati minn arranġament tax-xogħol kif imsemmi fl-Artikolu 47(3).

3.   Fir-rigward ta’ forom ta’ kriminalità minbarra dawk elenkati fl-Anness I, il-Eurojust tista’ wkoll, skont il-kompiti tagħha, tassisti fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet meta mitluba minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru.

4.   Il-kompetenza tal-Eurojust għandha tkopri reati kriminali relatati mar-reati kriminali elenkati fl-Anness I. Il-kategoriji ta’ reati li ġejjin għandhom jitqiesu bħala reati kriminali relatati:

(a)

reati kriminali mwettqa biex jinkisbu l-mezzi sabiex jitwettqu r-reati kriminali serji elenkati fl-Anness I;

(b)

reati kriminali mwettqa biex jiġu ffaċilitati jew jitwettqu r-reati kriminali serji elenkati fl-Anness I;

(c)

reati kriminali mwettqa biex tiġi żgurata l-impunità ta’ dawk li jwettqu r-reati kriminali serji elenkati fl-Anness I.

5.   Fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, il-Eurojust tista’ tassisti wkoll f’investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li jaffettwaw biss dak l-Istat Membru u pajjiż terz, sakemm ikun ġie konkluż ftehim ta’ kooperazzjoni jew arranġament li jistabbilixxi kooperazzjoni skont l-Artikolu 52 ma’ dak il-pajjiż terz jew sakemm f’każ speċifiku jkun hemm interess essenzjali fl-għoti tat-tali assistenza.

6.   Fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni, il-Eurojust tista’ tassisti f’investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li jaffettwaw biss dak l-Istat Membru iżda li għandhom riperkussjonijiet fil-livell tal-Unjoni. Qabel ma taġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, il-Eurojust għandha tikkonsulta mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Dik l-awtorità kompetenti tista’, fl-iskadenza stabbilita mill-Eurojust, topponi l-esekuzzjoni tat-talba mill-Eurojust, fejn għandha tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha f’kull każ.

Artikolu 4

Funzjonijiet operazzjonali tal-Eurojust

1.   Il-Eurojust għandha:

(a)

tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet li ġiet mgħarrfa dwarhom li għandhom konsegwenzi fil-livell tal-Unjoni jew li jistgħu jaffettwaw lil Stati Membri oħra minbarra dawk direttament ikkonċernati;

(b)

tassisti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-iżgurar tal-aħjar koordinazzjoni possibbli tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet;

(c)

tassisti biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-analiżijiet tal-Europol;

(d)

tikkoopera u tikkonsulta man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet kriminali, inkluż billi tagħmel użu mid-database tad-dokumenti u tikkontribwixxi għat-titjib tal-istess database tad-dokumenti tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew;

(e)

tikkoopera mill-qrib mal-UPPE dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kompetenza tagħha;

(f)

tagħti appoġġ operazzjonali, tekniku u finanzjarju għall-operazzjonijiet u l-investigazzjonijiet transfruntieri tal-Istati Membri, inklużi għat-timijiet ta’ investigazzjoni konġunta.

(g)

tappoġġa ċ-ċentri tal-Unjoni ta’ għarfien espert speċjalizzat żviluppati mill-Europol u minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħrajn tal-Unjoni, u fejn ikun xieraq tipparteċipa fihom;

(h)

tikkoopera ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll ma’ netwerks stabbiliti fil-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja regolati taħt it-Titolu V tat-TFUE;

(i)

tappoġġa l-azzjoni tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra forom ta’ kriminalità serja elenkati fl-Anness I.

2.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, il-Eurojust tista’, filwaqt li tagħti r-raġunijiet tagħha, titlob li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati:

(a)

jinvestigaw jew jieħdu passi kontra atti speċifiċi;

(b)

jaċċettaw li waħda minnhom tista’ tkun f’pożizzjoni aħjar biex twettaq investigazzjoni jew tieħu passi kontra atti speċifiċi;

(c)

jikkoordinaw bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati;

(d)

jistabbilixxu tim ta’ investigazzjoni konġunta skont l-istrumenti ta’ kooperazzjoni relevanti;

(e)

jipprovduha bi kwalunkwe tagħrif li għandha bżonn biex twettaq il-kompiti tagħha;

(f)

jieħdu miżuri investigattivi speċjali;

(g)

jieħdu kwalunkwe miżura oħra ġġustifikata għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni.

3.   Il-Eurojust tista’ anki:

(a)

tipprovdi lill-Europol b’opinjonijiet ibbażati fuq analiżijiet imwettqin mill-Europol;

(b)

tipprovdi appoġġ loġistiku, inkluża traduzzjoni, interpretazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ koordinazzjoni.

4.   Fejn żewġ Stati Membri jew iktar ma jkunux jistgħu jaqblu dwar liema minnhom għandhom jagħmlu investigazzjoni jew jieħdu passi wara talba li tkun saret taħt il-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 2, il-Eurojust għandha toħroġ opinjoni bil-miktub dwar il-każ. Il-Eurojust għandha tibagħat l-opinjoni lill-Istati Membri kkonċernati immedjatament.

5.   Fuq talba ta’ awtorità kompetenti jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-Eurojust għandha toħroġ opinjoni bil-miktub dwar rifjuti rikorrenti jew diffikultajiet dwar l-eżekuzzjoni ta’ talbiet għal, u deċiżjonijiet dwar, kooperazzjoni ġudizzjarja, inklużi talbiet u deċiżjonijiet ibbażati fuq l-istrumenti li jħaddmu l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, dment li ma jkunx possibbli li tali każijiet jiġu solvuti permezz ta’ ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew bl-involviment tal-membri nazzjonali kkonċernati. Il-Eurojust għandha tibagħat l-opinjoni lill-Istati Membri kkonċernati immedjatament.

6.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrispondu għat-talbiet mill-Eurojust fil-paragrafu 2 u għall-opinjonijiet bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 4 jew 5 mingħajr dewmien żejjed. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jikkonformaw ma’ tali talbiet jew li jsegwu opinjoni bil-miktub fil-każ li jekk jikkonformaw, dan il-fatt jista’ jkun ta’ ħsara għall-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, jipperikola s-suċċess ta’ investigazzjoni li tkun għaddejja jew jipperikola s-sigurtà ta’ individwu.

Artikolu 5

L-eżerċitar ta’ funzjonijiet operazzjonali u oħrajn

1.   Il-Eurojust għandha taġixxi permezz ta’ wieħed jew iktar fost il-membri nazzjonali kkonċernati meta tieħu kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) jew (2). Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kulleġġ għandu jiffoka fuq kwistjonijiet operazzjonali u kwalunkwe kwistjoni oħra li hija direttament marbuta ma’ kwistjonijiet operazzjonali. Il-Kulleġġ għandu jkun involut biss f’materji amministrattivi sal-punt meħtieġ biex ikun żgurat li l-funzjonijiet operazzjonali tiegħu jitwettqu.

2.   Il-Eurojust għandha taġixxi bħala Kulleġġ:

(a)

meta tieħu kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) jew (2):

(i)

fuq talba ta’ wieħed jew iktar minn fost il-membri nazzjonali kkonċernati b’każ indirizzat mill-Eurojust;

(ii)

meta l-każ ikun jinvolvi investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet li għandhom konsegwenzi fil-livell tal-Unjoni jew li jistgħu jaffettwaw Stati Membri oħrajn minbarra dawk direttament ikkonċernati;

(b)

meta tieħu kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3), (4) jew (5);

(c)

fejn tkun involuta kwistjoni ġenerali dwar l-ilħuq tal-għanijiet operazzjonali tagħha;

(d)

meta tadotta l-baġit annwali tal-Eurojust, f’liema każ id-deċiżjoni għandha tittieħed b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tagħha;

(e)

meta tadotta d-dokument ta’ programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 15 jew ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Eurojust, f’liema każ id-deċiżjoni għandha tittieħed b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tagħha;

(f)

meta teleġġi jew tkeċċi l-President u l-Viċi Presidenti skont l-Artikolu 11;

(g)

meta taħtar id-Direttur Amministrattiv jew, fejn relevanti, testendi l-mandat tiegħu jew tkeċċih skont l-Artikolu 17;

(h)

meta tadotta arranġamenti ta’ ħidma skont l-Artikoli 47(3) u 52;

(i)

meta tadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tagħha, inkluż b’rabta mad-dikjarazzjoni tal-interessi tagħhom;

(j)

meta tadotta rapporti strateġiċi, dokumenti ta’ politika, linji gwida għall-benefiċċju tal-awtoritajiet nazzjonali u opinjonijiet li jikkonċernaw il-ħidma operazzjonali tal-Eurojust, kull meta dawk id-dokumenti jkunu ta’ natura strateġika.

(k)

meta taħtar maġistrati ta’ kollegament fis-sens tal-Artikolu 53;

(l)

meta tieħu kwalunkwe deċiżjoni mhux attribwita espressament lill-Bord Eżekuttiv minn dan ir-Regolament jew li ma tkunx taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur Amministrattiv f’konformità mal-Artikolu 18;

(m)

meta jkun stipulat b’xi mod ieħor f’dan ir-Regolament.

3.   Meta twettaq il-kompiti tagħha, il-Eurojust għandha tindika jekk hijiex qed taġixxi permezz ta’ wieħed jew iktar minn fost il-membri nazzjonali tagħha jew inkella bħala Kulleġġ.

4.   Il-Kulleġġ jista’ jassenja kompiti amministrattivi addizzjonali lid-Direttur Amministrattiv u lill-Bord Eżekuttiv barra dawk previsti fl-Artikoli 16 u 18, skont il-ħtiġijiet operazzjonali tiegħu.

Fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jkunu jeħtieġu dan, il-Kulleġġ jista’ jiddeċiedi li jissospendi b’mod temporanju d-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Amministrattiv u ta’ dawk is-setgħat li kienu ġew sottodelegati minn dan tal-aħħar, u li jeżerċitahom hu stess jew li jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal li mhuwiex id-Direttur Amministrattiv.

5.   Il-Kulleġġ għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Eurojust fuq il-bażi ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu. F’każ li ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, id-deċiżjoni għandha tittieħed b’maġġoranza sempliċi. Ir-regoli ta’ proċedura tal-Eurojust għandhom jiġu approvati mill-Kunsill permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

KAPITOLU II

STRUTTURA U ORGANIZZAZZJONI TAL-EUROJUST

TAQSIMA I

Struttura

Artikolu 6

Struttura tal-Eurojust

Il-Eurojust għandha tinkonsisti minn:

(a)

il-membri nazzjonali;

(b)

il-Kulleġġ;

(c)

il-Bord Eżekuttiv;

(d)

id-Direttur Amministrattiv.

TAQSIMA II

Membri Nazzjonali

Artikolu 7

Status tal-membri nazzjonali

1.   Il-Eurojust għandu jkollha membru nazzjonali wieħed sekondat minn kull Stat Membru skont is-sistema legali tiegħu. Dak il-membru nazzjonali għandu jkollu l-post tax-xogħol regolari tiegħu fis-sede tal-Eurojust.

2.   Kull membru nazzjonali għandu jkun assistit minn deputat wieħed u minn Assistent wieħed. Bħala prinċipju, id-deputat u l-Assistent għandhom ikollhom il-post regolari tax-xogħol tagħhom fis-sede tal-Eurojust. Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li d-deputat jew l-Assistent, jew it-tnejn li huma, ikollhom il-post regolari tax-xogħol tagħhom fl-Istat Membru tagħhom. Jekk Stat Membru jieħu tali deċiżjoni, huwa għandu jinnotifika lill-Kulleġġ. Jekk il-ħtiġijiet operazzjonali tal-Eurojust jirrikjedu dan, il-Kulleġġ jista’ jitlob lill-Istat Membru biex jassenja lid-deputat jew lill-Assistent, jew it-tnejn li huma, biex jaħdmu fis-sede tal-Eurojust għal perijodu speċifiku. L-Istat Membru għandu jikkonforma ma’ tali talba mill-Kulleġġ mingħajr dewmien bla bżonn.

3.   Iktar deputati jew Assistenti jistgħu jassistu lill-membru nazzjonali u, jekk ikun hemm bżonn u bil-qbil tal-Kulleġġ, jista’ jkollhom il-post regolari tax-xogħol tagħhom fil-Eurojust. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Eurojust u lill-Kummissjoni bil-ħatra tal-membri, id-deputati u l-Assistenti nazzjonali.

4.   Il-membri nazzjonali u d-deputati għandu jkollhom l-istatus ta’ prosekutur, imħallef jew rappreżentant ta’ awtorità ġudizzjarja b’kompetenzi ekwivalenti għal dawk ta’ prosekutur jew imħallef taħt il-liġi nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jagħtuhom tal-anqas is-setgħat imsemmija f’dan ir-Regolament biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom.

5.   It-termini tal-mandat tal-membri nazzjonali u d-deputati tagħhom għandu jkun ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded darba. F’każijiet fejn deputat ma jistax jaġixxi f’isem ta’ membru nazzjonali jew ma jistax jissostitwixxi l-membru nazzjonali, il-membru nazzjonali għandu jibqa’ fil-kariga mal-iskadenza tal-mandat tiegħu sat-tiġdid tat-terminu tiegħu jew sas-sostituzzjoni tiegħu, suġġett għall-kunsens tal-Istat Membru tagħhom.

6.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-membri nazzjonali u d-deputati fuq il-bażi ta’ prova ta’ esperjenza prattika relevanti ta’ livell għoli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali.

7.   Id-deputat għandu jkun jista’ jaġixxi f’isem il-membru nazzjonali jew jissostitwih. Anki Assistent jista’ jaġixxi f’isem il-membru nazzjonali jew jissostitwih jekk ikollu status imsemmi fil-paragrafu 4.

8.   L-iskambju ta’ tagħrif operazzjonali bejn il-Eurojust u l-Istati Membri għandu jseħħ permezz tal-membri nazzjonali.

9.   Is-salarji u l-emolumenti tal-membri nazzjonali, tad-deputati u tal-Assistenti għandhom jiġġarrbu mill-Istat Membru tagħhom mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12.

10.   Fejn il-membri nazzjonali, id-deputati u l-Assistenti jaġixxu fi ħdan il-qafas tal-kompiti tal-Eurojust, in-nefqa relevanti relatata ma’ dawk l-attivitajiet għandha titqies bħala nefqa operazzjonali.

Artikolu 8

Setgħat tal-membri nazzjonali

1.   Il-membri nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li:

(a)

jiffaċilitaw jew jappoġġaw b’xi mod ieħor il-ħruġ jew l-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe talba ta’ assistenza legali reċiproka jew rikonoxximent reċiproku;

(b)

jikkuntattjaw direttament u jiskambjaw tagħrif ma’ kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru jew kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija kompetenti oħra, inkluż l-UPPE;

(c)

jikkuntattjaw direttament u jiskambjaw tagħrif ma’ kwalunkwe awtorità internazzjonali kompetenti, f’konformità mal-impenji internazzjonali tal-Istat Membru tagħhom;

(d)

jieħdu sehem f’timijiet ta’ investigazzjoni konġunta inkluż fl-istabbiliment tagħhom.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħtu setgħat addizzjonali lill-membri nazzjonali f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom. Dawk l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Kulleġġ b’dawn is-setgħat.

3.   Bi qbil mal-awtorità nazzjonali kompetenti, il-membri nazzjonali jistgħu, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom:

(a)

joħorġu jew jesegwixxu kwalunkwe talba għal assistenza legali reċiproka jew rikonoxximent reċiproku;

(b)

jordnaw, jitolbu jew jeżegwixxu miżuri investigattivi, kif previst fid-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17);

4.   F’każijiet urġenti fejn ma jkunx possibbli li tiġi identifikata jew ikkuntattjata l-awtorità nazzjonali kompetenti f’ħin xieraq, membri nazzjonali għandhom ikunu kompetenti biex jieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, dment li huma jinfurmaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti malajr kemm jista’ jkun.

5.   Il-membru nazzjonali jista’ jippreżenta proposta lill-awtorità nazzjonali kompetenti biex twettaq il-miżuri msemmija fil-paragrafi 3 u 4 fejn l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 minn dak il-membru nazzjonali jmur kontra:

(a)

ir-regoli kostituzzjonali ta’ Stat Membru; jew

(b)

aspetti fundamentali tas-sistema nazzjonali tal-ġustizzja kriminali ta’ dak l-Istat Membru fir-rigward ta’:

(i)

it-tqassim tas-setgħat bejn il-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin;

(ii)

it-tqassim funzjonali tal-kompiti bejn l-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni; jew

(iii)

l-istruttura federali tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 5, il-proposta ppreżentata mill-membru nazzjonali tagħhom tkun ittrattata mingħajr dewmien żejjed mill-awtorità kompetenti nazzjonali.

Artikolu 9

Aċċess għar-reġistri nazzjonali

F’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, il-membri nazzjonali għandu jkollhom aċċess għal dawn it-tipi ta’ reġistri li ġejjin tal-Istat Membru tagħhom, jew tal-inqas għandhom ikunu jistgħu jiksbu t-tagħrif meħtieġ li jinsab fihom:

(a)

kondotti;

(b)

reġistri ta’ persuni arrestati;

(c)

reġistri tal-investigazzjonijiet;

(d)

reġistri tad-DNA;

(e)

reġistri oħrajn tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru tagħhom meta jkollhom bżonn tali tagħrif biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

TAQSIMA III

Il-Kulleġġ

Artikolu 10

Kompożizzjoni tal-Kulleġġ

1.   Il-Kulleġġ għandu jkun kompost:

(a)

mill-membri nazzjonali kollha; u

(b)

minn rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni meta l-Kulleġġ jeżerċita l-funzjonijiet maniġerjali tiegħu.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni maħtur skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jkun l-istess persuna bħala r-rappreżentant tal-Kummissjoni fil-Bord Eżekuttiv taħt l-Artikolu 16(4).

2.   Id-Direttur Amministrattiv għandu jattendi l-laqgħat maniġerjali tal-Kulleġġ, bla dritt ta’ vot.

3.   Il-Kulleġġ jista’ jistieden lil kwalunkwe persuna li l-opinjoni tagħha tista’ tkun ta’ interess sabiex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur.

4.   Il-membri tal-Kulleġġ jistgħu, suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-regoli tal-proċedura tal-Eurojust, ikunu assistiti minn konsulenti u esperti.

Artikolu 11

President u Viċi President tal-Eurojust

1.   Il-Kulleġġ għandu jtella’ President u żewġ Viċi Presidenti minn fost il-membri nazzjonali permezz ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu. F’każ li ma tistax tintlaħaq maġġoranza ta’ żewġ terzi wara t-tieni rawnd tal-elezzjoni, il-Viċi Presidenti għandhom jiġu eletti b’maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kulleġġ, filwaqt li maġġoranza ta’ żewġ terzi għandha tibqa’ tenħtieġ għall-elezzjoni tal-President.

2.   Il-President għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’isem il-Kulleġġ. Il-President għandu:

(a)

jirrappreżenta lill-Eurojust;

(b)

isejjaħ u jippresjedi l-laqgħat tal-Kulleġġ u l-Bord Eżekuttiv u jżomm lill-Kulleġġ infurmat dwar kwalunkwe kwistjoni li hija ta’ interess għalih;

(c)

jidderieġi l-ħidma tal-Kulleġġ u jimmonitorja l-ġestjoni ta’ kuljum tal-Eurojust mid-Direttur Amministrattiv;

(d)

jeżerċita kwalunkwe funzjoni oħra stabbilita fir-regoli ta’ proċedura tal-Eurojust.

3.   Il-Viċi Presidenti għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 li l-President jafdalhom. Huma għandhom jieħdu post il-President jekk ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu. Il-President u l-Viċi Presidenti għandhom jiġu assistiti fit-twettiq tad-dmirijiet speċifiċi tagħhom mill-persunal amministrattiv tal-Eurojust.

4.   Il-mandat tal-President u l-Viċi Presidenti għandu jkun ta’ erba’ snin. Jistgħu jerġgħu jittellgħu darba.

5.   Meta membru nazzjonali jkun elett President jew Viċi President tal-Eurojust, il-mandat tiegħu għandu jiġi estiż biex jiġi żgurat li jkun jista’ jwettaq il-funzjoni tiegħu bħala President jew Viċi President.

6.   Jekk il-President jew il-Viċi-President ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu, hu jista’ jitneħħa mill-kariga mill-Kulleġġ li jaġixxi fuq proposta ta’ terz mill-membri tiegħu. Din id-deċiżjoni għandha tiġi adottata abbażi ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Kulleġġ, bl-esklużjoni tal-President jew il-Viċi President ikkonċernat.

7.   Meta membru nazzjonali jiġi elett President tal-Eurojust, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jissekonda persuna oħra kwalifikata kif xieraq biex tirrinforza l-uffiċċju nazzjonali għad-durata tal-mandat, bħala President, tal-membru nazzjonali tal-ewwel.

Stat Membru li jiddeċiedi li jissekonda tali persuna jista’ jiġi intitolat għall-kumpens f’konformità mal-Artikolu 12.

Artikolu 12

Mekkaniżmu ta’ kumpens għall-elezzjoni għall-pożizzjoni ta’ President

1.   Sat-12 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni u permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, jiddetermina mekkaniżmu ta’ kumpens, għall-fini tal-Artikolu 11(7), li għandu jkun disponibbli għall-Istati Membri li l-membru nazzjonali tagħhom jkun ġie elett President.

2.   Il-kumpens għandu jkun disponibbli għal kwalunkwe Stat Membru jekk:

(a)

il-membru nazzjonali tiegħu jkun ġie elett bħala President; u

(b)

huwa jitlob kumpens mill-Kulleġġ u jipprovdi ġustifikazzjoni għall-ħtieġa li jirrinfurzaw l-uffiċċju nazzjonali tiegħu minħabba żieda fl-ammont ta’ xogħol.

3.   Il-kumpens mogħti għandu jkun ekwivalenti għal 50 % tas-salarju nazzjonali tal-persuna sekondata. Il-kumpens għall-ispejjeż għall-għajxien u spejjeż oħra assoċjati għandhom jiġu pprovduti fuq bażi komparabbli għal dak ipprovdut lill-uffiċjali tal-Unjoni jew uffiċjali oħrajn sekondati barra pajjiżhom.

4.   L-ispejjeż tal-mekkaniżmu ta’ kumpens għandhom jitħallsu mill-Eurojust.

Artikolu 13

Laqgħat tal-Kulleġġ

1.   Il-President għandu jorganizza l-laqgħat tal-Kulleġġ.

2.   Il-Kulleġġ għandu jorganizza tal-inqas laqgħa waħda fix-xahar. Barra minn hekk, għandu jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tal-President, fuq it-talba tal-Kummissjoni biex jiddiskuti l-kompiti amministrattivi tal-Kulleġġ, jew fuq it-talba ta’ mill-inqas terz tal-membri tiegħu.

3.   Il-Eurojust għandha tibgħat lill-UPPE l-aġenda tal-laqgħat tal-Kulleġġ kull meta jkunu mitħaddta kwistjonijiet li jkunu ta’ relevanza għall-qadi tad-dmirijiet tal-UPPE. Il-Eurojust għandha tistieden lill-UPPE biex jieħu sehem fit-tali laqgħat, bla dritt ta’ vot.

Meta l-UPPE tiġi mistiedna għal laqgħa tal-Kulleġġ, il-Eurojust għandha tipprovdilu d-dokumenti relevanti li fuqhom tkun ibbażata l-aġenda.

Artikolu 14

Regoli dwar il-voti tal-Kulleġġ

1.   Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, u meta ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens, il-Kulleġġ għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ maġġoranza tal-membri tiegħu.

2.   Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Fin-nuqqas ta’ membru li jivvota, id-deputat għandu jkun intitolat li jeżerċita d-dritt tal-vot suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(7). Fin-nuqqas ta’ deputat, l-Assistent għandu jkun ukoll intitolat li jeżerċita d-dritt tal-vot suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(7).

Artikolu 15

Programmazzjoni annwali u pluriennali

1.   Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Kulleġġ għandu jadotta dokument ta’ programmazzjoni li fih programmazzjoni annwali u pluriennali, ibbażat fuq abbozz ippreparat mid-Direttur Amministrattiv, li jieħu f’kunsiderazzjoni l-opinjoni tal-Kummissjoni. Il-Kulleġġ għandu jgħaddi d-dokument ta’ programmazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-UPPE. Id-dokument ta’ programmazzjoni għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u dan għandu jiġi aġġustat kif xieraq, jekk ikun hemm bżonn.

2.   Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinvolvi għanijiet dettaljati u riżultati mistennija inklużi indikaturi tal-prestazzjoni. Għandu jkun fih ukoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, f’konformità mal-prinċipji ta’ bbaġitjar u mmaniġġjar ibbażati fuq l-attività. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun koerenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali msemmija fil-paragrafu 4. Għandu jindika biċ-ċar liema kompiti żdiedu, inbidlu jew tħassru meta mqabblin mas-sena finanzjarja ta’ qabel.

3.   Il-Kulleġġ għandu jemenda l-programm ta’ ħidma annwali adottat meta jingħata kompitu ġdid lill-Eurojust. Kwalunkwe emenda sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali għandha tiġi adottata bl-istess proċedura bħall-programm ta’ ħidma annwali inizjali. Il-Kulleġġ jista’ jiddelega lid-Direttur Amministrattiv is-setgħa li jagħmel emendi mhux sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali.

4.   Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jistabbilixxi programmazzjoni strateġika ġenerali inklużi għanijiet, l-istrateġija għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 52, riżultati mistennija u indikaturi tal-prestazzjoni. Għandu jistabbilixxi anki l-programmazzjoni tar-riżorsi inklużi l-baġit pluriennali u l-persunal. Il-programmazzjoni tar-riżorsi għandha tiġi aġġornata kull sena. Il-programmazzjoni strateġika għandha tiġi aġġornata meta jkun hemm bżonn, u b’mod partikolari biex tindirizza l-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 69.

TAQSIMA IV

Il-Bord Eżekuttiv

Artikolu 16

Funzjonament tal-Bord Eżekuttiv

1.   Il-Kulleġġ għandu jkun assistit minn Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet amministrattivi biex jiżgura l-funzjonament operazzjonali tal-Eurojust. Huwa għandu jissorvelja l-ħidma preparatorja meħtieġa tad-Direttur Amministrattiv dwar kwistjonijiet amministrattivi oħra għall-adozzjoni mill-Kulleġġ. Ma għandux ikun involut fil-funzjonijiet operazzjonali tal-Eurojust imsemmija fl-Artikoli 4 u 5.

2.   Il-Bord Eżekuttiv jista’ jikkonsulta lill-Kulleġġ meta jwettaq il-kompiti tiegħu.

3.   Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv għandu:

(a)

jirrieżamina d-dokument ta’ programmazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 15, tal-Eurojust abbażi tal-abbozz imħejji mid-Direttur Amministrattiv u jgħaddihom lill-Kulleġġ għall-adozzjoni;

(b)

jadotta strateġija kontra l-frodi għall-Eurojust, proporzjonata għar-riskji ta’ frodi, b’kont meħud tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati u fuq il-bażi ta’ abbozz ippreparat mid-Direttur Amministrattiv;

(c)

jadotta regoli ta’ implimentazzjoni xierqa li jwasslu għar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-“Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali”) u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (“Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti Oħra”), stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (18) f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali;

(d)

jiżgura segwitu adegwat għall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet derivanti mir-rapporti interni jew esterni tal-awditjar, l-evalwazzjonijiet u l-investigazzjonijiet, inklużi dawk tal-KEPD u l-OLAF;

(e)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-istabbiliment u, fejn ikun hemm bżonn, il-modifika tal-istrutturi amministrattivi interni tal-Eurojust;

(f)

mingħajr preġudizzju għar-responsabilitajiet tad-Direttur Amministrattiv stipulati fl-Artikolu 18, jassistih u jagħtih pariri dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kulleġġ, bil-għan li tissaħħaħ is-superviżjoni tal-ġestjoni amministrattiva u baġitarja;

(g)

iwettaq kwalunkwe kompitu amministrattiv addizzjonali assenjat lilu mill-Kulleġġ fis-sens tal-Artikolu 5(4);

(h)

jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Eurojust f’konformità mal-Artikolu 64;

(i)

jadotta, f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u fuq l-Artikolu 6 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti Oħra li tiddelega s-setgħat relevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Amministrattiv u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi sospiża din id-delega tas-setgħat; id-Direttur Amministrattiv għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat;

(j)

jirrieżamina l-abbozz tal-baġit annwali tal-Eurojust għall-adozzjoni mill-Kulleġġ;

(k)

jirrieżamina l-abbozz tarrapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Eurojust u jgħaddih lill-Kulleġġ għall-adozzjoni.

(l)

jaħtar uffiċjal tal-kontabilità u Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data li huma funzjonalment indipendenti fil-qadi ta’ dmirijiethom.

4.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun kompost mill-President u l-Viċi Presidenti tal-Eurojust, rappreżentant tal-Kummissjoni u żewġ membri oħra tal-Kulleġġ nominati fuq sistema ta’ rotazzjoni ta’ sentejn f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-Eurojust. Id-Direttur Amministrattiv għandu jattendi l-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv mingħajr id-dritt ta’ vot.

5.   Il-President tal-Eurojust għandu jkun il-president tal-Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza tal-membri tiegħu. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Jekk il-voti jirriżultaw indaqs, il-President tal-Eurojust għandu jkollu vot deċiżiv.

6.   Il-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jintemm meta jintemm il-mandat tagħhom bħala membri nazzjonali, President jew Viċi President.

7.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jiltaqa’ tal-inqas darba fix-xahar. Barra minn hekk, għandu jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tal-president tiegħu jew fuq it-talba tal-Kummissjoni jew tal-inqas tnejn mill-membri l-oħra tiegħu.

8.   Il-Eurojust għandha tibgħat lill-UPPE l-aġenda tal-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv u tikkonsulta lill-UPPE dwar il-ħtieġa ta’ partiċipazzjoni f’dawn il-laqgħat. Il-Eurojust għandha tistieden lill-UPPE biex jipparteċipa, mingħajr id-dritt ta’ vot, kull meta jkunu mitħaddta kwistjonijiet li huma ta’ rilevanza għall-funzjonament tal-UPPE.

Meta l-UPPE jkun mistieden għal laqgħa tal-Bord Eżekuttiv, il-Eurojust għandha tipprovdilu d-dokumenti li fuqhom tkun ibbażata l-aġenda.

TAQSIMA V

Direttur Amministrattiv

Artikolu 17

Status tad-Direttur Amministrattiv

1.   Id-Direttur Amministrattiv għandu jinħatar bħala aġent temporanju tal-Eurojust skont il-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti Oħra.

2.   Id-Direttur Amministrattiv għandu jinħatar mill-Kulleġġ minn lista ta’ kandidati proposti mill-Bord Eżekuttiv, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-Eurojust. Għall-fini ta’ konklużjoni tal-kuntratt tal-impjieg mad-Direttur Amministrattiv, il-Eurojust għandha tkun rappreżentata mill-President tal-Eurojust.

3.   Il-mandat tad-Direttur Amministrattiv għandu jkun ta’ erba’ snin. Sa tmiem dak il-perjodu, il-Bord Eżekuttiv għandu jwettaq valutazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Amministrattiv.

4.   Il-Kulleġġ, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv li tieħu inkunsiderazzjoni l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Amministrattiv għal darba u għal mhux iktar minn erba’ snin.

5.   Direttur Amministrattiv b’mandat li ġie estiż ma għandux jieħu sehem fi proċedura tal-għażla oħra għall-istess kariga fi tmiem il-perjodu sħiħ.

6.   Id-Direttur Amministrattiv għandu jkun responsabbli quddiem il-Kulleġġ.

7.   Id-Direttur Amministrattiv jista’ jitneħħa mill-kariga biss wara deċiżjoni tal-Kulleġġ li jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 18

Responsabilitajiet tad-Direttur Amministrattiv

1.   Għal skopijiet amministrattivi, il-Eurojust għandha titmexxa mid-Direttur Amministrattiv tagħha.

2.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kulleġġ jew għall-Bord Eżekuttiv, id-Direttur Amministrattiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minn kwalunkwe gvern jew kwalunkwe korp ieħor.

3.   Id-Direttur Amministrattiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Eurojust.

4.   Id-Direttur Amministrattiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti amministrattivi assenjati lill-Eurojust, b’mod partikolari:

(a)

għall-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-Eurojust u l-ġestjoni tal-persunal;

(b)

għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kulleġġ u l-Bord Eżekuttiv;

(c)

għat-tħejjija tad-dokument ta’ programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 15 u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Bord Eżekuttiv għar-rieżami;

(d)

għall-implimentazzjoni tad-dokument ta’ programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 15 u r-rapportar lill-Bord Eżekuttiv u lill-Kulleġġ dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

(e)

għat-tħejjija tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Eurojust u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Bord Eżekuttiv biex jirrieżaminah u lill-Kulleġġ biex jadottah;

(f)

għat-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni li jagħti segwitu għall-konklużjonijiet ta’ rapporti tal-awditjar intern jew estern, l-evalwazzjonijiet u l-investigazzjonijiet, inklużi dawk tal-KEPD u l-OLAF u r-rapportar dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kulleġġ, lill-Bord Eżekuttiv, lill-Kummissjoni u lill-KEPD;

(g)

għat-tħejjija ta’ strateġija kontra l-frodi għall-Eurojust u l-preżentazzjoni tagħha lill-Bord Eżekuttiv biex jadottaha;

(h)

għat-tħejjija tal-abbozz tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-Eurojust;

(i)

għat-tħejjija tal-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-istimi ta’ dħul u nefqa tal-Eurojust u l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha;

(j)

għall-eżerċitar, fir-rigward tal-persunal tal-Eurojust, tas-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali fuq l-awtorità tal-ħatra u mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti Oħra fuq l-awtorità mogħtija s-setgħa sabiex tikkonkludi kuntratti tal-impjieg ta’ aġenti oħra (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”);

(k)

għall-iżgurar tal-għoti tal-appoġġ amministrattiv meħtieġ biex tiġi ffaċilitata l-ħidma operazzjonali tal-Eurojust;

(l)

għall-iżgurar tal-għoti tal-appoġġ lill-President u lill-Viċi Presidenti hekk kif jaqdu d-dmirijiet tagħhom.

(m)

għat-tħejjija ta’ abbozz ta’ proposta għall-baġit annwali tal-Eurojust, li għandu jiġi rieżaminat mill-Bord Eżekuttiv qabel l-adozzjoni mill-Kulleġġ.

KAPITOLU III

KWISTJONIJIET OPERAZZJONALI

Artikolu 19

Mekkaniżmu għall-koordinazzjoni attiva

1.   Biex twettaq il-kompiti tagħha f’każijiet urġenti, il-Eurojust għandha topera mekkaniżmu għall-koordinazzjoni attiva (“OCC”, on-call coordination) li jkun kapaċi jirċievi u jipproċessa f’kull ħin it-talbiet riferiti lilu. L-OCC għandu jkun jista’ jiġi kkuntattjat 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

2.   L-OCC għandu jaħdem b’rappreżentant wieħed tal-OCC għal kull Stat Membru li jista’ jkun jew il-membru nazzjonali, id-deputat tiegħu, Assistent intitolat jieħu post il-membru nazzjonali, jew espert nazzjonali sekondat. Ir-rappreżentant tal-OCC għandu jkun disponibbli sabiex jaġixxi 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

3.   Ir-rappreżentanti tal-OCC għandhom jaġixxu b’effiċjenza u bla dewmien fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ talba fl-Istat Membru tagħhom.

Artikolu 20

Sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korrispondent nazzjonali wieħed jew iktar għall-Eurojust.

2.   Il-korrispondenti nazzjonali kollha maħtura mill-Istati Membri fis-sens tal-paragrafu 1, għandu jkollhom il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom.

3.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi Sistema ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Eurojust biex jiżgura l-koordinazzjoni tal-ħidma mwettqa:

(a)

mill-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust;

(b)

minn kwalunkwe korrispondent nazzjonali għal kwistjonijiet relatati mal-kompetenza tal-UPPE;

(c)

mill-korrispondent nazzjonali għall-Eurojust għal kwistjonijiet relatati mat-terroriżmu;

(d)

mill-korrispondent nazzjonali għan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet kriminali u sa tliet punti ta’ kuntatt oħra tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew;

(e)

mill-membri nazzjonali jew il-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk għal timijiet ta’ investigazzjoni konġunta, u mill-membri nazzjonali jew il-punti ta’ kuntatt tan-netwerks stabbiliti mid-Deċiżjonijiet 2002/494/ĠAI, 2007/845/ĠAI u 2008/852/ĠAI.

(f)

fejn applikabbli, minn kwalunkwe awtorità ġudizzjarja relevanti oħra.

4.   Il-persuni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandhom iżommu l-kariga u l-istatus tagħhom taħt il-liġi nazzjonali, u dan mingħajr ma jkollu impatt sinifikanti fuq il-qadi ta’ dmirijiethom taħt dan ir-Regolament.

5.   Il-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust għandhom ikunu responsabbli għat-tħaddim tas-sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust tagħhom. Fejn jiġu maħtura bosta korrispondenti għall-Eurojust, wieħed minnhom għandu jkun responsabbli għat-tħaddim tas-sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust tagħhom.

6.   Il-membri nazzjonali għandhom jiġu infurmati dwar il-laqgħat kollha tas-sistema tagħhom ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust fejn jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-każistika. Il-membri nazzjonali jistgħu’ jattendu tali laqgħat jekk hemm lok għal dan.

7.   Kull sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust għandha tiffaċilita t-twettiq tal-kompiti tal-Eurojust fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari billi:

(a)

tiżgura li s-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 23 tirċievi tagħrif relatat mal-Istat Membru kkonċernat b’mod effiċjenti u affidabbli;

(b)

tassisti fid-determinazzjoni ta’ jekk talba għandhiex tiġi ttrattata bl-assistenza tal-Eurojust jew tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew;

(c)

tassisti lill-membru nazzjonali fl-identifikazzjoni tal-awtoritajiet relevanti għall-eżekuzzjoni ta’ talbiet għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u deċiżjonijiet dwarha, inklużi talbiet u deċiżjonijiet li huma bbażati fuq strumenti li jħaddmu l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku;

(d)

iżżomm relazzjonijiet mill-qrib mal-unità nazzjonali tal-Europol, punti ta’ kuntatt oħra tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u awtoritajiet nazzjonali kompetenti relevanti oħra.

8.   Biex jilħqu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 7, il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 u fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 3 għandhom, u l-persuni jew l-awtoritajiet imsemmija fil-punti (d) u (e) tal-paragrafu 3 jistgħu jkunu konnessi mas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mal-Artikoli 23, 24, 25 u 34. L-ispejjeż tal-konnessjoni mas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet għandha tkun debitata fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

9.   L-istabbiliment tas-sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust u n-nomina tal-korrispondenti nazzjonali ma għandhomx jipprevjenu kuntatti diretti bejn il-membru nazzjonali u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tiegħu.

Artikolu 21

Skambji ta’ informazzjoni mal-Istati Membri u bejn membri nazzjonali

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw mal-Eurojust kull tagħrif meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha f’konformità mal-Artikoli 2 u 4 skont ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data. Tal-inqas, dan għandu jinkludi t-tagħrif imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.   It-trażmissjoni tat-tagħrif lill-Eurojust għandha tkun interpretata biss bħala talba għal assistenza mill-Eurojust fil-każ ikkonċernat jekk dan ikun speċifikat minn awtorità kompetenti.

3.   Il-membri nazzjonali għandhom jiskambjaw kull tagħrif neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurojust bejniethom jew mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru tagħhom, bla awtorizzazzjoni minn qabel. B’mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jgħarrfu minnufih lill-membri nazzjonali tagħhom dwar każ li jikkonċernahom.

4.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jgħarrfu lill-membri nazzjonali tagħhom dwar l-istabbiliment ta’ timijiet ta’ investigazzjoni konġunta u dwar ir-riżultati tal-ħidma tat-tali timijiet.

5.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jgħarrfu lill-membri nazzjonali tagħhom bla dewmien bla bżonn dwar kwalunkwe każ li jaffettwa tal-inqas tliet Stati Membri li għalihom intbagħtu talbiet għal kooperazzjoni ġudizzjarja jew deċiżjonijiet dwarha, inklużi talbiet u deċiżjonijiet li huma bbażati fuq strumenti li jħaddmu l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, lil tal-inqas żewġ Stati Membri, fejn japplika wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

(a)

ir-reat involut ikun punibbli fl-Istat Membru rikjedenti jew emittenti b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, li l-perjodu massimu huwa ta’ mill-inqas ħames jew sitt snin, li jrid jiġi deċiż mill-Istat Membru kkonċernat, u huwa inkluż fil-lista li ġejja:

(i)

it-traffikar tal-bnedmin;

(ii)

l-abbuż sesswali jew l-isfruttament sesswali inklużi l-pornografija tat-tfal u t-tħajjir tat-tfal għal skopijiet sesswali;

(iii)

it-traffikar tad-drogi;

(iv)

it-traffikar illegali tal-armi tan-nar, il-partijiet jew il-komponenti tagħhom jew il-munizzjon u l-isplussivi;

(v)

il-korruzzjoni;

(vi)

il-kriminalità kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(vii)

il-falsifikazzjoni ta’ flus jew mezzi ta’ ħlas;

(viii)

l-attivitajiet ta’ ħasil tal-flus;

(ix)

il-kriminalità relatata mal-kompjuter;

(b)

ikun hemm indikazzjonijiet fattwali li tkun involuta organizzazzjoni kriminali;

(c)

ikun hemm indikazzjonijiet li l-każ jista’ jkollu dimensjoni transfruntiera serja jew jista’ jkollu riperkussjonijiet fil-livell tal-Unjoni, jew jista’ jaffettwa lil Stati Membri oħra minbarra dawk direttament involuti.

6.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jgħarrfu lill-membri nazzjonali tagħhom dwar:

(a)

każijiet fejn ikun hemm jew aktarx li se jkun hemm kunflitti ta’ ġurisdizzjoni;

(b)

kunsinni kkontrollati li tal-inqas jaffettwaw tliet pajjiżi, li tal-inqas tnejn minnhom huma Stati Membri;

(c)

diffikultajiet jew rifjuti ripetuti rigward l-eżekuzzjoni ta’ talbiet għal kooperazzjoni ġudizzjarja jew deċiżjonijiet dwarha, inklużi talbiet u deċiżjonijiet li huma bbażati fuq strumenti li jħaddmu l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

7.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx ikunu obbligati li jipprovdu tagħrif f’każ partikolari jekk dan ikun ta’ ħsara għall-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali jew jipperikola s-sikurezza ta’ individwi.

8.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, inkluża kwalunkwe kundizzjoni stabbilita minn pajjiżi terzi dwar l-użu tat-tagħrif ladarba jkun ipprovdut.

9.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra li jikkonċernaw it-trażmissjoni ta’ data lill-Eurojust, inkluża d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (19).

10.   It-tagħrif imsemmi fl-Artikolu għandu jkun ipprovdut b’mod strutturat stabbilit mill-Eurojust. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx jiġu obbligati jipprovdu tali informazzjoni fejn din tkun diġà ġiet trażmessa lill-Eurojust f’konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 22

Tagħrif ipprovdut mill-Eurojust lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

1.   Il-Eurojust għandha tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’tagħrif dwar ir-riżultati tal-ipproċessar tat-tagħrif, inkluża l-eżistenza ta’ rabtiet ma’ każijiet li diġà kienu maħżuna fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet, mingħajr dewmien żejjed. Dak it-tagħrif jista’ jinkludi data personali.

2.   Fejn awtorità nazzjonali kompetenti titlob li l-Eurojust tipprovdilha tagħrif f’perjodu ta’ żmien stabbilit, il-Eurojust għandha tibgħat dak it-tagħrif fi ħdan dak il-perjodu ta’ żmien.

Artikolu 23

Sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet, il-werrej u l-fajls tax-xogħol temporanji

1.   Il-Eurojust għandha tistabbilixxi sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet li tikkonsisti minn fajls tax-xogħol temporanji u werrej li jkollhom fihom id-data personali msemmija fl-Anness II u data mhux personali.

2.   L-iskop tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet għandu jkun li:

(a)

tappoġġa l-ġestjoni u l-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li fihom qed tassisti l-Eurojust, b’mod partikolari permezz ta’ kontroreferenza tat-tagħrif;

(b)

tiffaċilita l-aċċess għal tagħrif fuq investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kurrenti;

(c)

tiffaċilita l-monitoraġġ tal-legalità u l-konformità tal-ipproċessar ta’ data personali tal-Eurojust mar-regoli applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data.

3.   Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tista’ tkun marbuta mal-konnessjoni sigura tat-telekomunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI (20).

4.   Il-werrej għandu jkun fih referenzi għal fajls tax-xogħol temporanji pproċessati fi ħdan il-qafas tal-Eurojust u ma jista’ jkun fih l-ebda data personali minbarra dik imsemmija fil-punti (1)(a) sa (i), (k) u (m) u (2) tal-Anness II.

5.   Fit-twettiq ta’ dmirijiethom, membri nazzjonali jistgħu jipproċessaw data fuq il-każijiet individwali li fuqhom qed jaħdmu f’fajl tax-xogħol temporanju. Għandhom jippermettu lill-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data sabiex ikollu aċċess għall-fajl tax-xogħol temporanju. L-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkun mgħarraf mill-membru nazzjonali kkonċernat dwar il-ftuħ ta’ kull fajl tax-xogħol temporanju li fih data personali.

6.   Għall-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali, il-Eurojust ma tista’ tistabbilixxi l-ebda fajl ta’ data awtomatizzat għajr is-sistema ta’ ġestjoni ta’ każijiet. Il-membru nazzjonali jista’, madankollu, jaħżen b’mod temporanju u janalizza data personali għall-fini tad-determinazzjoni ta’ jekk tali data tkunx relevanti għall-kompiti tal-Eurojust u tistax tiġi inkluża fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet. Dik id-data tista’ tinżamm sa tliet xhur.

Artikolu 24

Tħaddim tal-fajls tax-xogħol temporanji u l-werrej

1.   Għandu jinfetaħ fajl tax-xogħol temporanju mill-membru nazzjonali kkonċernat għal kull każ li fir-rigward tiegħu jintbagħatlu t-tagħrif dment li dik it-trażmissjoni tkun konformi mar-Regolament jew strumenti legali applikabbli oħrajn. Il-membru nazzjonali għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni tal-fajls tax-xogħol temporanji miftuħin min dak il-membru nazzjonali.

2.   Il-membru nazzjonali li fetaħ fajl tax-xogħol temporanju għandu jiddeċiedi, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk iżommx il-fajl tax-xogħol temporanju ristrett jew jagħtix aċċess għalih jew għal partijiet minnu, lil membri nazzjonali oħra jew lil persunal tal-Eurojust awtorizzat jew lil kwalunkwe persuna oħra li taħdem f’isem l-Eurojust li tkun irċiviet l-awtorizzazzjoni meħtieġa mid-Direttur Amministrattiv.

3.   Il-membru nazzjonali li jkun fetaħ fajl tax-xogħol temporanju għandu jiddeċiedi liema tagħrif relatat ma’ dak il-fajl tax-xogħol temporanju għandu jiddaħħal fil-werrej b’mod konformi mal-Artikolu 23(4).

Artikolu 25

Aċċess għas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet fil-livell nazzjonali

1.   Dment li huma konnessi mas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet, persuni msemmija fl-Artikolu 20(3) għandhom ikollhom aċċess biss:

(a)

għall-werrej, sakemm il-membru nazzjonali li ddeċieda li jdaħħal id-data fil-werrej ma ċaħadx it-tali aċċess b’mod ċar;

(b)

għall-fajls tax-xogħol temporanji miftuħin mill-membru nazzjonali tal-Istat Membru tagħhom;

(c)

għall-fajls tax-xogħol temporanji miftuħin minn membri nazzjonali ta’ Stati Membri oħra u li għalihom il-membru nazzjonali tal-Istati Membri tagħhom ingħata aċċess sakemm il-membru nazzjonali li fetaħ il-fajl tax-xogħol temporanju ma ċaħadx it-tali aċċess b’mod ċar.

2.   Il-membru nazzjonali għandu, fi ħdan il-limitazzjonijiet ipprovduti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jiddeċiedi dwar kemm jingħata aċċess għall-fajls tax-xogħol temporanji li jingħata fl-Istat Membru tiegħu lill-persuni msemmijin fl-Artikolu 20(3) dment li huma konnessi mas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet.

3.   Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-membru nazzjonali tiegħu, dwar kemm ser jagħti aċċess għall-werrej li jingħata f’dak l-Istat Membru lill-persuni msemmijin fl-Artikolu 20(3) dment li huma konnessi mas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Eurojust u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

4.   Il-persuni li ngħataw aċċess f’konformità mal-paragrafu 2 għandu jkollhom aċċess għall-werrej tal-inqas kemm hemm bżonn sabiex jagħmlu aċċess għall-fajls tax-xogħol temporanji li ngħataw aċċess għalihom.

KAPITOLU IV

IPPROĊESSAR TAL-INFORMAZZJONI

Artikolu 26

Ipproċessar ta’ data personali mill-Eurojust

1.   Dan ir-Regolament u l-Artikolu 3 u l-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandhom japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali mill-Eurojust. Ir-Regolament (UE) 2018/1725 għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali amministrattiva mill-Eurojust, bl-eċċezzjoni tal-Kapitolu IX ta’ dak ir-Regolament.

2.   Ir-referenzi għar-“regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data” f’dan ir-Regolament għandhom jinftiehmu bħala referenzi għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti f’dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) 2018/1725.

3.   Ir-regoli tal-protezzjoni tad-data dwar l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali li jinsabu f’dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala regoli speċifiċi għall-protezzjoni tad-data għar-regoli ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 u l-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) 2018/1725.

4.   Il-Eurojust għandha tiddetermina l-limiti ta’ żmien għall-ħżin ta’ data personali amministrattiva fid-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data fir-regoli ta’ proċedura tagħha.

Artikolu 27

Ipproċessar ta’ data personali operazzjonali

1.   Sa fejn ikun meħtieġ biex twettaq il-kompiti tagħha, il-Eurojust, fi ħdan il-qafas tal-kompetenza tagħha u sabiex twettaq il-funzjonijiet operazzjonali tagħha, tista’ tipproċessa permezz ta’ mezzi awtomatizzati jew f’fajls manwali strutturati f’konformità ma’ dan ir-Regolament biss dik id-data personali operazzjonali elenkata fil-punt 1 tal-Anness II dwar persuni li, fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati, huma persuni li fir-rigward tagħhom jeżistu raġunijiet serji ta’ suspett li wettqu jew li se jwettqu reat kriminali li l-Eurojust hija kompetenti għalih jew li ġew ikkundannati għat-tali reat.

2.   Il-Eurojust tista’ tipproċessa biss id-data personali operazzjonali elenkata fil-punt II tal-Anness 2, fuq persuni li, skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati, huma meqjusin bħala vittmi jew partijiet oħra fir-rigward ta’ reat kriminali, bħal persuni li jistgħu jissejħu biex jagħtu xhieda f’investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali rigward tip wieħed jew iktar minn fost il-kriminalità u r-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 3, persuni li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali, jew persuni ta’ kuntatt jew assoċjati ta’ persuna msemmija fil-paragrafu 1. L-ipproċessar tat-tali data personali operazzjonali jista’ jseħħ biss jekk ikun meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-kompiti tal-Eurojust, fi ħdan il-qafas tal-kompetenza tagħha u sabiex twettaq il-funzjonijiet operazzjonali tagħha.

3.   F’każijiet eċċezzjonali, għal perjodu limitat ta’ żmien li ma għandux jeċċedi ż-żmien meħtieġ għall-konklużjoni tal-każ li miegħu hija relatata d-data pproċessata, il-Eurojust tista’ wkoll tipproċessa data personali operazzjonali minbarra d-data personali msemmija fl-Anness II relatata maċ-ċirkustanzi ta’ reat, fejn tali data tkun immedjatament rilevanti għal, u tkun inkluża fi, investigazzjonijiet kurrenti li l-Eurojust tkun qed tikkoordina jew qed tgħin fil-koordinazzjoni tagħhom u meta l-ipproċessar tagħhom ikun neċessarju għall-finijiet speċifikati fil-paragrafu 1. L-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data msemmi fl-Artikolu 36 għandu jkun mgħarraf minnufih meta tali data personali operazzjonali tiġi pproċessata, u għandu jkun mgħarraf biċ-ċirkustanzi speċifiċi li jiġġustifikaw il-ħtieġa tal-ipproċessar ta’ dik id-data personali operazzjonali. Meta data oħra bħal din tirreferi għal xhieda jew vittmi skont it-tifsira tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, id-deċiżjoni li tiġi pproċessata għandha tittieħed b’mod konġunt mill-membri nazzjonali kkonċernati.

4.   Il-Eurojust tista’ tipproċessa kategoriji speċjali ta’ data personali operazzjonali f’konformità mal-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Din id-data ma tistax tiġi pproċessata fil-werrej imsemmi fl-Artikolu 23(4) ta’ dan ir-Regolament. Meta data oħra bħal din tirreferi għal xhieda jew vittmi skont it-tifsira tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, id-deċiżjoni li tiġi pproċessata għandha tittieħed mill-membri nazzjonali kkonċernati.

Artikolu 28

Ipproċessar taħt l-awtorità tal-Eurojust jew tal-proċessur

Il-proċessur u kwalunkwe persuna, li taġixxi taħt l-awtorità tal-Eurojust jew tal-proċessur, li jkollhom aċċess għal data personali operazzjonali, ma għandhomx jipproċessaw dik id-data ħlief fuq istruzzjonijiet mingħand il-Eurojust, sakemm ma jkunux meħtieġa jagħmlu dan mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi ta’ Stat Membru.

Artikolu 29

Limiti ta’ żmien għall-ħżin ta’ data personali operazzjonali

1.   Id-data personali operazzjonali pproċessata mill-Eurojust għandha tinħażen mill-Eurojust għal żmien mhux itwal minn dak meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha. B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, id-data personali operazzjonali msemmija fl-Artikolu 27 ma tistax tibqa’ maħżuna wara l-ewwel data applikabbli fost dawn id-dati li ġejjin:

(a)

id-data li fiha l-prosekuzzjoni tkun preskritta skont l-istatut tal-limitazzjonijiet tal-Istati Membri kollha kkonċernati mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjonijiet;

(b)

id-data li fiha l-Eurojust tiġi mgħarrfa li l-persuna tkun ġiet liberata u d-deċiżjoni ġudizzjarja saret finali, u f’dan il-każ l-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Eurojust mingħajr dewmien;

(c)

tliet snin wara d-data li fiha d-deċiżjoni ġudizzjarja tal-aħħar wieħed mill-Istati Membri kkonċernati mill-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni saret finali;

(d)

id-data li fiha l-Eurojust u l-Istati Membri kkonċernati stabbilew jew qablu b’mod reċiproku li ma kienx għad hemm bżonn li l-Eurojust tikkoordina l-investigazzjoni u l-prosekuzzjonijiet, sakemm ma jkunx hemm obbligu li l-Eurojust tkun ipprovduta b’din l-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 21(5) jew (6);

(e)

tliet snin wara d-data li fiha ntbagħtet id-data personali operazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(5) jew (6).

2.   Ir-rispett tad-dati ta’ skadenza għall-ħżin imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi rieżaminat b’mod kostanti b’ipproċessar awtomatizzat xieraq immexxi mill-Eurojust b’mod partikolari mill-mument li fih jingħalaq il-każ mill-Eurojust. Għandu jsir ukoll rieżami tal-bżonn ta’ ħżin tad-data kull tliet snin wara li din tiddaħħal; ir-riżultati ta’ tali rieżamijiet għandhom japplikaw għall-każ kollu kemm hu. Jekk id-data personali operazzjonali msemmija fl-Artikolu 27(4) tinħażen għal perjodu itwal minn ħames snin, il-KEPD għandu jiġi infurmat.

3.   Qabel ma tkun skadiet waħda mid-dati ta’ skadenza għall-ħżin imsemmija fil-paragrafu 1, il-Eurojust għandha tirrieżamina jekk hemmx bżonn li d-data personali operazzjonali tibqa’ maħżuna meta u sakemm dan ikun meħtieġ sabiex tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha. Hija tista’, permezz ta’ deroga, tiddeċiedi li taħżen dik id-data sar-rieżami li jmiss. Ir-raġunijiet għall-ħżin fit-tul għandhom ikunu ġustifikati u rreġistrati. Jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar il-ħżin fit-tul tad-data personali operazzjonali meta jsir rieżami, dik id-data għandha titħassar b’mod awtomatiku.

4.   Fejn, f’konformità mal-paragrafu 3, id-data personali operazzjonali tkun baqgħet maħżuna wara d-dati ta’ skadenza għall-ħżin imsemmija fil-paragrafu 1, il-KEPD għandu, kull tliet snin, jagħmel ukoll rieżami dwar il-bżonn li dik id-data tinħażen.

5.   Ladarba tiskadi d-data ta’ skadenza għall-ħżin tal-aħħar oġġett ta’ data awtomatizzata mill-fajl, id-dokumenti kollha fil-fajl għandhom jinqerdu ħlief dawk id-dokumenti oriġinali li l-Eurojust tkun irċeviet mill-awtoritajiet nazzjonali u li jeħtieġ li jintbagħtu lura lill-fornitur tagħhom.

6.   Fejn il-Eurojust tkun ikkoordinat investigazzjoni jew prosekuzzjonijiet, il-membri nazzjonali kkonċernati għandhom jinfurmaw lil xulxin kull meta dawn jirċievu informazzjoni li l-każ ma ntlaqgħetx jew li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha relatati mal-każ saru finali.

7.   Il-paragrafu 5 m’għandux japplika fejn:

(a)

dan ikun ta’ dannu għall-interessi ta’ suġġett tad-data li jkun jeħtieġ protezzjoni; f’tali każijiet, id-data personali operazzjonali għandha tintuża biss bil-kunsens espliċitu u bil-miktub tas-suġġett tad-data;

(b)

il-preċiżjoni tad-data personali operazzjonali tiġi kkontestata mis-suġġett tad-data: f’tali każijiet, il-paragrafu 5 ma għandux japplika għal perjodu li jippermetti lill-Istati Membri jew lill-Eurojust, skont kif ikun xieraq, jivverifikaw il-preċiżjoni ta’ tali data;

(c)

id-data personali operazzjonali tkun trid tinżamm għal finijiet ta’ prova jew għall-istabbiliment, l-eżerċitar jew id-difiża ta’ pretensjonijiet ġuridiċi;

(d)

is-suġġett tad-data jopponi t-tħassir tad-data personali operazzjonali u minflok jitlob ir-restrizzjoni tal-użu tagħha; jew

(e)

id-data personali operazzjonali tkun meħtieġa addizzjonalment għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku jew għal finijiet statistiċi.

Artikolu 30

Sigurtà tad-data personali operazzjonali

Il-Eurojust u l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu mekkaniżmi biex jiżguraw li l-miżuri tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jiġu indirizzati lil hinn mil-limiti tas-sistemi tal-informazzjoni.

Artikolu 31

Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data

1.   Kwalunkwe suġġett tad-data li jixtieq jeżerċita d-dritt ta’ aċċess imsemmi fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għal data operazzjonali personali li tirrelata mas-suġġett tad-data u li ġiet ipproċessata mill-Eurojust jista’ jagħmel talba lill-Eurojust lill-awtorità superviżorji nazzjonali fl-Istat Membru tal-għażla tas-suġġett tad-data. Dik l-awtorità għandha tirreferi t-talba lill-Eurojust mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba.

2.   It-talba għandha titwieġeb mill-Eurojust mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur minn meta l-Eurojust tirċievi t-talba.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jiġu kkonsultati mill-Eurojust dwar id-deċiżjoni li għandha tittieħed bħala risposta għal talba. Id-deċiżjoni dwar l-aċċess għad-data għandha tittieħed biss mill-Eurojust f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri direttament ikkonċernati mill-komunikazzjoni ta’ tali data. Meta Stat Membru joġġezzjona għad-deċiżjoni proposta tal-Eurojust, dan għandu jinnotifika lill-Eurojust dwar ir-raġunijiet għall-oġġezzjoni tiegħu. Il-Eurojust għandha tikkonforma ma’ kull oġġezzjoni bħal din. Il-membri nazzjonali kkonċernati għandhom sussegwentement jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti bil-kontenut tad-deċiżjoni tal-Eurojust.

4.   Il-membri nazzjonali kkonċernati għandhom jittrattaw it-talba u jieħdu deċiżjoni f’isem il-Eurojust. Meta l-membri nazzjonali kkonċernati ma jaqblux bejniethom, għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-Kulleġġ, li għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba b’maġġoranza ta’ żewġ terzi.

Artikolu 32

Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 81 tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Eurojust għandha tinforma lis-suġġett tad-data wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati f’konformità mal-Artikolu 31(3) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 33

Dritt ta’ restrizzjoni tal-ipproċessar

Mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29(7) ta’ dan ir-Regolament, fejn l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali jkun ġie ristrett taħt l-Artikolu 82(3) tar-Regolament (UE) 2018/1725, tali data personali operazzjonali, għandha tiġi pproċessata biss għall-ħarsien tad-drittijiet tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika jew ġuridika oħra li hija parti għall-proċedimenti li fihom Eurojust tagħmel parti, jew għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 82(3) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 34

Aċċess awtorizzat għal data personali operazzjonali fi ħdan il-Eurojust

Huma biss il-membri nazzjonali, id-deputati u l-Assistenti tagħhom u l-esperti nazzjonali sekondati awtorizzati, il-persuni msemmija fl-Artikolu 20(3), dment li dawk il-persuni jkunu konnessi mas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet, u l-persunal awtorizzat tal-Eurojust li jistgħu, għall-fini ta’ twettiq tal-kompiti tal-Eurojust, ikollhom aċċess għal data personali pproċessata mill-Eurojust fil-limiti stipulati fl-Artikoli 23, 24 u 25.

Artikolu 35

Rekords ta’ kategoriji tal-attivitajiet ta’ pproċessar

1.   Il-Eurojust għandha żżomm rekord tal-kategoriji kollha tal-attivitajiet ta’ pproċessar taħt ir-responsabbiltà tagħha. Dak ir-rekord għandu jinkludi l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-Eurojust u l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-Uffiċjal tagħha tal-Protezzjoni tad-Data;

(b)

il-finijiet tal-ipproċessar;

(c)

id-deskrizzjoni tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data u tal-kategoriji ta’ data personali operazzjonali;

(d)

il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew se tiġi żvelata d-data personali operazzjonali inklużi riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(e)

fejn applikabbli, it-trasferimenti ta’ data personali operazzjonali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluża l-identifikazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali;

(f)

fejn ikun possibbli, il-limiti ta’ żmien ippjanati għat-tħassir tad-diversi kategoriji ta’ data;

(g)

fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Ir-rekords imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu bil-miktub, inkluż f’forma elettronika.

3.   Il-Eurojust għandha tagħmel ir-rekord disponibbli għall-KEPD fuq talba.

Artikolu 36

Nomina tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jinnomina Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkun membru tal-persunal maħtur speċifikament għal dan il-fini. Fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jaġixxi b’mod indipendenti u ma jista’ jirċievi ebda struzzjoni.

2.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jintgħażel abbażi tal-kwalitajiet professjonali tiegħu u, b’mod partikolari, l-għarfien espert tal-liġi u tal-prattiki dwar il-protezzjoni tad-data, u l-ħila li jwettaq il-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 38.

3.   L-għażla tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data m’għandhiex tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi bejn dmiru bħala Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u kwalunkwe dmir uffiċjali ieħor li huwa jista’ jkollu, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jinħatar għal mandat ta’ erba’ snin u għandu jkun eliġibbli li jerġa’ jinħatar sa massimu ta’ perjodu totali ta’ tmien snin. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu mill-Bord Eżekuttiv biss bil-kunsens tal-KEPD, jekk huwa ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu.

5.   Il-Eurojust għandha tippubblika d-dettalji ta’ kuntatt tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u tikkomunikahom lill-KEPD.

Artikolu 37

Pożizzjoni tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   Il-Eurojust għandha tiżgura li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jkun involut, kif dovut u b’mod f’waqtu, fil-kwistjonijiet kollha marbutin mal-protezzjoni tad-data personali.

2.   Il-Eurojust għandha tappoġġa lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fit-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 38 billi tipprovdi r-riżorsi u l-persunal meħtieġa biex iwettaq dawk il-kompiti u billi tipprovdi aċċess għad-data personali u l-operazzjonijiet ta’ pproċessar, u biex isostni l-għarfien espert tiegħu.

3.   Il-Eurojust għandha tiżgura li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data ma jirċievi l-ebda struzzjoni fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tiegħu. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data ma għandux jitneħħa mill-kariga jew jiġi penalizzat mill-Bord Eżekuttiv minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jirrapporta direttament lill-Kulleġġ fir-rigward tad-data personali operazzjonali u jirrapporta lill-Bord Eżekuttiv fir-rigward tad-data personali amministrattiva.

4.   Is-suġġetti tad-data jistgħu jikkuntattjaw lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha marbutin mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u mal-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament u taħt ir-Regolament (UE) 2018/1725.

5.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta regoli ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Dawk ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom b’mod partikolari jirrigwardaw il-proċedura tal-għażla għall-kariga tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, it-tneħħija, il-kompiti, id-dmirijiet u s-setgħat tal-Uffiċjal u s-salvagwardji għall-indipendenza tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data.

6.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-persunal tiegħu għandhom ikunu marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità f’konformità mal-Artikolu 72.

7.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista’ jiġi kkonsultat mill-kontrollur u mill-proċessur, mill-kumitat tal-persunal ikkonċernat u minn kwalunkwe individwu fuq kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2018/1725 mingħajr ma dawn jgħaddu mill-kanali uffiċjali. Ħadd ma għandu jbati preġudizzju fuq il-bażi ta’ kwistjoni miġjuba għall-attenzjoni tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data li tallega li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament jew tar-Regolament (UE) 2018/1725.

8.   Wara n-nomina tiegħu, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi rreġistrat mal-KEPD mill-Eurojust.

Artikolu 38

Kompiti tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu b’mod partikolari l-kompiti li ġejjin, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali:

(a)

jiżgura b’mod indipendenti l-konformità tal-Eurojust mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2018/1725 u mad-dispożizzjonijiet relevanti dwar il-protezzjoni tad-data fir-regoli ta’ proċedura tal-Eurojust; dan jinkludi l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, mar-Regolament (UE) 2018/1725, ma’ dispożizzjonijiet oħra nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u mal-politiki tal-Eurojust fir-rigward tal-protezzjoni ta’ data personali, inklużi l-assenjazzjoni tar-responsabbiltajiet, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-persunal involut fl-attivitajiet ta’ pproċessar, u verifiki relatati;

(b)

jagħti informazzjoni u pariri lill-Eurojust u lill-persunal li jipproċessaw data personali dwar l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) 2018/1725 u dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data;

(c)

jagħti pariri meta mitlub fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data u jimmonitorja l-attwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(d)

jiżgura li jinżamm rekord tat-trasferiment u l-wasla tad-data personali f’konformità mad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stipulati fir-regoli ta’ proċedura tal-Eurojust;

(e)

jikkoopera mal-persunal tal-Eurojust li huwa responsabbli għall-proċeduri, it-taħriġ u l-għoti ta’ pariri dwar l-ipproċessar tad-data;

(f)

jikkoopera mal-KEPD;

(g)

jiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2018/1725;

(h)

jaġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt għall-KEPD dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar, inkluża l-konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament (UE) 2018/1725, u mal-konsultazzjoni, fejn xieraq, fir-rigward ta’ kwalunkwe materja oħra;

(i)

jagħti parir meta mitlub fir-rigward tal-ħtieġa ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali skont l-Artikoli 92 u 93 tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(j)

iħejji rapport annwali u jikkomunika dak ir-rapport lill-Bord Eżekuttiv, il-Kulleġġ u l-KEPD.

2.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jwettaq il-funzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward ta’ data personali amministrattiva.

3.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-persunal tal-Eurojust li jkunu qegħdin jassistu lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fil-qadi ta’ dmirijietu għandu jkollhom aċċess għad-data personali pproċessata mill-Eurojust u għall-bini tagħha, sa fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

4.   Jekk l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jqis li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725 relatati mal-ipproċessar ta’ data personali amministrattiva jew li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jew tal-Artikolu 3 u tal-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) 2018/1725 relatati mal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali ma jkunux ġew osservati, huwa għandu jinforma lill-Bord Eżekuttiv, u jitolbu jsolvi n-nuqqas ta’ konformità fi żmien speċifikat. Jekk il-Bord Eżekuttiv ma jsolvix in-nuqqas ta’ konformità fiż-żmien speċifikat, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jirreferi l-kwistjoni lill-KEPD.

Artikolu 39

Notifika ta’ ksur ta’ data personali lill-awtoritajiet ikkonċernati

1.   Fil-każ ta’ ksur ta’ data personali, il-Eurojust għandha mingħajr dewmien żejjed tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, dwar dak il-ksur.

2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha, bħala minimu:

(a)

tiddeskrivi n-natura tal-ksur ta’ data personali, inkluż, fejn hu possibbli u xieraq, il-kategoriji u l-għadd ta’ suġġetti tad-data kkonċernati u l-kategoriji u l-għadd ta’ rekords tad-data kkonċernati;

(b)

tiddeskrivi l-konsegwenzi mistennija tal-ksur ta’ data personali;

(c)

tiddeskrivi l-miżuri proposti jew meħuda mill-Eurojust sabiex tindirizza l-ksur ta’ data personali; u

(d)

fejn xieraq, tirrakkomanda miżuri sabiex jiġu mitigati l-effetti negattivi possibbli tal-ksur ta’ data personali.

Artikolu 40

Superviżjoni mill-KEPD

1.   Il-KEPD għandu jkun responsabbli li jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2018/1725 li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali mill-Eurojust, u biex jagħti pariri lill-Eurojust u lis-suġġetti tad-data dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-ipproċessar tad-data personali operazzjonali. Għal dak il-għan, il-KEPD għandu jaqdi d-dmirijiet li jinsabu fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u għandu jikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 42.

2.   Il-KEPD għandu jkollu d-dmirijiet li ġejjin taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2018/1725:

(a)

jisma’ u jinvestiga ilmenti, u jinforma lis-suġġett tad-data dwar l-eżitu f’perjodu raġonevoli ta’ żmien;

(b)

imexxi inkjesti jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq il-bażi ta’ lment, u jinforma lis-suġġetti tad-data dwar l-eżitu f’perjodu raġonevoli ta’ żmien;

(c)

jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2018/1725 li jirrelataw mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali mill-Eurojust;

(d)

jagħti parir lill-Eurojust, fuq inizjattiva tiegħu stess jew bħala rispons għal konsultazzjoni, dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali, b’mod partikolari qabel ma l-Eurojust tfassal regoli interni relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali.

3.   Il-KEPD jista’, taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2018/1725, filwaqt li jqis l-implikazzjonijiet għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet fl-Istati Membri:

(a)

jagħti pariri lil suġġetti tad-data fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom;

(b)

jirreferi kwistjoni lill-Eurojust fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali operazzjonali, u, fejn adatt, jagħmel proposti għar-rimedji ta’ dak il-ksur u għat-titjib tal-protezzjoni tas-suġġetti tad-data;

(c)

jikkonsulta lill-Eurojust meta talbiet għall-eżerċitar ta’ ċerti drittijiet b’rabta mad-data personali operazzjonali jkunu ġew rifjutati bi ksur tal-Artikolu 31, 32 jew 33 ta’ dan ir-Regolament jew l-Artikoli 77 sa 82 jew l-Artikolu 84 tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(d)

iwissi lill-Eurojust;

(e)

jordna lill-Eurojust twettaq ir-rettifika, ir-restrizzjoni jew it-tħassir ta’ data personali operazzjonali li tkun ġiet ipproċessata mill-Eurojust bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali u tinnotifika lil partijiet terzi li lilhom tkun ġiet żvelata tali data dwar tali azzjonijiet, dment li dan ma jfixkilx il-kompiti tal-Eurojust stabbiliti fl-Artikolu 2;

(f)

jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti”)taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-TFUE;

(g)

jintervjeni f’azzjonijiet miġjuba quddiem il-Qorti.

4.   Il-KEPD għandu jkollu aċċess għad-data personali operazzjonali pproċessata mill-Eurojust u għall-bini tagħha sa fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

5.   Il-KEPD għandu jħejji rapport annwali dwar l-attivitajiet superviżorji tiegħu fir-rigward tal-Eurojust. Dak ir-rapport għandu jkun parti minn rapport annwali tal-KEPD imsemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2018/1725. L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jiġu mistiedna jagħmlu osservazzjonijiet dwar dan ir-rapport qabel ma jsir parti mir-rapport annwali tal-KEPD imsemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-KEPD għandu jieħu kont bis-sħiħ tal-osservazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u, fi kwalunkwe każ, jirreferi għalihom fir-rapport annwali.

6.   Il-Eurojust għandha tikkoopera mal-KEPD, fuq it-talba tiegħu, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

Artikolu 41

Segretezza professjonali tal-KEPD

1.   Il-KEPD u l-persunal tiegħu għandhom, kemm matul u wara l-mandat tagħhom, ikunu suġġetti għad-dmir ta’ segretezza professjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jkunu saru jafu biha matul l-eżerċitar tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom.

2.   Il-KEPD għandu, fl-eżerċitar tas-setgħat superviżorji tiegħu, jieħu kont sħiħ tas-segretezza tal-inkjesti ġudizzjarji u l-proċedimenti kriminali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 42

Kooperazzjoni bejn il-KEPD u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali

1.   Il-KEPD għandu jaġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi li jirrikjedu involviment nazzjonali, b’mod partikolari jekk il-KEPD jew awtorità superviżorja nazzjonali jsibu diskrepanzi qawwijin bejn il-prattiki tal-Istati Membri jew trasferiment potenzjalment illegali li jużaw kanali ta’ komunikazzjoni tal-Eurojust, jew fil-kuntest ta’ kwistjonijiet imqajmin minn awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew iktar dwar l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-superviżjoni koordinata għandha tiġi żgurata f’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

3.   Il-KEPD għandu jżomm lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali infurmati b’mod sħiħ dwar il-kwistjonijiet kollha li jolqtuhom direttament jew li b’xi mod huma relevanti għalihom. Fuq talba mill-awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar, il-KEPD għandu jinfurmahom dwar kwistjonijiet speċifiċi.

4.   F’każijiet marbutin ma’ data li toriġina minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri, fosthom każijiet imsemmija fl-Artikolu 43(3), il-KEPD għandu jikkonsulta l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati. Il-KEPD ma għandux jiddeċiedi dwar azzjoni ulterjuri li għandha tittieħed qabel ma dawk l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkunu infurmaw lill-KEPD dwar il-pożizzjoni tagħhom, sa data ta’ skadenza speċifikata mill-KEPD. Dik l-iskadenza ma għandhiex tkun anqas minn xahar jew itwal minn tliet xhur. Il-KEPD għandu jieħu kont bis-sħiħ tal-pożizzjoni tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati. F’każijiet fejn il-KEPD ikollu l-intenzjoni li ma jsegwix il-pożizzjoni tagħhom, hu għandu jinfurmahom, jipprovdi ġustifikazzjoni, u jressaq il-kwistjoni quddiem il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

F’każijiet fejn il-KEPD jikkunsidra li huma estremament urġenti, hu jista’ jiddeċiedi li jieħu azzjoni immedjata. F’tali każijiet, il-KEPD għandu jinforma immedjatament lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati u jissostanzja n-natura urġenti tas-sitwazzjoni u jiġġustifika l-azzjoni li jkun ħa.

5.   L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali nazzjonali għandhom iżommu lill-KEPD infurmat bi kwalunkwe azzjoni li jieħdu fir-rigward tat-trasferiment, it-teħid, jew kwalunkwe komunikazzjoni oħra ta’ data personali taħt dan ir-Regolament mill-Istati Membri.

Artikolu 43

Dritt ta’ preżentazzjoni ta’ lment quddiem il-KEPD fir-rigward ta’ data personali operazzjonali

1.   Kwalunkwe suġġett ta’ data għandu jkollu d-dritt jippreżenta lment quddiem il-KEPD, jekk jidhirlu li l-ipproċessar mill-Eurojust ta’ data personali operazzjonali relatata miegħu ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament jew mar-Regolament (UE) 2018/1725 .

2.   Fejn ilment ikun relatat ma’ deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 31, 32 jew 33 ta’ dan ir-Regolament jew l-Artikolu 80, 81 jew 82 tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-KEPD għandu jikkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jew lill-korp ġudizzjarju kompetenti tal-Istat Membru li pprovda d-data jew l-Istat Membru direttament ikkonċernat. Fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu, li tista’ testendi għal rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni, il-KEPD għandu jqis l-opinjoni tal-awtorità superviżorja nazzjonali jew tal-korp ġudizzjarju kompetenti.

3.   Fejn ilment ikun relatat mal-ipproċessar ta’ data pprovduta minn Stat Membru lill-Eurojust, il-KEPD u l-awtorità superviżorja nazzjonali tal-Istat Membru li pprovda d-data, kull wieħed minnhom jaġixxi fil-qafas tal-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, għandhom jiżguraw li l-verifiki meħtieġa dwar il-legalità tal-ipproċessar tad-data jkunu saru b’mod korrett.

4.   Fejn ilment ikun relatat mal-ipproċessar ta’ data mogħtija lill-Europol minn korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, minn pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, jew mal-ipproċessar tad-data miġbura mill-Europol minn sorsi disponibbli pubblikament, il-KEPD għandu jiżgura li l-Europol tkun wettqet b’mod korrett il-verifiki meħtieġa dwar il-legalità tal-ipproċessar tad-data.

5.   Il-KEPD għandu jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment, kif ukoll dwar il-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 44.

Artikolu 44

Dritt għal stħarriġ ġudizzjarju kontra l-KEPD

L-azzjonijiet kontra deċiżjonijiet tal-KEPD dwar data personali operazzjonali għandhom jitressqu quddiem il-Qorti.

Artikolu 45

Responsabbiltà fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data

1.   Il-Eurojust għandha tipproċessa data personali operazzjonali b’tali mod li jkun jista’ jiġi stabbilit liema awtorità pprovdiet id-data jew mnejn ittieħdet id-data.

2.   Responsabbiltà għall-preċiżjoni tad-data personali operazzjonali għandha tinġarr minn:

(a)

il-Eurojust għal data personali operazzjonali pprovduta minn Stat Membru, jew minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni fejn id-data pprovduta tkun ġiet alterata matul l-ipproċessar mill-Eurojust;

(b)

l-Istat Membru jew l-istituzzjoni, l-uffiċċju, il-korp jew l-aġenzija tal-Unjoni li jkunu pprovdew id-data lill-Eurojust, fejn d-data pprovduta ma tkunx ġiet alterata matul l-ipproċessar mill-Eurojust;

(c)

il-Eurojust għal data personali operazzjonali pprovduta minn pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll għal data personali operazzjonali miksuba mill-Eurojust minn sorsi pubblikament disponibbli.

3.   Ir-responsabbiltà għall-konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward ta’ data personali amministrattiva u għall-konformità ma’ dan ir-Regolament u mal-Artikolu 3 u l-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward ta’ data personali operazzjonali għandha tinġarr mill-Eurojust.

Ir-responsabbiltà għal-legalità ta’ trasferiment ta’ data personali operazzjonali għandha tkun:

(a)

fejn Stat Membru jkun ipprovda d-data personali operazzjonali kkonċernata lill-Eurojust, ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

tal-Eurojust, fejn hija tkun ipprovdiet id-data personali operazzjonali kkonċernata lil Stati Membri, lil istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji, jew aġenziji tal-Unjoni, lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali.

4.   Suġġett għal dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, il-Eurojust għandha tkun responsabbli għad-data kollha pproċessata minnha.

Artikolu 46

Responsabbiltà għal ipproċessar mhux awtorizzat jew żbaljat ta’ data

1.   F’konformità mal-Artikolu 340 tat-TFUE, il-Eurojust għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe ħsara kkaġunata lil individwu li tirriżulta mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew żbaljat tad-data mwettaq minnha.

2.   L-ilmenti kontra l-Eurojust abbażi tar-responsabbiltà msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinstemgħu mill-Qorti f’konformità mal-Artikolu 268 tat-TFUE.

3.   F’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe ħsara kkaġunata lil individwu, li tirriżulta mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew żbaljat imwettaq minnha ta’ data li ġiet komunikata lill-Eurojust.

KAPITOLU V

RELAZZJONIJIET MAS-SĦAB

TAQSIMA I

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 47

Dispożizzjonijiet komuni

1.   Sa fejn ikunu neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tagħha, il-Eurojust tista’ tistabbilixxi u żżomm relazzjonijiet kooperattivi ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni f’konformità mal-għanijiet rispettivi tagħhom, u mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità mal-istrateġija ta’ kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 52.

2.   Sa fejn dan ikun relevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħha u suġġett għal kwalunkwe restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 21(8) u l-Artikolu 76, il-Eurojust tista’ tiskambja kwalunkwe informazzjoni mal-entitajiet msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu direttament, bl-eċċezzjoni ta’ data personali.

3.   Għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, il-Eurojust tista’ tikkonkludi arranġamenti ta’ ħidma mal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1. Tali arranġamenti ta’ ħidma m’għandhomx jiffurmaw il-bażi sabiex jippermettu l-iskambju ta’ data personali u m’għandhomx jorbtu lill-Unjoni jew lill-Istati Membri tagħha.

4.   Il-Eurojust tista’ tirċievi u tipproċessa data personali riċevuta mill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 sa fejn hemm bżonn għat-twettiq tal-kompiti tagħha, suġġett għar-regoli dwar l-applikazzjoni tal-protezzjoni tad-data.

5.   Data personali għandha tiġi trasferita biss mill-Eurojust lill-istituzzjoniet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali jekk dan ikun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tagħha u jkun f’konformità mal-Artikoli 55 u 56. Jekk id-data li tkun se tiġi ttrasferita tkun ġiet ipprovduta minn Stat Membru, il-Eurojust għandha tikseb il-kunsens tal-awtorità kompetenti relevanti f’dak l-Istat Membru, sakemm l-Istat Membru ma jkunx ta l-awtorizzazzjoni tiegħu minn qabel għal tali trasferiment ulterjuri, jew f’termini ġenerali jew suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi. It-tali kunsens jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe waqt.

6.   Fejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji, jew aġenziji tal-Unjoni, pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali jkunu rċevew data personali mingħand il-Eurojust, it-trasferimenti ulterjuri ta’ tali data lil partijiet terzi għandhom ikunu projbiti ħlief jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-Eurojust tkun kisbet kunsens minn qabel mill-Istat Membru li pprovda d-data;

(b)

il-Eurojust tkun tat il-kunsens espliċitu tagħha wara li qieset iċ-ċirkostanzi tal-każ inkwistjoni;

(c)

it-trasferiment ulterjuri jkun biss għal fini speċifiku li ma jkunx inkompatibbli mal-fini li għalih intbagħtet id-data.

TAQSIMA II

Relazzjonijiet mas-sħab fi ħdan l-unjoni

Artikolu 48

Kooperazzjoni man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u netwerks oħra tal-Unjoni involuti f’kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali

1.   Il-Eurojust u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet kriminali għandhom iżommu relazzjonijiet privileġġati ma’ xulxin, fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni u komplementarjetà, speċjalment bejn il-membru nazzjonali, il-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-istess Stat Membru bħall-membru nazzjonali, u l-korrispondenti nazzjonali għall-Eurojust u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew. Biex tkun żgurata l-kooperazzjoni effiċjenti, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

fuq il-bażi ta’ każ b’każ, il-membri nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew dwar il-każijiet kollha li jqisu li n-Netwerk huwa f’pożizzjoni aħjar biex jindirizzahom;

(b)

is-Segretarjat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandu jagħmel parti mill-persunal tal-Eurojust; għandu jaħdem bħala unità separata; jista’ juża r-riżorsi amministrattivi tal-Eurojust li huma neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, anki biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-laqgħat plenarji tan-Netwerk;

(c)

il-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew jistgħu jkunu mistiedna fuq bażi ta’ każ b’każ biex jattendu laqgħat tal-Eurojust;

(d)

il-Eurojust u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew jistgħu jagħmlu użu mis-sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust meta jiddeterminaw skont il-punt (b) tal-Artikolu 20(7) jekk talba għandhiex tiġi ttrattata bl-assistenza tal-Eurojust jew in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

2.   Is-Segretarjat tan-Netwerk għal timijiet ta’ investigazzjoni konġunta u s-Segretarjat tan-Netwerk stabbilit mid-Deċiżjoni 2002/494/ĠAI għandhom jifformaw parti mill-persunal tal-Eurojust. Dawk is-segretarjati għandhom jaħdmu bħala unitajiet separati. Jistgħu jużaw ir-riżorsi amministrattivi tal-Eurojust li huma neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Il-koordinazzjoni tas-segretarjati għandha tkun żgurata mill-Eurojust. Dan il-paragrafu japplika għas-segretarjat ta’ kwalunkwe netwerk relevanti involut f’kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali li għalihom Eurojust għandha tipprovdi appoġġ fil-forma ta’ segretarjat. Il-Eurojust tista’ tappoġġa netwerks u korpi Ewropej relevanti involuti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, inkluż fejn xieraq permezz ta’ segretarjat ospitat fil-Eurojust.

3.   In-netwerk stabbilit bid-Deċiżjoni 2008/852/ĠAI jista’ jitlob li l-Eurojust tipprovdi segretarjat tan-netwerk. Jekk issir tali talba, għandu japplika l-paragrafu 2.

Artikolu 49

Relazzjonijiet mal-Europol

1.   Il-Eurojust għandha tieħu kull miżura adatta biex il-Europol, fi ħdan il-mandat tal-Europol, ikun jista’ jkollha aċċess indirett, fuq il-bażi ta’ sistema ta’ eżitu pożittiv/negattiv, għal informazzjoni pprovduta lill-Eurojust, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe restrizzjoni indikata mill-Istat Membru, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li pprovdew l-informazzjoni inkwistjoni. Fil-każ ta’ eżitu pożittiv, il-Europol tista’ tniedi l-proċedura li permezz tagħha l-informazzjoni li ġġenerat l-eżitu pożittiv tista’ tiġi kondiviża f’konformità mad-deċiżjoni tal-Istat Membru, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li pprovdew l-informazzjoni lill-Eurojust.

2.   It-tiftixiet ta’ informazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 għandhom jitwettqu biss għall-fini ta’ identifikazzjoni ta’ jekk l-informazzjoni disponibbli fil-Europol taqbilx mal-informazzjoni pproċessata fil-Eurojust.

3.   Il-Eurojust għandha tippermetti li jsiru tiftixiet f’konformità mal-paragrafu 1 biss wara li tikseb mill-Europol informazzjoni dwar liema persunal tal-Europol ikun ġie nominat bħala awtorizzat sabiex iwettaq tali tiftixiet.

4.   Jekk matul l-attivitajiet ta’ pproċessar tal-informazzjoni tal-Eurojust fir-rigward ta’ investigazzjoni, il-Eurojust jew Stat Membru jidentifikaw il-bżonn ta’ koordinazzjoni, kooperazzjoni jew appoġġ f’konformità mal-mandat tal-Europol, il-Eurojust għandha tinnotifika lill-Europol dwar dan u għandha tniedi l-proċedura għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, f’konformità mad-deċiżjoni tal-Istat Membru li pprovda l-informazzjoni. F’każijiet għal dawn il-Eurojust għandha tikkonsulta mal-Europol.

5.   Il-Eurojust għandha tistabbilixxi u żżomm kooperazzjoni mill-qrib mal-Europol safejn dan ikun relevanti għat-twettiq tal-kompiti taż-żewġ aġenziji u għall-kisba tal-objettivi tagħhom, billi jitqies il-bżonn li tiġi evitata duplikazzjoni tal-isforz.

Għal dak il-għan, id-Direttur Eżekuttiv tal-Europol u l-President tal-Eurojust għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess komuni.

6.   L-Europol għandha tirrispetta kwalunkwe restrizzjoni fl-aċċess jew l-użu, kemm f’termini ġenerali kif ukoll f’dawk speċifiċi, li ġiet indikata minn Stat Membru, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, fir-rigward tal-informazzjoni li huma jkunu pprovdew.

Artikolu 50

Relazzjonijiet mal-UPPE

1.   Il-Eurojust għandha tistabbilixxi u żżomm relazzjoni mill-qrib mal-UPPE fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni reċiproka fi ħdan il-mandati u l-kompetenzi rispettivi tagħhom u tal-iżvilupp ta’ rabtiet operazzjonali u amministrattivi bejniethom kif definit f’dan l-Artikolu. Għal dak il-għan, il-President tal-Eurojust u l-Kap Prosekutur Ewropew għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess komuni. Huma għandhom jiltaqgħu fuq talba tal-President tal-Eurojust jew tal-Kap Prosekutur Ewropew.

2.   Il-Eurojust għandha tittratta talbiet għal appoġġ mill-UPPE mingħajr dewmien żejjed, u, fejn xieraq, għandha tindirizza t-tali talbiet daqslikieku waslu minn awtorità nazzjonali kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja.

3.   Kull meta jkun hemm bżonn li tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni stabbilita skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Eurojust għandha tuża s-sistema ta’ koordinazzjoni nazzjonali tal-Eurojust stabbilita f’konformità mal-Artikolu 20, kif ukoll ir-relazzjonijiet li stabbiliet ma’ pajjiżi terzi, inklużi l-maġistrati ta’ kollegament tagħha.

4.   Fi kwistjonijiet operazzjonali relevanti għall-kompetenzi tal-UPPE, il-Eurojust għandha tinforma lill-UPPE dwar, u, fejn xieraq, tassoċjah ma’, l-attivitajiet tagħha li jikkonċernaw każijiet transfruntieri, inkluż billi:

(a)

tikkondividi informazzjoni dwar il-każijiet tagħha, inkluża data personali, f’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan ir-Regolament;

(b)

titlob lill-UPPE sabiex jipprovdi appoġġ.

5.   Il-Eurojust għandu jkollha aċċess indirett għall-informazzjoni fis-sistema ta’ ġestjoni ta’ każijiet tal-UPPE abbażi ta’ sistema ta’ eżitu pożittiv/negattiv. Kull meta jkun hemm eżitu pożittiv fit-tiftix bejn id-data mdaħħla fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet mill-UPPE u d-data miżmuma mill-Eurojust, il-fatt li jkun hemm eżitu pożittiv għandu jiġi kkomunikat kemm lill-Eurojust u lill-UPPE, kif ukoll lill-Istat Membru li pprovda d-data lill-Eurojust. Il-Eurojust għandha tieħu miżuri xierqa biex tippermetti li l-UPPE jkollu aċċess indirett għall-informazzjoni fis-sistema ta’ ġestjoni ta’ każijiet tagħha fuq il-bażi ta’ sistema ta’ eżitu pożittiv/negattiv.

6.   L-UPPE jista’ joqgħod fuq l-appoġġ u r-riżorsi tal-amministrazzjoni tal-Eurojust. Għal dak il-għan, il-Eurojust tista’ tipprovdi servizzi ta’ interess komuni lill-UPPE. Id-dettalji għandhom ikunu regolati permezz ta’ arranġament.

Artikolu 51

Relazzjonijiet ma’ korpi, uffiċji u aġenziji oħra tal-Unjoni

1.   Il-Eurojust għandha tistabbilixxi u żżomm relazzjonijiet kooperattivi man-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju.

2.   L-OLAF għandu jikkontribwixxi għall-ħidma ta’ koordinazzjoni tal-Eurojust rigward il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, f’konformità mal-mandat tiegħu taħt ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

3.   L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tikkontribwixxi għall-ħidma tal-Eurojust inkluż billi tittrażmetti l-informazzjoni rilevanti pproċessata f’konformità mal-mandat u l-kompiti tagħha taħt il-punt (m) tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE)2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). L-ipproċessar ta’ kwalunkwe data personali mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta b’konnessjoni magħha għandu jkun regolat mir-Regolament (UE) 2018/1725.

4.   Bl-iskop li l-Eurojust u l-OLAF jirċievu informazzjoni u jittrażmettuha bejniethom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri nazzjonali tal-Eurojust jitqiesu bħala awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biss għall-finijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-OLAF u l-membri nazzjonali għandu jsir mingħajr preġudizzju għall-obbligi li l-informazzjoni tingħata lil awtoritajiet kompetenti oħra taħt dawk ir-Regolamenti.

TAQSIMA III

Kooperazzjoni internazzjonali

Artikolu 52

Relazzjonijiet mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

1.   Il-Eurojust tista’ tistabbilixxi u żżomm kooperazzjoni ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Għal dak l-għan, il-Eurojust għandha tħejji strateġija ta’ kooperazzjoni kull erba’ snin b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, li tispeċifika l-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li fir-rigward tagħhom hemm ħtieġa operazzjonali għal kooperazzjoni.

2.   Il-Eurojust tista’ tikkonkludi arranġamenti tax-xogħol mal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 47(1).

3.   Il-Eurojust tista’ tistabbilixxi punti ta’ kuntatt f’pajjiżi terzi bi qbil mal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, biex tiffaċilita l-kooperazzjoni f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-Eurojust.

Artikolu 53

Maġistrati ta’ kollegament ippostjati f’pajjiżi terzi

1.   Bl-iskop li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ pajjiżi terzi f’każijiet li fihom il-Eurojust tkun qed tipprovdi assistenza f’konformità ma’ dan ir-Regolament, il-Kulleġġ jista’ jippostja maġistrati ta’ kollegament f’pajjiż terz suġġett għall-eżistenza ta’ arranġament ta’ ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 47(3) mal-awtoritajiet kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz.

2.   Il-kompiti tal-maġistrati ta’ kollegament għandhom jinkludu kwalunkwe attività maħsuba biex tinkoraġġixxi u taċċelera kwalunkwe forma ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, b’mod partikolari billi jistabbilixxu kuntatti diretti mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, il-maġistrati ta’ kollegament jistgħu jiskambjaw data personali operazzjonali mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat f’konformità mal-Artikolu 56.

3.   Il-maġistrat ta’ kollegament imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu esperjenza tax-xogħol mal-Eurojust u għarfien adegwat ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u kif taħdem il-Eurojust. L-ippostjar ta’ maġistrat ta’ kollegament f’isem il-Eurojust għandu jkun suġġett għall-kunsens minn qabel tal-maġistrat u tal-Istat Membru tiegħu.

4.   Fejn il-maġistrat ta’ kollegament ippostjat mill-Eurojust jingħażel minn fost membri nazzjonali, deputati jew Assistenti:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat għandu sostitwitixxih fil-funzjoni tiegħu bħala membru nazzjonali, deputat jew Assistent;

(b)

huwa ma jibqax intitolat li jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu taħt l-Artikolu 8.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali, il-Kulleġġ għandu jfassal it-termini u l-kundizzjonijiet għall-ippostjar ta’ maġistrati ta’ kollegament, inkluż il-livell tagħhom ta’ rimunerazzjoni. Il-Kulleġġ għandu jadotta l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni neċessarji f’dan ir-rigward b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

6.   L-attivitajiet tal-maġistrati ta’ kollegament ippostjati mill-Eurojust għandhom ikunu suġġetti għas-superviżjoni mill-KEPD. Il-maġistrati ta’ kollegament għandhom jirrapportaw lill-Kulleġġ, li għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rapport annwali u bil-mod xieraq dwar l-attivitajiet tagħhom. Il-maġistrati ta’ kollegament għandhom jinformaw lill-membri nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bil-każijiet kollha li jikkonċernaw l-Istat Membru tagħhom.

7.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-maġistrati ta’ kollegament imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jikkuntattjaw lil xulxin direttament. F’dawn il-każijiet, il-maġistrat ta’ kollegament għandu jinforma lill-membru nazzjonali kkonċernat dwar dawn il-kuntatti.

8.   Il-maġistrati ta’ kollegament imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu konnessi mas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet.

Artikolu 54

Talbiet għal kooperazzjoni ġudizzjarja lil pajjiżi terzi u mingħandhom

1.   Il-Eurojust tista’, bil-kunsens tal-Istat Membru kkonċernat, tikkoordina l-eżekuzzjoni tat-talbiet għal kooperazzjoni ġudizzjarja maħruġin minn pajjiż terz fejn tali talbiet jesiġu eżekuzzjoni f’tal-inqas żewġ Stati Membri bħala parti mill-istess investigazzjoni. It-tali talbiet jistgħu jintbagħtu wkoll lill-Eurojust minn awtorità nazzjonali kompetenti.

2.   F’każijiet ta’ urġenza u f’konformità mal-Artikolu 19, l-OCC jista’ jirċievi u jittrażmetti t-talbiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jekk dawn ikunu nħarġu minn pajjiż terz li kkonkluda ftehim ta’ kooperazzjoni jew arranġament ta’ ħidma mal-Eurojust.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(5), fejn talbiet għal kooperazzjoni ġudizzjarja, li jkunu relatati mal-istess investigazzjoni u li jirrikjedu eżekuzzjoni f’pajjiż terz huma magħmula mill-Istat Membru kkonċernat, il-Eurojust għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ dak il-pajjiż terz.

TAQSIMA IV

Trasferimenti ta’ data personali

Artikolu 55

Trażmissjoni ta’ data personali operazzjonali lil istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni

1.   Suġġett għal kwalunkwe restrizzjoni ulterjuri għal dan ir-Regolament, b’mod partikolari skont l-Artikoli 21(8), 47(5) u 76, il-Eurojust għandha tittrażmetti data personali operazzjonali lil istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħra tal-Unjoni biss jekk id-data tkun meħtieġa għat-twettiq leġittimu tal-kompiti koperti mill-kompetenza tal-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija l-oħra tal-Unjoni.

2.   Fejn id-data personali operazzjonali tiġi trażmessa fuq talba minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħra tal-Unjoni, kemm il-kontrollur kif ukoll ir-riċevitur għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għal-leġittimità ta’ dak it-trasferiment.

Il-Eurojust għandha tkun rikjesta tivverifika l-kompetenza tal-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija l-oħra tal-Unjoni u li tagħmel evalwazzjoni proviżorja tal-ħtieġa tat-trażmissjoni tad-data personali operazzjonali. Jekk iqumu dubji dwar din il-ħtieġa, il-Europol għandha titlob aktar informazzjoni mingħand ir-riċevitur.

L-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija l-oħra tal-Unjoni għandhom jiżguraw li l-ħtieġa tat-trażmissjoni tad-data personali operazzjonali tkun tista’ tiġi verifikata sussegwentement.

3.   L-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija l-oħra tal-Unjoni għandhom jipproċessaw id-data personali operazzjonali biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet trażmessa.

Artikolu 56

Prinċipji ġenerali għat-trasferimenti ta’ data personali operazzjonali lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

1.   Il-Eurojust jista’ jittrasferixxi data personali operazzjonali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, suġġett għall-konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-Regolament, u biss meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

it-trasferiment ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurojust;

(b)

l-awtorità tal-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali li lilha tiġi ttrasferita d-data personali operazzjonali hija kompetenti fl-infurzar tal-liġi u kwistjonijiet kriminali;

(c)

fejn id-data personali operazzjonali li għandha tiġi ttrasferita f’konformità ma’ dan l-Artikolu tkun ġiet trażmessa jew magħmula disponibbli lill-Eurojust minn Stat Membru, il-Eurojust għandha tikseb awtorizzazzjoni minn qabel għat-trasferiment mill-awtorità kompetenti relevanti ta’ dak l-Istat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, sakemm dak l-Istat Membru ma jkunx awtorizza tali trasferimenti f’termini ġenerali jew suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi;

(d)

fil-każ ta’ trasferiment ulterjuri lil pajjiż terz ieħor jew lil organizzazzjoni internazzjonali oħra minn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, il-Eurojust għandha tirrikjedi li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali li qed jagħmlu it-trasferiment jiksbu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Eurojust għal dak it-trasferiment ulterjuri.

Il-Eurojust għandha tipprovdi awtorizzazzjoni taħt il-punt (d) biss b’awtorizzazzjoni minn qabel tal-Istat Membru li minnu toriġina d-data wara li jkunu tqiesu b’mod xieraq il-fatturi relevanti kollha, inkluż il-livell ta’ serjetà tar-reat kriminali, il-fini li għalih id-data personali operazzjonali oriġinarjament ġiet ittrasferita u l-livell ta’ protezzjoni ta’ data personali fil-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li lilhom tiġi ttrasferita ulterjorment id-data personali operazzjonali.

2.   Suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali operazzjonali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali biss jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun iddeċidiet, skont l-Artikolu 57 li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni, jew fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni ta’ adegwatezza, salvagwardji xierqa ġew ipprovduti jew jeżistu skont l-Artikolu 58(1), jew fin-nuqqas kemm ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza u ta’ tali salvagwardji xierqa, deroga għal sitwazzjonijiet speċifiċi tapplika skont l-Artikolu 59(1); jew

(b)

ikun ġie konkluż ftehim ta’ kooperazzjoni li jippermetti l-iskambju ta’ data personali operazzjonali qabel it-12 ta’ Diċembru 2019 bejn il-Eurojust u dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 26a tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI, jew

(c)

ikun ġie konkluż ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprovdi għal salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwi.

3.   L-arranġamenti ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 47(3) jistgħu jintużaw biex jiġu stabbiliti l-modalitajiet għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet jew deċiżjonijiet ta’ adegwatezza msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-Eurojust tista’ f’każijiet ta’ urġenza tittrasferixxi data personali operazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel minn Stat Membru f’konformità mal-punt (c) tal-paragrafu 1. Eurojust għandha biss tagħmel dan jekk it-trasferiment tad-data personali operazzjonali jkun meħtieġ għall-prevenzjoni ta’ theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz jew għall-interessi essenzjali ta’ Stat Membru, u fejn l-awtorizzazzjoni minn qabel ma tkunx tista’ tinkiseb fi żmien xieraq. L-awtorità responsabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun infurmata mingħajr dewmien.

5.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni ma għandhomx jittrasferixxu data personali operazzjonali li huma rċevew mill-Eurojust ulterjorment lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali. Bħala eċċezzjoni, huma jistgħu jagħmlu tali trasferiment f’każijiet fejn il-Eurojust tkun awtorizzatu wara li tkun qieset b’mod dovut il-fatturi kollha relevanti, inkluż il-livell ta’ serjetà tar-reat kriminali, il-fini li għalih id-data personali operazzjonali ġiet oriġinalment trażmessa u l-livell ta’ protezzjoni ta’ data personali fil-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li lilhom tiġi ttrasferita d-data personali operazzjonali ulterjorment.

6.   L-Artikoli 57, 58 u 59 għandhom japplikaw sabiex jiġi żgurat li l-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi żgurat b’dan ir-Regolament u bil-liġi tal-Unjoni ma jiġix imminat.

Artikolu 57

Trasferimenti abbażi ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza

Il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali operazzjonali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali fejn il-Kummissjoni tkun iddeċidiet f’konformità mal-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2016/680 li l-pajjiż terz, it-territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f’dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni.

Artikolu 58

Trasferimenti suġġetti għal salvagwardji xierqa

1.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza, il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali operazzjonali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali meta:

(a)

salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni ta’ data personali operazzjonali ikunu previsti fi strument legalment vinkolanti; jew

(b)

il-Eurojust tkun ivvalutat iċ-ċirkustanzi kollha tat-trasferiment ta’ data personali operazzjonali u tkun ikkonkludiet li jeżistu salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni ta’ data personali operazzjonali.

2.   Il-Eurojust għandha tinforma lill-KEPD dwar kategoriji ta’ trasferimenti taħt il-punt (b) tal-paragrafu 1.

3.   Meta trasferiment ikun ibbażat fuq il-punt (b) tal-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha tkun magħmula disponibbli għall-KEPD fuq talba. Id-dokumentazzjoni għandha tinkludi rekord tad-data u l-ħin tat-trasferiment u informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li tirċevih, dwar il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment u dwar id-data personali operazzjonali trasferita.

Artikolu 59

Derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi

1.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza, jew ta’ salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 58, il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali operazzjonali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali biss bil-kundizzjoni li t-trasferiment ikun meħtieġ:

(a)

għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna oħra;

(b)

għas-salvagwardja tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data;

(c)

għall-prevenzjoni ta’ theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz; jew

(d)

f’każijiet individwali għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurojust, sakemm il-Eurojust ma tiddeterminax li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat jieħdu preċedenza fuq l-interess pubbliku fit-trasferiment.

2.   Fejn trasferiment ikun ibbażat fuq il-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha tkun magħmula disponibbli għall-KEPD fuq talba. Id-dokumentazzjoni għandha tinkludi rekord tad-data u l-ħin tat-trasferiment u informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li tirċevih, dwar il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment u dwar id-data personali operazzjonali trasferita.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 60

Il-baġit

1.   L-istimi tad-dħul u n-nefqa kollha tal-Eurojust għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandhom jintwerew fil-baġit tal-Eurojust.

2.   Il-baġit tal-Eurojust għandu jkun ibbilanċjat f’termini ta’ dħul u nfiq.

3.   Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, id-dħul tal-Eurojust għandu jinvolvi:

(a)

kontribuzzjoni mill-Unjoni mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni;

(b)

kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mill-Istati Membri;

(c)

imposti għal pubblikazzjonijiet u kwalunkwe servizz ipprovdut mill-Eurojust;

(d)

għotjiet ad hoc.

4.   In-nefqa tal-Eurojust għandha tinkludi remunerazzjoni tal-persunal, spejjeż amministrattivi u tal-infrastruttura u spejjeż operazzjonali, inkluż finanzjament għat-timijiet ta’ investigazzjoni konġunta.

Artikolu 61

Stabbiliment tal-baġit

1.   Kull sena, id-Direttur Amministrattiv għandu jfassal abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-istimi tad-dħul u n-nefqa tal-Eurojust għas-sena finanzjarja ta’ wara, inkluża t-tabella tal-persunal, u għandu jibagħtu lill-Bord Eżekuttiv. In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u netwerks oħra tal-Unjoni involuti f’kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali msemmija fl-Artikolu 48 għandhom ikunu infurmati dwar il-partijiet relatati mal-attivitajiet tagħhom fi żmien debitu qabel ma l-istima tintbagħat lill-Kummissjoni.

2.   Fuq il-bażi tal-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-istimi, il-Bord Eżekuttiv għandu jirrieżamina l-abbozz provviżorju tal-istimi tad-dħul u n-nefqa tal-Eurojust għas-sena finanzjarja ta’ wara, li huwa għandu jibagħat lill-Kulleġġ għall-adozzjoni.

3.   L-abbozz tal-istima proviżorja tad-dħul u n-nefqa tal-Eurojust għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena. Il-Eurojust għandha tibgħat l-abbozz tal-istima finali, li għandu jinkludi abbozz tat-tabella tal-persunal, lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu tal-istess sena.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dikjarazzjoni tal-istimi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (l-“awtorità tal-baġit”) flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

5.   Fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tal-istimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-istimi li tqis neċessarji għat-tabella tal-persunal u l-ammont tal-kontribuzzjoni ddebitata lill-baġit ġenerali, li għandha tippreżenta quddiem l-awtorità tal-baġit f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-TFUE.

6.   L-awtorità tal-baġit għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni mill-Unjoni għall-Eurojust.

7.   L-awtorità tal-baġit għandha tadotta t-tabella tal-persunal tal-Eurojust. Il-baġit tal-Eurojust għandu jiġi adottat mill-Kulleġġ. Għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Meta jkun meħtieġ, il-baġit tal-Eurojust għandu jiġi aġġustat mill-Kulleġġ kif xieraq.

8.   L-Artikolu 88 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (22) għandu japplika għal kwalunkwe proġett ta’ bini li aktarx ikollu implikazzjonijiet sinifikanti għall-baġit tal-Eurojust.

Artikolu 62

Implimentazzjoni tal-baġit

Id-Direttur Amministrattiv għandu jaġixxi bħala l-uffiċjal awtorizzanti tal-Eurojust u għandu jimplimenta l-baġit tal-Eurojust bir-responsabbiltà tiegħu, fi ħdan il-limiti awtorizzati fil-baġit.

Artikolu 63

Preżentazzjoni tal-kontijiet u kwittanza

1.   L-Uffiċjal tal-kontabilità tal-Eurojust għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji għas-sena finanzjarja (sena N) lill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara (sena N+1).

2.   Il-Eurojust għandha tibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta’ Marzu tas-sena N+1.

3.   L-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji tal-Eurojust għas-sena N, konsolidati mal-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta’ Marzu tas-sena N+1.

4.   F’konformità mal-Artikolu 246(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-Qorti tal-Awdituri għandha tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kontijiet proviżorji tal-Eurojust sal-1 ta’ Ġunju tas-sena N+1.

5.   Malli jaslulu l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Eurojust skont l-Artikolu 246 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, id-Direttur Amministrattiv għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Eurojust taħt ir-responsabbltà tiegħu u għandu jippreżentahom lill-Bord Eżekuttiv għal opinjoni.

6.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Eurojust.

7.   Sal-1 ta’ Lulju tas-sena N+1, id-Direttur Amministrattiv għandu jibgħat il-kontijiet finali għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord Eżekuttiv.

8.   Il-kontijiet finali għas-sena N għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena N+1.

9.   Id-Direttur Amministrattiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta’ Settembru tas-sena N+1. Id-Direttur Amministrattiv għandu jibgħat din it-tweġiba wkoll lill-Bord Eżekuttiv u lill-Kummissjoni.

10.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew, id-Direttur Amministrattiv għandu jippreżenta lilu kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla intoppi tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni f’konformità mal-Artikolu 261(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

11.   Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, il-Parlament Ewropew għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Amministrattiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

12.   Il-kwittanza tal-baġit tal-Eurojust għandha tingħata mill-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont proċedura paragunabbli ma’ dik prevista fl-Artikolu 319 tat-TFUE u l-Artikoli 260, 261 u 262 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u abbażi tar-rapport ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri.

Jekk il-Parlament Ewropew jirrifjuta li jagħti l-kwittanza sal-15 ta’ Mejju tas-sena N+2, id-Direttur Amministrattiv għandu jiġi mistieden jispjega l-pożizzjoni tiegħu lill-Kulleġġ, li għandu jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu fuq il-pożizzjoni tad-Direttur Amministrattiv fid-dawl taċ-ċirkustanzi.

Artikolu 64

Regoli finanzjarji

1.   Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Eurojust għandhom jiġu adottati mill-Bord Eżekuttiv f’konformità mar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1271/2013 wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawk ir-regoli finanzjarji ma għandhomx jiddevjaw mir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1271/2013 sakemm tali devjazzjoni ma tkunx meħtieġa b’mod speċifiku għall-operat tal-Eurojust u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.

Fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju li għandu jingħata lill-attivitajiet tat-timijiet ta’ investigazzjoni konġunti, il-Eurojust u l-Europol għandhom jistabbilixxu b’mod konġunt ir-regoli u l-kundizzjonijiet li bihom l-applikazzjonijiet għal tali appoġġ għandhom jiġu pproċessati.

2.   Il-Eurojust tista’ tagħmel għotjiet relatati mat-twettiq tal-kompiti tagħha taħt l-Artikolu 4(1). Għotjiet mogħtija għal kompiti relatati mal-punt (f) tal-Artikolu 4(1) jistgħu jingħataw lill-Istati Membri mingħajr sejħa għal proposti.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PERSUNAL

Artikolu 65

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti Oħra, kif ukoll ir-regoli adottati bi qbil bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jagħtu effett lir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u lill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti Oħra għandhom japplikaw għall-persunal tal-Eurojust.

2.   Il-persunal tal-Eurojust għandu jikkonsisti f’persunal irreklutat skont ir-regoli u r-regolamenti applikabbli għal uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni, b’kont meħud tal-kriterji kollha msemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali, inkluża d-distribuzzjoni ġeografika tagħhom.

Artikolu 66

Esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor

1.   Minbarra l-persunal tagħha stess, il-Eurojust tista’ tuża esperti nazzjonali sekondati jew persunal ieħor li ma jkunx impjegat mill-Eurojust.

2.   Il-Kulleġġ għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali mal-Eurojust u dwar l-użu ta’ persunal ieħor, b’mod partikolari biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess potenzjali.

3.   Il-Eurojust għandha tieħu l-miżuri amministrattivi xierqa, inter alia permezz ta’ strateġiji ta’ taħriġ u prevenzjoni, biex tevita l-kunflitti ta’ interess, inklużi kunflitti ta’ interessi relatati ma’ kwistjonijiet rigward il-perjodu suċċessiv għal impjieg.

KAPITOLU VIII

EVALWAZZJONI U RAPPURTAR

Artikolu 67

Involviment tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-parlamenti nazzjonali

1.   Il-Eurojust għandha tibgħat ir-rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-parlamenti nazzjonali, li jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet u konklużjonijiet.

2.   Malli jieħu l-kariga tiegħu, il-President elett tal-Eurojust għandu jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat jew kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu. Id-diskussjonijiet ma għandhomx jirreferu b’mod dirett jew indirett għal azzjonijiet konkreti meħuda fir-rigward ta’ każijiet operazzjonali speċifiċi.

3.   Il-President tal-Eurojust għandu jidher darba fis-sena għal evalwazzjoni konġunta tal-attivitajiet tal-Eurojust mill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-qafas ta’ laqgħa tal-kumitat interparlamentari, biex jiddiskuti l-attivitajiet attwali tal-Eurojust u biex jippreżenta r-rapport annwali tagħha jew dokumenti oħra ewlenin tal-Eurojust.

Id-diskussjonijiet ma għandhomx jirreferu b’mod dirett jew indirett għal azzjonijiet konkreti meħuda fir-rigward ta’ każijiet operazzjonali speċifiċi.

4.   Minbarra l-obbligi l-oħra ta’ informazzjoni u konsultazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-Eurojust għandha tittrażmetti lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali fil-lingwi uffiċjali rispettivi tagħhom għal skopijiet ta’ informazzjoni tagħhom:

(a)

ir-riżultati tal-istudji u l-proġetti strateġiċi elaborati jew kummissjonati mill-Eurojust;

(b)

id-dokument ta’ programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 15;

(c)

arranġamenti ta’ ħidma konklużi ma’ partijiet terzi.

Artikolu 68

Opinjonijiet dwar atti leġiżlattivi proposti

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom abbażi tal-punt (b) tal-Artikolu 76 tat-TFUE jistgħu jitolbu l-opinjoni tal-Eurojust dwar l-atti leġiżlattivi proposti kollha msemmija fl-Artikolu 76 tat-TFUE.

Artikolu 69

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Sat-13 ta’ Diċembru 2024, u kull 5 snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tikkummissjona evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u l-impatt ta’ dan ir-Regolament, u l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Eurojust u l-prattiki tax-xogħol tagħha. Il-pożizzjoni tal-Kulleġġ għandha tinstema’ fl-evalwazzjoni. L-evalwazzjoni tista’, b’mod partikolari, tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġi modifikat il-mandat tal-Eurojust, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe modifika bħal din.

2.   Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-rapport ta’ evalwazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-parlamenti nazzjonali, lill-Kunsill u lill-Kulleġġ. Il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni għandhom isiru pubbliċi.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 70

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, għandu japplika għall-Eurojust u l-persunal tiegħu.

Artikolu 71

Arranġamenti lingwistiċi

1.   Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (23) għandu japplika għall-Eurojust.

2.   Il-Kulleġġ għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti lingwistiċi interni tal-Eurojust b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu.

3.   Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Eurojust għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi tal-Unjoni Ewrope, kif stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 (24), sakemm il-fatt li ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni ma jkunx disponibbli ma jirrikjedix li tinstab soluzzjoni oħra.

Artikolu 72

Kunfidenzjalità

1.   Il-membri nazzjonali u d-deputati u l-Assistenti tagħhom imsemmija fl-Artikolu 7, il-persunal tal-Eurojust, il-korrispondenti nazzjonali, l-esperti nazzjonali sekondati, il-maġistrati ta’ kollegament, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, u l-membri u l-persunal tal-KEPD għandhom ikunu marbutin b’obbligu ta’ kunfidenzjalità fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni li jsiru jafu biha matul it-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-obbligu ta’ kunfidenzjalità għandu japplika għall-persuni kollha u l-korpi kollha li jaħdmu mal-Eurojust.

3.   L-obbligu ta’ kunfidenzjalità għandu japplika wkoll wara t-tluq mill-uffiċċju jew l-impjieg u wara t-terminazzjoni tal-attivitajiet tal-persuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   L-obbligu ta’ kunfidenzjalità għandu japplika għall-informazzjoni kollha riċevuta jew skambjata mill-Eurojust, sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx diġà saret pubblika jew tkun aċċessibbli għall-pubbliku b’mod legali.

Artikolu 73

Kundizzjonijiet għall-kunfidenzjalità ta’ proċedimenti nazzjonali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(3), meta l-informazzjoni tkun riċevuta jew skambjata permezz tal-Eurojust, l-awtorità tal-Istat Membru li tkun ipprovdiet l-informazzjoni tista’ tistipula kundizzjonijiet, skont il-liġi nazzjonali tagħha, dwar l-użu mill-awtorità riċeventi ta’ dik l-informazzjoni fi proċedimenti nazzjonali.

2.   L-awtorità tal-Istat Membru li tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun marbuta b’dawk il-kundizzjonijiet.

Artikolu 74

Trasparenza

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Eurojust.

2.   Fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord Eżekuttiv għandu jħejji r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għall-adozzjoni mill-Kulleġġ.

3.   Id-deċiżjonijiet meħudin mill-Eurojust skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lment lill-Ombudsman Ewropew jew ta’ azzjoni quddiem il-Qorti, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 228 u 263 tat-TFUE, rispettivament.

4.   Il-Eurojust għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha lista tal-membri tal-Bord ta’ Amministrazzjoni u sommarji tal-eżiti tal-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv. Il-pubblikazzjoni ta’ dawk is-sommarji għandha titħalla barra jew tiġi ristretta temporanjament jew b’mod permanenti jekk ikun hemm ir-riskju li tali pubblikazzjoni tikkomprometti t-twettiq tal-kompiti tal-Eurojust, b’kont meħud tal-obbligi tagħha ta’ diskrezzjoni u kunfidenzjalità u l-karattru operazzjonali tal-Eurojust.

Artikolu 75

OLAF u l-Qorti tal-Awdituri

1.   Biex tiġi faċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali taħt ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Eurojust għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (26). Il-Eurojust għandha tadotta dispożizzjonijiet xierqa li japplikaw għall-membri nazzjonali, id-deputati u l-Assistenti tagħhom kollha, l-esperti nazzjonali sekondati kollha u l-persunal tal-Eurojust kollu, billi jintuża l-mudell stabbilit fl-Anness għal dak il-Ftehim.

2.   Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħat tal-awditjar, fuq il-bażi ta’ dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għajnuna, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li rċivew fondi tal-Unjoni mill-Eurojust.

3.   L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (27) bil-għan li jistabbilixxi jekk seħħitx xi irregolarità li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta man-nefqa ffinanzjata mill-Eurojust.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, l-arranġamenti tax-xogħol ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet ta’ għoti u d-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-Eurojust għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditjar u investigazzjonijiet, f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

5.   Il-persunal tal-Eurojust, id-Direttur Amministrattiv u l-membri tal-Kulleġġ u tal-Bord Eżekuttiv għandhom, mingħajr dewmien u mingħajr b’riżultat ta’ dan ma tiġi kkonstestata r-responsabbiltà tagħhom, jinnotifikaw lill-OLAF u lill-UPPE dwar kwalunkwe suspett ta’ attività irregolari jew illegali li jkun wasal għall-attenzjoni tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 76

Regoli dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u ta’ informazzjoni klassifikata

1.   Il-Eurojust għandha tistabbilixxi regoli interni dwar it-trattament u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, inkluż il-ħolqien u l-ipproċessar ta’ tali informazzjoni fil-Eurojust.

2.   Il-Eurojust għandha tistabbilixxi regoli interni dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE li għandhom ikunu konsistenti mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (28) sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għal tali informazzjoni.

Artikolu 77

Investigazzjonijiet amministrattivi

L-attivitajiet amministrattivi tal-Eurojust għandhom ikunu suġġetti għall-investigazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew f’konformità mal-Artikolu 228 tat-TFUE.

Artikolu 78

Responsabbiltà oħra minbarra r-responsabilità għall-ipproċessar mhux awtorizzat jew żbaljat ta’ data

1.   Ir-responsabilità kuntrattwali tal-Eurojust għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

2.   Il-Qorti għandu jkollha ġurisdizzjoni biex tagħti sentenza skont kwalunkwe klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt konkluż mill-Eurojust.

3.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Eurojust, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri u b’mod indipendenti minn kwalunkwe responsabbiltà skont l-Artikolu 46, għandha tagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara kkaġunata mill-Eurojust jew mill-persunal tagħha fil-qadi ta’ dmirijietu.

4.   Il-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għall-ħsara kkaġunata minħabba membru nazzjonali, deputat jew Assistent fil-qadi ta’ dmirijiethom. Madankollu, meta dawn ikunu qed jaġixxu fuq il-bażi tas-setgħat mogħtija lilhom skont l-Artikolu 8, l-Istat Membru tagħhom għandu jrodd lill-Eurojust is-somom li l-Eurojust ħallset biex tagħmel tajjeb għat-tali ħsara.

5.   Il-Qorti għandu jkollha ġurisdizzjoni fit-tilwim dwar kumpens għall-ħsarat imsemmija fil-paragrafu 3.

6.   Il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri kompetenti biex jindirizzaw tilwim li jinvolvi r-responsabbiltà tal-Eurojust kif imsemmi f’dan l-Artikolu għandhom jiġu determinati b’referenza għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29).

7.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tal-Eurojust lejn il-Eurojust għandha tkun regolata bid-dispożizzjonijiet applikabbli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti Oħra.

Artikolu 79

Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u l-kundizzjonijiet operazzjonali

1.   Is-sede tal-Eurojust għandha tkun l-Aja, in-Netherlands.

2.   L-arranġamenti neċessarji dwar l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-Eurojust fin-Netherlands u l-faċilitajiet li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni min-Netherlands flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli fin-Netherlands għad-Direttur Amministrattiv, il-membri tal-Kulleġġ, il-persunal tal-Eurojust u l-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim dwar il-kwartieri ġenerali bejn il-Eurojust u n-Netherlands li jiġi konkluż ladarba tinkiseb l-approvazzjoni tal-Kulleġġ.

Artikolu 80

Ftehimiet tranżizzjonali

1.   Il-Eurojust kif stabbilita b’dan ir-Regolament għandha tkun is-suċċessur legali ġenerali fir-rigward tal-kuntratti kollha konklużi, tar-responsabbiltajiet kollha assunti, u tal-proprjetajiet kollha akkwistati mill-Eurojust kif stabbilita bid-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI.

2.   Il-membri nazzjonali tal-Eurojust kif stabbilita bid-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI li kienu sekondati minn kull Stat Membru taħt dik id-Deċiżjoni għandhom jieħdu r-rwol tal-membri nazzjonali tal-Eurojust skont it-Taqsima II tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament. Il-mandat tagħhom jista’ jiġi estiż darba taħt l-Artikolu 7(5) ta’ dan ir-Regolament wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, irrispettivament minn estensjoni li tkun ingħatat qabel.

3.   Il-President u l-Viċi Presidenti tal-Eurojust kif stabbilita bid-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jieħdu r-rwol tal-President u l-Viċi Presidenti tal-Eurojust taħt l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament, sakemm jiskadilhom il-mandat tagħhom skont dik id-Deċiżjoni. Huma jistgħu jerġgħu jiġu eletti darba wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament taħt l-Artikolu 11(4) ta’ dan ir-Regolament, irrispettivament minn rielezzjoni preċedenti.

4.   Id-Direttur Amministrattiv li nħatar l-aħħar taħt l-Artikolu 29 tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI għandu jieħu r-rwol tad-Direttur Amministrattiv taħt l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament sakemm jiskadi l-mandat tiegħu taħt dik id-Deċiżjoni. Il-mandat ta’ dak id-Direttur Amministrattiv jista’ jiġi estiż darba wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

5.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-validità tal-ftehimiet konklużi mill-Eurojust kif stabbilita bid-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI. B’mod partikolari, il-ftehimiet internazzjonali kollha konklużi mill-Eurojust qabel it-12 ta’ Diċembru 2019 għandhom jibqgħu validi.

6.   Il-proċedura tal-kwittanza fir-rigward tal-baġits approvati abbażi tal-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI għandha titwettaq f’konformità mar-regoli stabbiliti bl-Artikolu 36 tagħha.

7.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kuntratti tal-impjieg li jkunu ġew konklużi taħt id-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data li nħatar l-aħħar taħt l-Artikolu 17 ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jieħu r-rwol ta’ Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data taħt l-Artikolu 36 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 81

Sostituzzjoni u tħassir

1.   Id-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI hija b’dan sostitwita għall-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2019.

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI hija mħassra b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2019 .

2.   Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament, ir-referenzi għad-Deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 82

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa għandu japplika mit-12 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Novembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Ottubru 2018. (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2018.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/659/JHA tat-18 ta' Ġunju 2003 li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/JHA li tistabbilixxi l-Eurojust bil-ħsieb li tirrinforza l-ġlieda kontra d-delitti serji (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 44).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 138, 4.6.2009, p. 14).

(5)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi network Ewropew ta’ punti ta’ kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra (ĠU L 167, 26.6.2002, p. 1).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/852/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar netwerk ta’ punti ta’ kuntatt kontra l-korruzzjoni (ĠU L 301, 12.11.2008, p. 38).

(9)  Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(10)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu tat-tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ara paġna 39 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/69/ĠAI tal-24 ta' Jannar 2005 dwar l-iskambju ta' ċerta data mal-Interpol (ĠU L 27, 29.1.2005, p. 61)

(12)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).

(13)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 96/277/ĠAI tat-22 ta’ April 1996 dwar qafas għall-iskambju ta’ maġistrati li jikkollegaw direttament sabiex tittejjeb il-koperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 105, 27.4.1996, p. 1).

(14)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(15)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir- Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(16)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(17)  Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1).

(18)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(19)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi (ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22).

(20)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 130).

(21)  Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

(22)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(23)  Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).

(24)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1).

(25)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(26)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(27)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(28)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(29)  Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).


ANNESS I

Lista ta’ forom ta’ kriminalità serja li l-Eurojust hija kompetenti sabiex tindirizza f’konformità mal-Artikolu 3(1):

terroriżmu,

kriminalità organizzata,

traffikar tad-drogi,

attivitajiet ta’ ħasil tal-flus,

kriminalità marbuta ma’ sustanzi nukleari u radjuattivi,

faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ immigranti,

traffikar tal-bnedmin,

kriminalità marbuta ma’ vetturi,

omiċidju u offiżi gravi fuq il-persuna,

kummerċ illeċitu f’organi u tessut tal-bniedem,

ħtif, żamma kontra r-rieda u teħid ta’ ostaġġi,

razziżmu u ksenofobija,

serq u serq aggravat,

traffikar illeċitu fi prodotti tal-kultura, inklużi oġġetti antiki u xogħlijiet artistiċi,

imbrolju u frodi,

kriminalità kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni,

abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq finanzjarju,

rikattar organizzat u estorsjoni,

falsifikazzjoni u piraterija tal-prodotti,

falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar ta’ dawn,

falsifikazzjoni ta’ flus u mezzi ta’ ħlas,

kriminalità relatata mal-kompjuter,

korruzzjoni,

traffikar illeċitu f’armi, munizzjoni u splussivi,

traffikar illeċitu fi speċijiet ta’ annimali fil-periklu,

traffikar illeċitu fi speċijiet u varjetajiet ta’ pjanti fil-periklu,

kriminalità kontra l-ambjent, inkluż it-tniġġis minn vapuri,

traffikar illeċitu f’sustanzi ormonali u promoturi oħra tat-tkabbir,

abbuż sesswali u sfruttament sesswali, inkluż materjal marbut mal-abbuż tat-tfal u t-tħajjir tat-tfal għal finijiet sesswali,

ġenoċidju, kriminalità kontra l-umanità u kriminalità tal-gwerra.


ANNESS II

KATEGORIJI TA’ DATA PERSONALI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 27

1.

(a)

kunjom, isem tax-xbubija, ismijiet mogħtijin u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;

(b)

data u l-post tat-twelid;

(c)

ċittadinanza;

(d)

sess;

(e)

post ta’ residenza, professjoni u fejn tinsab il-persuna kkonċernata;

(f)

numru tas-sigurtà soċjali jew numri uffiċjali oħra użati fl-Istat Membru għall-identifikazzjoni ta’ individwi, data dwar il-liċenzji tas-sewqan, id-dokumenti ta’ identifikazzjoni u tal-passaport, numri tad-dwana u ta’ identifikazzjoni tat-taxxa;

(g)

informazzjoni dwar persuni ġuridiċi jekk tinkludi informazzjoni relatata ma’ individwi identifikati jew identifikabbli li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni ġudizzjarja jew prosekuzzjoni;

(h)

dettalji ta’ kontijiet miżmuma ma’ banek jew ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra;

(i)

deskrizzjoni u natura tar-reati allegati, id-data li fiha twettqu, il-kategorija kriminali tar-reati u l-progress fl-investigazzjonijiet;

(j)

il-fatti li jindikaw estensjoni internazzjonali tal-każ;

(k)

dettalji relatati mas-sħubija allegata f’ organizzazzjoni kriminali;

(l)

numri tat-telefon, indirizzi tal-email, data dwar it-traffiku u data ta’ lokalizzazzjoni, kif ukoll kwalunkwe data relatata meħtieġa biex jiġi identifikat l-abbonat jew l-utent;

(m)

data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vettura;

(n)

profili tad-DNA stabbiliti mill-parti mhux kodifikatriċi tad-DNA, ritratti u marki tas-swaba’.

2.

(a)

kunjom, isem tax-xbubija, ismijiet mogħtijin u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;

(b)

data u l-post tat-twelid;

(c)

ċittadinanza;

(d)

sess;

(e)

il-post ta’ residenza, professjoni u fejn tinsab il-persuna kkonċernata;

(f)

deskrizzjoni u natura tar-reati li jinvolvu lill-persuna kkonċernata, id-data li fiha twettqu r-reati, il-kategorija kriminali tar-reati u l-progress fl-investigazzjonijiet.

(g)

in-numru tas-sigurtà soċjali jew numri uffiċjali oħra użati mill-Istati Membri għall-identifikazzjoni ta’ individwi, liċenzji tas-sewqan, dokumenti ta’ identifikazzjoni u data tal-passaport, numri tad-dwana u ta’ identifikazzjoni tat-Taxxa;

(h)

dettalji ta’ kontijiet miżmuma ma’ banek u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra;

(i)

numri tat-telefon, indirizzi tal-email, data dwar it-traffiku u data ta’ lokalizzazzjoni, kif ukoll kwalunkwe data relatata meħtieġa biex jiġi identifikat l-abbonat jew l-utent;

(j)

data dwar ir-reġistrazzjoni ta’ vettura.